Talb tal-miġemgħa nisranija

Print Friendly, PDF & Email

TALB TAL-MIĠEMGĦA NISRANIJAimħejji mill-Papas Martin R. Zammit

1. O Mulej, Missier Qaddis, Ibnek Ġesù fl-Evanġelju jgħallimna li jeħtieġ nibqgħu f’imħabbtu. Ħeġġeġ lill-Insara kollha sabiex, magħqudin, nibqgħu għal dejjem f’imħabbet Ibnek l-għażiż, u b’hekk nagħmlu ħafna frott. Nitolbu.

2. O Mulej, Missier Qaddis, Ibnek Ġesù huwa r-Ragħaj it-tajjeb li jrid jara n-nagħaġ tiegħu miġbura f’merħla waħda. Bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħek, ġib fix-xejn il-firdiet bejn l-Insara u erġa’ ħabbibhom u għaqqadhom. B’hekk id-dinja tagħraf li Ġesù Kristu hu l-Mibgħut tiegħek. Nitolbu.

3. O Mulej, Missier Qaddis, ma nistgħux nippretendu li noqorbu dejjem aktar lejk mingħajr, fl-istess ħin, ma nfittxu li noqorbu lejn l-Insara l-oħra mifrudin minna. Bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħek, sewwi l-firdiet ta’ bejnietna u ġib l-għaqda fostna. Nitolbu.

4. O Mulej, Missier Qaddis, sawwab fi qlub l-Insara l-imħabba li għallimna Ibnek Ġesù, sabiex f’għaqda sħiħa, nkunu għajn ta’ tama għad-dinja kollha. Nitolbu.

5. O Mulej, Missier Qaddis, agħmel li l-Insara kollha jkunu ħaġa waħda f’Ibnek Ġesù Kristu. B’hekk nagħrfu li aħna lkoll aħwa, u membri sħaħ fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu. Nitolbu.

6. O Mulej, Missier Qaddis, Int li tiġbor għalik dielja waħda f’Ibnek Ġesù, agħmel li l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek jgħammar fina u jħeġġiġna biex infittxu l-għaqda ma’ ħutna l-Insara li ma jinsabux f’għaqda sħiħa magħna. Nitolbu.

7. O Mulej, Missier Qaddis, Int ħlaqt lill-bniedem fix-xbieha u s-sura tiegħek. Int tajtu d-don li jfisser il-fidi tiegħu skont it-tradizzjonijiet etniċi u kulturali tiegħu. Għinna napprezzaw il-ġmiel tal-varjetà u d-diversità tal-komunitajiet Insara mxerrda mad-dinja kollha, huma u jesprimu twemmin Nisrani wieħed. Nitolbu. 8. O Mulej, Missier Qaddis, sawwab fuqna l-Insara l-ispirtu ta’ rikonċiljazzjoni ma’ ħutna l-Insara ta’ Knejjes oħra. Saħħaħ fina r-rieda li ninsew it-tilwim tal-imgħoddi, li negħlbu d-differenzi ta’ bejnietna, u li dejjem infittxu l-għaqda. B’hekk inkunu tabilħaqq ġisem wieħed fi Kristu Ġesù Sidna. Nitolbu.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading