Quddiesa mill-Isqof Anton Teuma fis-Solennità tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 8 ta’ Diċembru 2020: Omelija mill-Isqof Anton Teuma fil-Quddiesa Pontifikali tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lis-seminarista Gabriel Vella. Santwarju Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/943688194″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Omelija fis-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni
u l-Għoti tal-Akkolitat lis-seminarista Gabriel Vella
Santwarju Arċipretali tal-Imm. Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala
It-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2020
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

L-“HAWN JIEN” LI TAQLAGĦNA MILL-BIŻA’

Kemm tagħmel sens l-“hawn jien”, kif għadu kif qal Gabriel, illum, wara li smajna dan il-Vanġelu! “Hawn jien” bħal Marija; “hawn jien” ma’ Marija; “hawn jien” li lkoll kemm aħna msejħin biex illissnuha, biex ngħiduha, biex ngħixuha; “hawn jien” illi tmur kontra d-dnub.

X’inhu d-dnub? Interessanti ħafna l-Ewwel Qari tal-lum, li hu meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għax jurina mhux dak li għamel Adam, imma dak li jiġri lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna meta aħna niżbaljaw. Kemm hi profonda u qawwija l-esperjenza ta’ Adam u l-esperjenza tagħna meta nonqsu lill-Mulej, lilna nfusna u lill-oħrajn bid-dnub!

X’jiġri l-ewwel u qabel kollox meta tagħmel dnub? Dak li ġara lil Adam. Tħossok għeri, mhux għax bla ħwejjeġ, mhux dik l-għera ta’ Adam. Għeri għax fqir u żarmat minn ġewwa. Ma jibqagħlek xejn li jagħtik dinjità, identità. U dan ngħixuh ħafna drabi b’mod inkonxju, għax ma nifilħux ngħixuha l-esperjenza tal-ħtija. Meta tidneb ikollok ftit sens ta’ ħtija, dak il-ħin, imbagħad tordomha fl-inkonxju tiegħek. Imma tibqa’ hemm dik, u tibqa’ tgħawwar fil-moħħ. Psikologa Amerikana, Magda Arnold, li ma kinetx xi Kattolika jew Kristjana, tgħid illi kull darba li jsir id-dnub, in-newroni tal-moħħ bħal jittebbgħu, jiċċappsu. Dik it-tebgħa u dik it-tiċpisa tibqa’ hemm. Interessanti l-affermazzjoni ta’ din il-psikologa. Tibqa’ hemm anki jekk ma nindunawx. U bil-mod il-mod tagħmilna bnedmin beżżiegħa, li m’aħniex ċerti minna nfusna.

Interessanti, għax smajna fil-Ktieb tal-Ġenesi li meta Adam jagħmel id-dnub, u Alla jistaqsih: “Fejn int, Adam?” (Ġen 3:9), ir-risposta xi tkun? “Bżajt” (v. 10). U jekk aħna rridu nkunu sinċieri, meta jien niżbalja, jekk jien inkun f’kuntatt mal-profondità tal-persuna tiegħi, nagħmel din l-esperjenza tal-biża’, nibża’. Bżajt, għax ħriġt minni nnifsi, għamilt xi ħaġa li ma kellix nagħmilha. Tinħeba ħafna drabi taħt is-sens ta’ ħtija. Imbagħad, kif konna qed ngħidu, nordmuha. U aktar ma tirrepeti d-dnub, aktar tintradam, u inqas tħossha.

U x’jagħmel Adam? Beda jħossu għeri, żarmat, għarwien, imbeżża’, u mar jistaħba. Bilfors, min jibża’ jistaħba. X’jiġifieri tistaħba? Li tilbes il-maskri, turi dak li m’intix. Tipprova turi lilek innifsek differenti min dak li int fil-fatt. Kieku jkollna nimxu bi skrin quddiemna, jien l-ewwel wieħed, li juri x’inhu jiġri f’qalbi u f’moħħi bħalissa, jew fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, jien naħseb li lkoll kemm aħna ninħasdu bina nfusna u bl-oħrajn. Għaliex? Għax il-maskri jogħġbuna ħafna, mhux biss dawk li qed inpoġġu ma’ wiċċna bħalissa, biex nipproteġu lilna nfusna mill-Covid, imma anki dawk li huma aktar profondi u sottili. U meta inti tistaħba, x’jiġrilek? Meta inti tinħeba, u meta tilbes il-maskra, x’jiġrilek? Jiġrilek li ma tibqax int, u ma tkunx taf iktar min int. U ta’ madwarek ma jkunux jafu min int.

Dan hu d-dnub. Iżarmana, jagħmilna persuni mingħajr ħwejjeġ, foqra. Id-dnub ibeżżagħna, jitfagħna fil-biża’, u d-dnub ilibbisna l-maskri. Ma nkunux nafu iktar min aħna. U dan kollu x’jagħmel? Dawn it-tliet kwalitajiet tad-dnub x’jagħmlulna? Ikissrulna r-relazzjoni tagħna magħna nfusna: nintilfu bħala bnedmin, nintilef jien fija nnifsi. Ikissirli r-relazzjoni tiegħi mal-oħrajn. Immaġina tgħix b’maskra mal-mara jew mar-raġel tiegħek. Immaġina tgħix ma’ mara u tħobb oħra, tilbes maskra. Ir-relazzjoni kemm ser iddum sewwa? Ftit, mhux ser ittul, żgur. Id-dnub ikissirli r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla: għax Alla jsir għalija xi ħadd li nibża’ minnu. “Bżajt u staħbejt”. Ara x’jagħmlilna d-dnub!

Illum qed niċċelebraw il-Festa ta’ dik li kienet ħielsa mid-dnub sa mill-konċepiment tagħha, sa mill-bidu nett tal-ħajja tagħha. U din il-mara kif twieġeb? Kif tgħix il-ħajja? “Ifraħ”… il-kelmiet tal-Anġlu “Ifraħ, Marija” (Lq 1:28). Għall-biża’, ir-risposta ta’ “Ifraħ, Marija”. Tgħix il-ferħ tal-persuna li tħalli lil Alla jmexxiha, ikellimha. “Inti mimlija bil-grazzja”, ‘Adam għeri, inti l-mimlija bil-grazzja, l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, id-dell tal-għoli jlibbsek’; u Adam għeri. Interessanti l-kuntrast. Il-qawwa ta’ Alla, l-enerġija ta’ Alla, l-entużjażmu ta’ Alla, l-ottimiżmu, il-pożittività ta’ Alla, tal-bniedem li jħalli lil Alla jmexxih. U Adam imur jistaħba, taħt maskra. Imma Marija x’tagħmel? Tmur għand Eliżabetta. “Jiena l-qaddejja tal-Mulej”, u titlaq għal għand Eliżabetta. Mhux talli ma tistaħbiex, talli tintefa’ b’ruħha u ġisimha fl-għajnuna fis-servizz tal-oħrajn.

L-esperjenza tad-dnub u l-esperjenza tal-ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla. L-esperjenza ta’ Marija, l-Immakulata, l-imwielda, l-imnissla mingħajr ħtija. Adam ikisser ir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn u ma’ Alla, u Marija, il-qaddejja tal-Mulej u l-qaddejja tal-oħrajn.

Dan hu l-Akkolitat li qegħdin niċċelebraw dalgħodu. Il-kelma acolitus ġejja mill-Grieg u tfisser assistent, xi ħadd li jsegwi, follower, xi ħadd li jgħin, xi ħadd li jsostni. Imma min hu dak li jimxi wara, dak li jassisti? Dak li sema’ l-Kelma. Għalhekk l-Akkolitat jiġi wara l-Lettorat. L-ewwel tisma’ l-Kelma, imbagħad il-Kelma tibagħtek. Il-Kelma ma taħbikx, ma tagħlqikx, ma tbeżżgħekx bħalma jagħmel id-dnub. Imma l-Kelma tiftħek, tibagħtek, timbuttak, timliek bl-enerġija, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis. Dan hu s-sens tal-Akkolitat li ser jirċievi Gabriel dalgħodu.

Għażiż Gabriel, mhux funzjoni, mhux xi azzjoni li qabel ma kontx tagħmilha u issa ser tagħmel. Mhux hekk. Imma hi attitudni ġdida, dak li tagħmel jew dak li issa tiġi mqabbad tagħmel, bħal Marija, jiġi minn din il-kontinwità, minn din l-ubbidjenza għall-Kelma ta’ Alla.

Fejn hu l-kobor ta’ Marija? Għaliex kienet kbira? Għax kellha ħafna wisa’ f’qalbha. U għaliex kellha ħafna wisa’ f’qalbha? Biex tilqa’ lill-oħrajn, lil Eliżabetta, lil ħafna min-nies ta’ Nazaret, minn Iżrael kollu, lid-dinja kollha, saħansitra lil Alla nnifsu. Ara kemm kienet vojta u kemm kellha wisa’ Marija! Kellha dan il-wisa’, għax kienet vojta, għax kienet umli. Hija l-umiltà li tagħtina l-possibbiltà li nilqgħu lil Min hu kbir, lil Dak li hu kollox. Hija l-umiltà li tagħmel il-wisa’ fina għall-oħrajn u anki għal Alla. Hija l-umiltà li tagħmel wisa’ fina għall-Kelma ta’ Alla.

Kieku jkollna nistaqsu dalgħodu u ngħidu x’differenza kien hemm bejn Adam u Marija, fejn hi d-differenza? Adam hu bniedem u Marija hi bniedma. Imma – tgħiduli – Marija kienet magħżula minn Alla. Hekk hu. U Adam ma kienx magħżul minn Alla? L-ewwel bniedem maħluq, magħġun mit-tajn tal-art u jgħix bil-qawwa tan-nifs ta’ Alla! U mela ma kienx magħżul minn Alla! Fejn kienet id-differenza bejniethom? Xi jġagħalni nagħmel id-dnub u xi jżommni milli nagħmel id-dnub? Kemm għandi fiduċja f’Alla, kemm nafdah. Id-dnub ma jiġix għax il-bniedem ħażin. Id-dnub jiġi għax il-bniedem jibża’, ma jafdax.

Li kieku jkolli nistaqsik: inti lil min tafda f’ħajtek? Ġib persuna quddiem għajnejk li inti tafda f’ħajtek. Jekk hemm lil xi ħadd li tafdah, lil min tafda? U kieku jkolli nerġa’ nistaqsik: inti għalfejn tafdah jew tafdaha lil dik il-persuna? X’inhi r-raġuni? Ir-raġuni ser tkun: għax naf li dik il-persuna tħobbni. Inti tafda lil min iħobbok, u lil min taħseb li ma jħobbokx qatt ma inti ser tafdah. Tagħtih ftit, imma mhux ser tafdah. Lil min iħobbok tafdah.

Din hija l-Immakulata Kunċizzjoni. Marija tant kienet ċerta, tant kellha esperjenza profonda tal-imħabba li Alla kellu għaliha, li l-fiduċja tagħha fih kienet bla limiti. “Iva” sa mill-bidu tat-tnissil ta’ ħajjitha sal-lum, li għadha tgawdih fl-eternità. Iva kontinwa.

Jalla jien u int ukoll nikbru f’din il-fiduċja, jew aħjar, naħdmu, nistinkaw ħalli nkunu umli, sempliċi, biex nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba li Alla għandu għalina. Għax hija din u din biss li tista’ tgħinna ninqalgħu mill-biża’ tagħna, mill-maskri tagħna, mill-faqar tagħna, u nafdaw fil-Mulej billi nħobbuh.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading