M’għandniex għalfejn nibżgħu, il-ħniena tal-Mulej hi kbira!

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 8 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Solennita’ tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija. Kappella tal-Kunċizzjoni, San Ġiljan.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ngħannu lill-Mulej għanja ġdida għax għamel l-għeġubijiet” (S 97:1). Fil-fatt aħna qegħdin nifirħu waqt li nfakkru t-tnissil ta’ Marija, dan l-att ta’ mħabba tal-ġenituri tagħha, Ġwakkin u Anna, li nissel din it-tarbija.

L-Evanġelju li għadna kemm smajna mhuwiex it-tnissil tal-Marija imma t-tnissil ta’ Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Imma Marija — u dan huwa dak li qegħdin niċċelebraw — tnisslet fl-att tal-imħabba tal-ġenituri tagħha Anna u Ġwakkin. Fit-tgħanniqa tal-imħabba tagħhom, Alla ħalaq lil din iċ-ċkejkna tarbija li kellha mhux biss titwieled imma kellha wkoll issir omm il-Mulej.

Imma l-Evanġelju li għadna kemm smajna jagħtina żewġ espressjonijiet li jgħinuna nifhmu x’qegħdin niċċelebraw illum. L-ewwel nett l-anġlu Gabrijel jagħti lill-Madonna titlu sabiħ ħafna: “Daħal għandha u qalilha: ‘Sliem għalik, mimlija bil-grazzja’” (Lq 1:28). It-tnissil bla tebgħa ta’ omm Ġesù, ta’ Marija, huwa t-tnissil ta’ persuna, ta’ bniedma mimlija bil-grazzja u għalhekk qegħdin niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa. Kif sar dan? L-ewwel nett, kif jista’ jkun dan?

Hemm espressjoni oħra li għadna kemm smajna li biha l-anġlu Gabrijel jispjegalha kif “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Hekk ukoll qegħdin niċċelebraw illum l-għeġubijiet tal-Mulej. “Il-ħniena tiegħu,” tgħid il-Madonna meta żżur lil Eliżabetta, “tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50).

Allura l-Mulej ħares lejn il-merti tat-tifel tagħha, ta’ Ġesù, u permezz tal-qawwa tal-merti tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, lil ommu ħarisha mid-dnub. Lilna l-Mulej ħelisna mid-dnub, imma lil ommu, Ġesù ħarisha mid-dnub. U llum aħna qegħdin niċċelebraw din il-festa kbira.

Imma għalina xi tfisser din? Dan huwa mod kif aħna nifhmu kemm hi kbira l-ħniena ta’ Alla. Ilum, waqt li niċċelebraw din il-festa ma nistgħux naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla għax il-ħniena ta’ Alla, meta jħares lejn il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu, tant hi qawwija li hu u jaraha, iħares lil omm Ġesù minn kull tebgħa tad-dnub. Allura, għandu wkoll il-qawwa jaħfrilna u jeħlisna minn dak kollu li hu jasar, minn dak kollu li hu negattiv.

Imma San Pawl jgħallimna wkoll li biex tkun bla tebgħa mhix kwistjoni ta’ ħasil, ta’ sapun. “Hu sejħilna minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4). Mhux il-Madonna biss, imma anke lilna! Il-Madonna ħarisha mid-dnub biex tkun kollha mħabba, mimlija bil-grazzja. Aħna ħafna drabi nkunu mtebbgħa bi ftit egoiżmu imma t-triq li nsiru bħalha, immakulata, hija propju t-triq tal-imħabba.

Dan il-kwadru sabiħ tas-seklu 17 juri lil Alla l-Missier joħloq lil dit-tfajla fit-tnisisl tagħha bla tebgħa u allura dan il-kwadru jesprimi dak li aħna għedna fis-salm responsorjali li għamel għeġubijiet kbar: “Ngħannu lill-Mulej għax għamel l-għeġubijiet” (S 97:1). Fit-tarf tal-kwadru fl-isfel hemm qisu mostru. Bosta drabi meta naraw santa jew statwa tal-Kunċizzjoni, tkun qed tirfes ras is-serp bħalma kien hemm u smajna fl-ewwel qari: “Hi tgħaffiġlek rasek u inti,” qed tirreferi għat-tifel tagħha permezz tat-tbatija li kellu jsofri, “tgħattanlu għarqubu” (Ġen 3:15). Imma f’dan il-kwadru x-Xitan huwa mostru ikrah li qed iħares b’rabja kbira lejn l-att tal-ħniena tal-Mulej.

M’għandniex għalfejn nibżgħu llum. Aħna u nħarsu lejn il-Madonna mnissla bla tebgħa, għandna niftakru li l-ħniena ta’ Alla hija parti mill-qawwa enormi tiegħu u li “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37).

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 3: 9-15.20
Salm: 97
Qari II: Efes 1: 3-6.11-12
Evanġelju: Lq 1: 26-38

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading