Sejħa tal-Papa Franġisku għall-fraternità

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kardinal Michel Czreny SJ, Sottosegretarju tas-sezzjoni għall-Migranti u r-Rifuġajti

Id-dellijiet ta’ dinja magħluqa (kap. 1) mifruxin fuq il-ħolqien kollu, qed iħallu lill-miġrugħin fil-ġenb tat-triq, eliminati u skartati.  Dawn id-dellijiet iġibu konfużjoni fl-umanità, iżolament u sens ta’ vojt.  Insibu barrani fit-triq (kap. 2), miġrugħ.  Quddiem dir-realtà hemm żewġ attitudnijiet: li wieħed jibqa’għaddej jew li jieqaf.  L-inklużjoni jew l-esklużjoni se juru ċar x’tip ta’ persuna kemm politika, soċjali, aħna, jew liema tip ta’ proġett reliġjuż inħaddnu.

Alla hu mħabba universali, u ladarba aħna marbutin sfiq ma’ din l-imħabba u naqsmuha mal-oħrajn, għandna s-sejħa tal-fraternità universali li tfisser ftuħ.  M’hemmx ‘oħrajn’ jew ‘huma’, hemm biss ‘aħna’.  Flimkien ma’ Alla u f’Alla aħna nsawru ħsiebna u noħolqu dinja miftuha (kap. 3) bla ħitan, bla fruntieri, mingħajr esklużjoni, mingħajr ‘stranġieri’.  Din hi r-raġuni għala neħtieġu qalb miftuha għad-dinja kollha (kap. 4).  Aħna ngħixu ħbiberija soċjali, infittxu l-ġid morali, etika soċjali għax konxji li nagħmlu parti minn fraternità universali.  Is-sejħa tagħna hi li niltaqgħu, inkunu solidali u nagħtu bla ma nistennew xejn lura.

Biex ikollna dinja miftuha b’qalb miftuha hemm bżonn politika xierqa (kap. 5).  Politika mfassla għall-ġid komuni u universali, politika għal u mal-poplu, jiġifieri,  popolari, ta’ karità soċjali li tfittex id-dinjita umana u mwettqa minn bnedmin ta’ mħabba politika li jintegraw l-ekonomija ma’ proġett soċjali, kulturali u popolari.

Li tagħraf tiddjaloga hija t-triq li biha d-dinja tinfetaħ u tibni l-ħbiberija soċjali (kap. 6); hi l-għerq ta’ politika aħjar.  Id-djalogu jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il-verità; id-djalogu jnissel kultura ta’ laqgħa, jiġifieri l-laqgħa ssir stil ta’ ħajja, passjoni, xenqa.  Il-persuna li tiddjaloga hi ġentili, tagħraf u tirrispetta lill-ieħor.

Imma dan mhux biżżejjed: irridu niffaċċjaw ir-realtà tal-ġrieħi tan-nuqqas ta’ qbil filwaqt li nistabbilixxu toroq ta’ rinujoni u nimxu fihom (kap. 7).  Jeħtieġ infejqu l-ġrieħi u nġibu lura l-paċi; għandna nkunu kuraġġużi u nibdew mill-verità, mill-għarfien tal-verità storika li hija sieħba inseparabbli tal-ġustizzja u l-ħniena, u hija indispensabbli fit-triq lejn il-maħfra u l-paċi.  Il-maħfra ma tfissirx li tinsa; fit-triq lejn il-paċi l-kunflitt hu inevitabbli, imma dan ma jfissirx li l-vjolenza hija aċċettabbli.  Din hi r-raġuni għala qatt ma nistgħu naċċettaw il-gwerra u li l-piena kapitali għandna neliminawha għal kollox.

Ir-reliġjonijiet differenti tad-dinja kollha jagħfu li l-bniedem hu ħolqien ta’ Alla, ħlejjaq f’relazzjoni ta’ fraternità.  Ir-reliġjonijiet għandhom is-sejħa li jgħaġnu l-fraternità tad-dinja (kap. 8).  Daqskemm aħna miftuħin għal Alla daqstant ieħor aħna konxji mill-kundizzjoni universali tagħna bħala aħwa.  Għall-insara l-għajn tad-dinjità umana u tal-fraternità hija l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li minnu nfasslu l-azzjonijiet u l-impenji tagħna.  F’dan il-vjaġġ ta’ fraternità aħna għandna Omm ukoll, Marija.

Quddiem il-miġrugħin mitluqin fid-dellijiet ta’ dinja magħluqa, mixħutin fil-ġenb tat-triq, il-Papa Franġisku jagħmlilna sejħa biex nagħmlu tagħna u naħdmu favur din ix-xewqa dinjija ta’ fraternità, li tibda mill-għarfien li aħna lkoll Aħwa.

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading