Aktar persekuzzjoni Nisranija fl-Asja u fl-Afrika

Print Friendly, PDF & Email

L-Insara madwar id-dinja qegħdin ikomplu jiġu persegwitati u dan qed jiżdied anke minħabba l-pandemija preżenti għax diversi Insara qed jiġu rifjutati għajnuna minħabba t-twemmin tagħhom.  Dan intqal f’rapport bl-isem ‘2021 World Watch List’ maħruġ minn Open Doors

Ir-rapport jgħid li aktar minn 340 miljun Nisrani – wieħed minn kull tmienja – qed jiffaċja livelli għolja ta’ persekuzzjoni u diskimrinazzjoni minħabba l-fidi. Ir-rapport jgħid ukoll li hemm 60% żjieda fuq is-sena ta’ qabel f’din il-persekuzzjoni u fil-għadd ta’ Insara maqtula għall-fidi tagħhom. Aktar minn disa’ minn għaxra tat-total globali ta’ 4,761 qtil seħħew fl-Afrika.

‘Il-persekuzzjoni dejjem tiżdied tal-Insara madwar id-dinja għandha tinkwetata lkoll’ stqarr David Landrum, kap tal-advocacy group bl-isem ta’ Open Doors UK and Ireland.  ‘Il-liberta’ tal-espressjoni reliġjuża hija l-bażi ta’ kollox fejn jidħlu d-drittijiet umani u l-libertajiet ċivili. Gvernijiet oppressivi jafu dan u jkomplu jesplojtaw il-kriżi tal-pandemija sabiex jagħfsu lill-Kristjani’.

Il-World Watch List tagħti ranking ta’ 150 pajjiż li fih l-Insara jiffaċċjaw persekuzzjoni u diskriminazzjoni, bil-Korea tat-Tramuntana fl-ewwel post kif ilha għal dawn l-aħħara għoxrin sena. Iċ-Ċina reġgħet daħlet fil-grupp tal-ewwel għoxrin għall-ewwel darba f’għaxar snin u l-Indja u t-Turkija wkoll irrappurtaw żjieda fl-awtoritarjaniżmu u n-nazzjonaliżmu estrem.  Ir-rapport jgħid li l-Insara f’diversi pajjiżi fl-Afrika  u fl-Asja ġew rifjutati għajnuna relatata mal-pandemija ġieli anke minn uffiċjali tal-gvern imma l-aktar minn kapijiet ta’ villaġġi u kumitati simili.

F’Kaduna fin-Niġerja, familji f’diversi rħula rrappurtaw li rċivew wieħed minn sitta tar-razzjonijiet allokati lill-familji Musulmani.  Fiċ-Ċina, il-gvern żied is-sorveljanza b’sistemi ta’ għarfien skont l-uċuħ (facial recognition systems) installati fi knejjes approvati mill-istat f’ċerti nħawi u servizzi on-line monitorjati.  Il-kampanja tal-gvern li ‘jirrendi Ċiniża’ il-fidi Kristjana,  wassal biex ħafna slaleb u sinjali Kristjani tneħħew biex flokhom tqiegħdu ritratti tal-President Xi Jinping u bnadar nazzjonali. 

Fl-Indja, gvernijiet Induwisti nisslu klima ta’ attakki u persekuzzjoni lejn l-Insara u l-Musulmani.   F’pajjiżi fin-nofsinhar tas-Sahara, Insara qed jiffaċjaw 30% ta’ żjieda fil-vjolenza aktar mis-sena l-oħra minn idejn gruppi militanti Iżlamisti li ħadu vantaġġ minn lockdowns u gvernijiet aktar dgħajfa.  Fin-Niġerja, il-għadd ta’ Insara maqtula triplika u tela’ għal 3,800. 

Fuq nota aktar pożittiva, il-kostituzzjoni l-ġdida tas-Sudan tiggarantixxi liberta’ tar-reliġjon u m’għadhiex tispeċifika l-Iżlam bħala reliġjon tal-istat. Fit-tramuntana tal-Iraq, voluntiera Musulmani qed jgħinu biex jiġu restawrati knejjes u djar ħalli l-Insara jergħu lura.  Open Doors ilha tippublika l-World Watch List ta’ kull sena sa mis-sena 2002.   Hi tagħti marki lil kull pajjiż skont livelli ta’ vjolenza bbażati fuq persekuzzjoni fuq livell privat, dak familjari jew inkella dak ta’ komunita’. Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur https://www.opendoors.org/

https://www.theguardian.com/world/2021/jan/13/christian-persecution-rises-as-people-refused-aid-in-covid-crisis-report

Rapport għal-Laikos minn Fr Geoffrey G. Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: