“Inħeġġiġkom biex tħobbu l-Knisja tal-Mulej”. Din kienet l-istedina tal-Papa Franġisku fit-tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2020, fil-festa tad-Dedikazzjoni tal-Basiliċi tal-Appostli Pietru u Pawlu. “Din il-festa tenfasizza t-tifsira tal-Knisja, bini sagru fejn jiltaqgħu l-fidili. J’Alla jqajjem fina l-għarfien li kull wieħed minna huwa msejjaħ biex ikun tempju ħaj t’ Alla, billi naħdmu flimkien b’ġenerożità u entużjażmu biex nibnu d-Dar tal-Mulej, l-abitazzjoni tal-Iktar Għoli fostna”.
Li tħobb il-Knisja hija karatteristika mportanti għal min jemmen, li jappartjeni għall-familja t’Alla. F’katekeżi li għamel fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Papa Franġisku fakkar li l-pjan t’Alla “hu li nagħmlu minna lkoll familja waħda ta’ wliedu, li fiha kull perusna tħoss li Alla hu qrib u jħossu maħbub minnu”. Il-Knisja “mhijiex organizzazzjoni stabbilita bi ftehim bejn ftit nies”, iżda “hi x-xogħol t’Alla”, titwieled, “mill-att suprem ta’ mħabba tas-Salib, mill-kustat ta’ Kristu li minnha ħareġ demm u ilma, simbolu tas-sagrament tal-Ewkaristija u tal-Magħmudija”. Il-Knisja “saret evidenti meta r-rigal tal-Ispirtu s-Santu mela l-qalb tal-Appostli u ħeġġiġhom biex joħorġu u jibdew il-vjaġġ tagħhom biex ixandru l-Evanġelju, u jxerrdu l-imħabba t’Alla”.
Illum għad hemm xi wħud jgħidu: “Kristu iva, l-Knisja le”. Bħal dawk li jgħidu: “Nemmen f’Alla ‘mma mhux fis-saċerdoti”. Bi tweġiba l-Papa qal, “Imma hija l-Knisja nnifisha li ġġib lil Kristu għandna u li twassalna għand Alla. Il-Knisja hija l-familja kbira ta’ wlied Alla. Naturalment, għandha wkoll aspetti umani. F’dawk li jiffurmaw il-Knisja, rgħajja u fidili, hemm nuqqasijiet, imperfezzjonijiet u dnubiet. Il-Papa għandu dawn ukoll – u ħafna minnhom; imma dak li hu sabiħ huwa li meta nindunaw li aħna midinbin niltaqgħu mal-ħniena t’ Alla li dejjem jaħfer. Qatt tinsieħ: Alla dejjem jaħfer”.
Il-Papa Franġisku qed jistedinna biex inħobbu u niddefendu l-Knisja, bħalma aħna nħobbu u niddefendu l-familji tagħna, meta l-ġenituri, ħutna, aħwa jew uliedna jagħmlu żbalji jew ikollhom l-problemi.
Ix-xogħol tax-xitan hu li jkisser l-unità tal-familja. Il-Papa Franġisku kemm il-darba rrimarka dan: Satana jrid jaqsam l-aħwa u lill-Knisja, biex ibiegħed in-nies minn Alla. Din il-gwerra t’akkużi u gideb, jafferma l-Papa Franġisku, tista’ tiġi megħluba biss bit-talb u bl-imħabba: Itlob għall-Knisja u ħobbha għax “Ġesù Kristu u l-Knisja huma l-istess” (Udjenza Ġenerali, 29 ta’ Mejju, 2013)
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-11/pope-francis-invitation-love-church-our-home-audience.html