Ir-Randan jeħlisna mill-illużjonijiet

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/987887500″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” idth=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Ir-Randan jeħlisna mill-illużjonijiet

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna miġburin bħala familji bit-tfal, nies adulti u nies anzjani, il-komunità Nisranija kollha flimkien! U ser nagħmlu daqsxejn ta’ ġest minn hawn u ftit ieħor: ser jiġu s-saċerdoti u jpoġġulna fuq rasna l-irmied. Tafu x’inhu l-irmied? Meta taħraq xi ħaġa, dak li jibqa’ ngħidulu rmied, qisu trab irqiq griż u iswed. Ser jiġu s-saċerdoti u jpoġġulna l-irmied fuq rasna. Tafu għalfejn? Għax ser nibdew mixja flimkien, li ngħidulha l-mixja tar-Randan imqaddes. Din il-mixja ddum erbgħin ġurnata, sakemm niċċelebraw flimkien il-Qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Festa kbira u li ma ssir l-ebda festa oħra bħalha. Ma niċċelebraw il-qawmien ta’ ħadd mill-imwiet kif niċċelebraw il-Qawmien ta’ Ġesù.

L-irmied ifakkarna illi aħna, għalkemm bnedmin, għalkemm nies tad-demm u l-laħam, għalkemm kbar għax għandna l-intelliġenza, għalkemm importanti għax inħossu u nħobbu lill-oħrajn, imma nibqgħu trab, nibqgħu xejn. Il-ktieb tal-Ġenesi jirrakkonta kif Alla ħalaq il-bniedem mit-trab, mill-irmied, mir-riq tiegħu, u min-nifs tiegħu. Jonfoħ Alla fuq dan it-trab, jagħtih in-nifs, l-Ispirtu tiegħu, u hekk isir il-bniedem, hekk isir Adam. Il-kelma ‘adam’ hekk tfisser: trab, art, irmied. Aħna nagħmlu l-irmied mhux biex niftakru li aħna għad insiru trab – u aħna trab, għalkemm nies importanti u kbar – imma wkoll għax l-irmied ifakkarna fil-purifikazzjoni. Irridu kulma jmur nitnaddfu, insiru aħjar.

L-irmied kif ifakkarna fil-purifikazzjoni? L-antiki tagħna l-irmied kienu jgħalluh fl-ilma, isaħħnuh sewwa fl-ilma, imbagħad bih kienu jaħslu l-ħwejjeġ, u b’hekk, billi ma kellhomx sapun, il-ħwejjeġ kienu jsiru aktar bojod, kienu jsiru aktar indaf, proprju bl-irmied. U allura meta npoġġu l-irmied fuq rasna aħna nkunu qed niftakru fil-ħtieġa li niġu mnaddfa, li niġu ppurifikati iktar. Imma mhux biss… dan l-irmied missirijietna u l-antiki kienu jużawh ukoll bħala fertilizzant. Fertilizzant ifisser dawk il-minerali li titfagħhom fil-ħamrija biex tgħin lill-pjanta tikber aktar f’saħħitha. U allura kien jintuża l-irmied proprju biex jgħin lill-pjanta tieħu aktar is-saħħa tagħha, tikber iktar. Issa x’inhi dik il-pjanta li trid tikber fina fiż-żmien tar-Randan? Hija l-Kelma ta’ Alla li nisimgħu. Aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u bl-għajnuna tar-rieda tagħna, imsaħħa bis-sagrifiċċji li nagħmlu, il-Kelma ta’ Alla ssir ħajja fina.

