Sejħa mill-Isqfijiet Ewropej ghas-solidarjetà

Print Friendly, PDF & Email

L-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea sejħu għas-solidarjetà u tama fit-triq lejn futur aħjar.

L-Isqfijiet tal-Ewropa ndirizzaw messaġġ ta’ tama u sejħa għas-solidarjetà lill-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri waqt il-kriżi tas-saħħa li ħakmet id-dinja fix-xhur li għaddew.

F’messaġġ maħruġ nhar l-Erbgħa, l-COMECE, tennew l-impenn tagħhom għall-kostruzzjoni tal-Ewropa u għall-valuri fundaturi tagħha ta’ “solidarjetà, libertà, nvjolabbiltà tad-dinjità tal-bniedem, demokrazija, stat tad-dritt, ugwaljanza u difiża u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem”. Ispirati mill-fidi Nisranija, li “hija l-pedament aħħari tat-tama u l-fraternità universali”, l-Isqfijiet jaffermaw ukoll ir-rieda li jistinkaw, flimkien ma’ Knejjes Insara oħra u komunitajiet ekkleżjali, biex “jibnu fraternità universali li ma tħalli lil ħadd barra”.

Filwaqt li enfasizzaw uħud mill-effetti wiesgħa tal-kriżi tas-saħħa Covid-19, huma nnutaw li l-pandemija ċaqilqet ħafna “mit-titoli preċedenti u kixfet il-vulnerabbiltà u l-interkonnettività tagħna”. Ħafna mill-Isqfijiet innutaw u nkwetati li l-Unjoni Ewropea nnifisha bħala proġett “ekonomiku, politiku, soċjali u kulturali kienet f’riskju”. Madankollu, mbuttata bir-realizzazzjoni li kulħadd qiegħed fl-istess dgħajsa u li nistgħu nsalvaw lilna nfusna biss billi nibqgħu flimkien, l-Unjoni Ewropea qed turi l-kapaċità tagħha li terġa’ tiskopri l-ispirtu tal-Missirijiet Fundaturi u qed tibda tirrispondi b’mod ta’ għaqda. Dan l-ispirtu, jittamaw l-Isqfijiet, ikun rifless fl-istrument ta’ rkupru ta’ Covid-19 u l-baġit imsaħħaħ tal-Unjoni Ewropea għall-2021 – 2027.

Il-futur tal-Unjoni Ewropea ma jiddependix biss fuq l-ekonomija u l-finanzi, iżda wkoll fuq spirtu komuni u mentalità ġdida, saħqu l-Isqfijiet. F’dan ir-rigward l-isforzi m’għandhomx ikunu sempliċiment iddedikati għar-ritorn għal dak li konna qabel. Minflok, il-kontinent għandu jieħu vantaġġ mill-kriżi biex iġib “bidla radikali għall-aħjar” billi jaħseb mill-ġdid il-mudelli preżenti ta’ globalizzazzjoni, jiggarantixxi r-rispett għall-ambjent, il-ftuħ għall-ħajja, l-ugwaljanza soċjali, l-ħarsien tad-dinjità tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Isqfijiet Ewropej innutaw li s-solidarjetà lejn ir-refuġjati m’għandiex tinvolvi biss finanzjament iżda estiża biex tinkludi “il-ftuħ tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea proporzjonalment minn kull stat Membru”.

Bħala konklużjoni, l-Isqfijiet Ewropej esprimew it-tama tagħhom li l-Ewropa tista’ toħroġ minn din il-kriżi “aktar b’saħħitha, aktar għaqlija, iktar magħquda, teżerċita aktar is-solidarjetà, tieħu ħsieb aktar id-dar komuni tagħna, tkun kontinent li jimbotta lid-dinja kollha ‘l quddiem lejn fraternità akbar, ġustizzja, paċi w ugwaljanza”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020-11/comece-solidarity-coronvirus-eu-hope-europe.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading