PRIETKA TAL-MILIED 2005
F’dal lejl ta’ skiet u ħemda
f’dal lejl ta’ paċi u ferħ
feraħtna bi twelidek
u f’qalbna tfajt is-serħ
Din qalbna bil-wisq tqila
ġġorr bil-wisq imrar
ma llum bil-ferħ tinfetaħ
u tarmi ħafna żgħar
Iż-żgħar ta’ fidi soda
fidi titlaq mill-qalb
fidi bl-għemil imsaħħa
f’mument ta’ skiet u talb
Fidi marbuta b’tama
li inti dejjem magħna
Qatt ma tħallina mbeżżgħa
O Ragħaj it-Tajjeb tagħna
Itfa’ f’qalbna l-mħabba
Ġesu’ ċkejken Bambin
Agħmel li nsiru nħobbu
U ngħadru lil xulxin
Agħti lid-dinja kollha
Paċi li tant tixtieq
Agħmilna lkoll qalb waħda
Mexxina fl-istess Triq
It-triq li twassal għandek
It-triq tal-paċi u serħ
It-Triq tal-għaqda miegħek
Fik biss jinsab il-ferħ
F’dal lejl ta’ ferħ u hena
f’dal lejl ta’ paċi u skiet
Imliena Ġesu’ ċkejken
Minn qalbek bil-barkiet!
Kien sewwa sew lejliet il-Milied bħal-lum 37 sena ilu, il-Milied tas-sena 1968. Id-dinja kienet imdaħħla f’dik li kienet tissejjaħ il-ġirja għall-konkwista tal-ispazju. F’dawk is-snin, is-snin sittin, bdew jittellgħu diversi vetturi spazjali biex jitkixxfu il-misteri u s-sigrieti illi Alla ħeba sa mill-ibgħad żminijiet fid-dagħbien tal-univers. U f’dik is-sena u f’dak il-lejl bħal-lejla, fuq waħda mill-vetturi spazjali bl-isem ta’ Apollo 8 kienu jinsabu jduru madwar id-dinja fl-għoli ta’ 370 kilomteru bogħod mill-wiċċ tad-dinja tliet astronawti. Dawn kien jisimhom Borman, Anders u Lovell. Maħkum mill-ferħ u mill-emozzjoni ta’ dak li kien qiegħed jara u kien qiegħed iħoss, wieħed minn dawn l-astronawti qabad il-mikrofonu żgħir li kellu imwaħħal mal-libsa speċjali tiegħu u bagħat messaġġ ta’ qalb lil Alla li dak il-ħin tant ħassui qribu. Kien il-messaġġ li xtaq jibgħat f’dan il-lejl qaddis, il-lejl tal-Milied.
Lil Alla dan l-astronawta Borman jitolbu hekk:
O Alla agħtina viżta tajba biex naraw imħabbtek fid-dinja, minkejja l-falliment tal-bnedmin. Agħtina l-fidi meħtieġa biex ikollna fiduċja fit-tajjeb, minkejja l-injuranza u d-dgħufija tagħna. Agħtina l-għerf, biex nibqgħu nitolbu bil-qalb u bil-għaqal. Urina dak li kull wieħed jista’ jagħmel biex inħaffu l-miġja ta’ dak il-jum li fih iżżernaq il-paċi universali. Fi ftit kliem f’dak il-lejl ta’ lejliet il-Milied tas-sena 1968, l-Astronawta Borman talab 4 grazzji speċjali lil Alla: 1. Viżta tajba 2. Fidi Qawwija 3. Għerf Veru 4. Paċi Dejjiema. Filwaqt li aħna se nippruvaw f’dal il-lejl qaddis nirriflettu fuq dan l-4 grazzji se nipruvaw ukoll nagħmlu din it-talba tal-Astronawta Borman it-talba u r-riflessjoni tagħna f’dan il-lejl.
- Agħtina viżta tajba biex naraw imħabbtek fid-dinja. Ejjew, nidħlu għall-mument, fil-qalb tal-astronawta Bornam u nħossu miegħu dawk l-emozzjonijiet ta’ stagħġib u meravilja meta jilmaħ mill-bogħod id-dinja bħal globu ċkejken ċkejken, tant ckejken, li kważi tista tħaddnu f’idejk it-tnejn. U f’dak il-globu ċkejken hemm miljuni u miljuni ta’ ħlejjaq li kuljum mat-tlugħ ix-xemx jerfgħu dirgħajhom lejn il-ħallieq u jitolbuh “}obżna ta’ kuljum agħtina llum” U l-Missier tas-sema mil-imħabba dejjiema tiegħu jimla l-ħluq ta’ dawk il-miljuni u b’imħabbtu jwennishom u jħarishom.Mhux biss dan, imma mill-imħabba tiegħu Alla fi imħabbtu jqanqal qlub in-nies twajba biex jagħtu minn ħinhom ħalli jgħinu lil maħqur u lil mitluq fil-ħtiġijiet tagħhom. Kemm morda sabu wens u sabar u l-fejqan l-ewwel tal-qalb, imbagħad tal-ġisem għax il-Mulej qanqal qlub ġenerużi li jaraw fil-marid u fl-imwarrab lilhu stess? Kemm barranin li ħarbu minn ħalq il-mewt minħabba gwerer jew karestija sabu qlub kuraġġjużi li ħelsuhom minn tempesti tal-baħar u offrewlhom saqaf ta’ kenn? Dawn u ħafna episodji oħrajn huma xhieda tal-imħabba li Alla għandu għalina l-bnedmin. Imma biex narawhom sewwa irid ikollna viżta tajba u iktar minn hekk irridu inkunu ħassejna fil-qalb tagħna l-imħabba li Alla għandu għall-bnedmin kollha.
- Agħtina l-fidi meħtieġa biex ikollna fiuċja fit-tajjeb minkejja l-injuranza u d-djugħfija tagħna. Naħseb li kollna kemm aħna nixtiequ li nagħmlu xi ħaġa sabiħa għal Alla, għalina nfusna u għall-proxxmu tagħna. Pero’ minkejja dan, kemm drabi sibna ruħna nagħmlu l-kuntrarju. Kemm drabi ma tajniex widen għal dak li l-Mulej ried minna, għamilna ta’ rasna u weġġajna lilna nfusna u lil proxxmu tagħna. Il-Bniedem tal-fidi jagħmel biss dak li Alla jitlob minnu. }arsu lejn Marija l-Omm ta’ Ġesu’! Araw kemm ferħ u paċi ġabet lid-dinja għax għamlet biss dak li ried minnha l-Mulej u lill-Anglu quddiem ll-messaġġ ta’ l-għoli tgħidlu b’fidi “Ikun minni skond kelmtek.” O li kieku l-bnedmin tad-dinja jisimgħu dak li jrid minnhom il-Mulej u jagħmlu biss dak li jrid minnhom b’fidi qawwija.
- Agħtina l-għerf biex nibqgħu nitolbu bil-qalb u bil-għaqal. F’dawk il-mumenti meta l-bniedem kien qed idur mad-dinja l-qalb tiegħu setgħet timela bis-suppervja imma mhux hekk ġara fil-qalb tal-astronawta, qalb mimlija fidi u twemmin f’Alla. Hu l-Iblaħ biss, kif jgħid is-salmista li jista jgħid f’qalbu li “M’hemmx Alla”! Il-bniedem li għandu l-veru għerf, l-għerf tal-qalb hu bniedem umli, bniedem li jaf li dak li għandu kollu ġej minn Alla, kollox hu misluf lilhu għal ftit taż-żmien, kollu qiegħed hemm biex iwassal għal-aktar għaqda m’Alla. U din l-għaqda isseħħ fil-mument tat-talb. Nitfgħu ħarsistna fuq il-Verġni Imbierka u San Ġużepp fil-mument tat-twelid ta’ Ġesu’ u naraw f’qalbhom sentimenti ta’ adorazzjoni u talb. Min jaf kemm talbuh f’dawk l-ewwel mumenti tal-miġja tiegħu fostna l-bnedmin, għal tant bnedmin li ħerqana kienu jistennew il-miġja tiegħu? Miġja ta’ ħelsien mix-xkiel kollu tal-ħajja, miġja ta’ fejqan li jaħkem il-qalb u l-ġisem tal-bniedem, miġja ta’ salvazzjoni għal dak li kienu qed jgħixu bla tama. U din it-talba ta’ Marija u Ġużeppi hemm fl-għar ta’ Betlem, għadha sejra bla ma taqta minn tant erwieħ twajba li għadhom jħobbu lil Ġesu’. U nixtiequ aħna ukoll nidħlu f’din il-katina ta’ talb f’dal il-lejl qaddis.
- Fl-aħħar grazzja l-astronawta jitlob għall-Paċi. Dik il-paċi li l-Angli kantaw u offrew lill-bnedmin ta’ rieda tajba hemm fuq l-għar ta’ Betlem dak in-nhar tat-twelid ta’ Ġesu’ għadha u tibqa’ it-talba tal-bnedmin kollha. “Imberkin ir-riġlejn ta’ dawk li jġibu l-paċi. Għal mument ninsew id-differenzi ta’ bejnietna, nħossuna ulied l-istess Missier, naħdmu ħalli jkun hemm iktar imħabba u ġustizzja bejnietna, nitgħallmu nkunu ġeneruzi u mhux egoisti u naraw li din il-paċi li Ġesu’ jrid joffrilna titrawwem kuljum fil-qalb ċkejkna tagħna.
Fl-aħħarnett indur lejk O Ġesu’ ċkejken tarbija, u f’isem dawn ħuti kbar u żgħar insellimlek u ngħidlek “Is-Sliem Sultan tal-Paċi”. O kemm nixtiequ li l-paċi li qed titfa’ fi qlubna l-lejla twassalha ukoll fi qlub il-bnedmin li huma nieqsa minnha. Bnedmin li huma imweggħin minħabba kawżi ta’ firda, mard, jew ta’ nkwiet . Urihom inti li huma maħbuba kollha minnek u li inti biss tista’ tgħinhom meta jduru lejk bil-fidi fit-talb. Agħmilna umli kif kienu umli Ġużeppi u Marija li tant rassewk ma’ qalbhom f’dak il-lejl għażiż ta’ twelidek. Bierek lill-Papa tagħna l-Papa Benedettu, l-Isqof tagħna, is-saċerdoti tal-Knisja tagħna, u la tinsiex il-missjunarji tagħna fosthom Dun Jimmy. Bierek ukoll lill-ġenituri u l-familja kollha tiegħi. Agħti lil kulħadd il-ferħ u agħmel li dan il-ferħ jtul ħafna ħalli nħossu li int tassew l-Emmanweli Alla tagħna għal dejjem.
Viva Ġesu’ Bambin!