Nitlob u nbierek lill-edukaturi kollha li b’kuraġġ kbir jgħidulna x’inhu tassew ta’ ġid għalina


Il-Ħamis, 19 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-bikja ta’ Ġesù fuq Ġerusalemm tintroduċina għall-aħħar żmien tas-sena liturġika fejn il-kliem ta’ Ġesù u s-siltiet tal-Evanġelju jitkellmu dwar it-tmiem ta’ Ġerusalemm, it-tmien tad-dinja, it-tmiem ta’ kull wieħed u waħda minna f’din il-ħajja.

Il-Mulej Ġesù jibki fuq Ġerusalemm (ara Lq 19:45). Fil-bikja ta’ mħabba, ta’ diqa u ta’ dulur għal din il-belt li huwa ħabb u li fiha kellu jiġi kkundannat ’il barra mill-ħitan tagħha, kellu jiġi msallab, midfun u mbagħad jirxoxta.

Ġesù jibki lil Ġerusalemm għaliex m’għarfitx il-jum u m’għarfitx x’inhu ta’ ġid għaliha. Din hija xi ħaġa li tista’ ġġiegħel lilna wkoll naħsbu ftit. Nitolbu d-dawl tal-Mulej biex nagħrfu x’inhu ta’ ġid għalina. Kulma nagħmlu, anke l-iżbalji li nagħmlu, nagħmluhom għax mingħalina se nkunu aħjar. Imma ħafna drabi ma nifhmux x’inhu tassew ta’ ġid għalina.

Tista’ tiltaqa’ ma’ xi ħadd dipendenti fuq id-droga u insistentement jitolbok il-flus għaliex mingħalih li bid-droga li se jieħu se jkun aħjar, anke għaliex jekk ma jeħodhiex se jkollu uġigħ u tbatija kbira. Forsi dan il-proxxmu ma kellux min jiftaħlu għajnejh dwar x’inhu ta’ ġid tassew għalih.

Għalhekk, nitlob u nbierek lil dawk kollha fl-edukazzjoni li b’kuraġġ kbir jgħidulna x’inhu tassew ta’ ġid għalina. Kemm hu importanti nifhmu x’inhu tassew ta’ ġid għalina. Ħafna drabi dak li hu ta’ ġid għalina ma jkunx l-iżjed ħaġa li tattirana. Forsi tkun xi ħaġa li titlob minna anke sforz u kontroll tagħna nfusna. Imma kemm hi barka meta nifhmu x’inhu ta’ ġid għalina u nsegwuh. Il-bikja ta’ Ġesù fuq Ġerusalemm hija propju minħabba li m’għarfitx x’inhu ta’ ġid għaliha.

Ejjew nitolbu dan id-dawl mingħand il-Mulej u fl-istess ħin ukoll il-qawwa u l-kuraġġ li nagħmlu meta nagħrfu x’inhu ta’ ġid għalina, nagħmluh bil-qalb.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 5, 1-10
Salm: 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b
Evanġelju: Lq 19, 41-44

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.