Ġesù fil-Vanġelu jsemmi tliet eżempji ta’ kif aħna nistgħu ngħixu r-Randan imqaddes. Isemmi l-karità, meta nagħtu xi ħaġa lill-oħrajn biex ngħinuhom. Isemmi t-talb, meta aħna mmorru quddiem il-Mulej u nitolbuh. U jsemmi wkoll is-sawm, meta aħna nagħmlu s-sagrifiċċji, nagħmlu xi ftit tal-penitenza, niċċaħħdu minn xi ħaġa. U Ġesù jeħodha kontra l-Fariżej u kontra nies ta’ żmienu, għax dawn it-tliet azzjonijiet – il-karità, it-talb u s-sawm – kienu jagħmluhom għal wiċċ in-nies. Bħalma forsi qed nagħmel jien illejla, jew forsi qed nagħmlu aħna lkoll illejla; forsi qegħdin hawn għal wiċċ l-Arċipriet, jew għax is-soltu fir-Randan immorru l-knisja biex nisimgħu l-quddiesa, jew min jaf għaliex! Ġesù sejħilhom nies ta’ wiċċ b’ieħor. Dan ifisser meta inti tkun ħaġa u turi oħra. Bħal, ngħidu aħna, kif soltu konna nagħmlu fil-Karnival, nilbsu ta’ xi ħaġa oħra. Issa dan jista’ jiġri kemm fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin, kemm fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Nuru ħaġa li fil-fatt ma tkunx. Il-kelma Griega li uża Ġesù hija hypokrites, li tfisser ipokriti, li hi kelma oħra flok atturi. Attur jilgħab parti li mhix tiegħu, ma jkunx hu, ma tkunx il-persuna tiegħu, jilgħab parti ta’ xi ħadd ieħor. Jekk jien nilgħab il-parti tal-President ta’ Malta, jien m’iniex jien, imma qed nilgħab il-parti li mhix tiegħi. Dak ifisser wiċċ b’ieħor: tippretendi li tidher minn barra differenti milli fil-fatt tkun. U din tista’ tiġrilna lilna l-Insara fil-ħajja tagħna.

Imma jien nixtieq nagħmel mistoqsija oħra u nispiċċa biha. Il-Lhud kienu jħossu l-bżonn li jagħmlu karità, li jitolbu, u li jsumu. Ħalliha li kienu jagħmluhom wiċċ b’ieħor, għal raġuni oħra. Ħalliha li kienu jagħmluhom biex in-nies tfaħħarhom, hekk jgħid Ġesù. Imma jien nistaqsi: jien saċerdot, inti Nisrani, aħna l-Insara, inħossu l-bżonn li nagħmlu karità? Inħossu l-bżonn li nitolbu? Inħossu l-bżonn li nsumu? Din il-mistoqsija rridu nagħmluha, inkella nkunu hypokrites, inkunu atturi, inkunu qegħdin hawn proprju bħal dawk l-atturi li jkunu fuq il-palk, li jilagħbu parti li mhijiex huma.

Kull bniedem jgħix tliet illużjonijiet jew ħolmiet kbar f’ħajtu. L-ewwel ħolma: li aktar ma jkollu, aktar ikun kuntent. It-tieni illużjoni: li waħdi nkampa, ma għandi bżonn ta’ ħadd; anzi, il-ħajja għallmitni li jekk ma nistinkax jien, jekk ma npoġġix rasi fuq għonqi jien, ħadd mhu ser jgħinni. It-tielet illużjoni: jekk nagħmel dak li nixtieq f’ħajti, inkun l-aqwa u l-aħjar; f’ħajtek dejjem agħmel kif tgħidlek qalbek, dak li tixtieq. Dawn huma tliet ħolmiet, tliet illużjonijiet kbar.

L-esperjenza tgħallimna illi iktar ma jkolli, mhux iktar inkun kuntent, imma iktar inżid fl-inkwiet. U nidħol f’ċirku vizzjuż li aktar ma jkolli, aktar irrid li jkolli. U dan imur kontra dak li jitlobni Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Mt 6:1-6,16-18). Jien infittex li jkolli, u Ġesù jitlobni nagħmel karità. Araw kemm għadna ’l bogħod aħna, kemm irridu niġġieldu, x’mixja rridu nagħmlu! Kemm għandna bżonnu r-Randan, kemm għandna bżonnu l-irmied! Jien bħala persuna magħmul infittex li jkolli, li nakkwista, u Ġesù jitlobni biex inkun ġeneruż. Għaliex Ġesù jemmen – u din hi l-verità – li l-kuntentizza tagħna tinsab mhux f’kemm nirċievu, imma f’kemm nagħtu. Il-bniedem kuntent hu dak li jaqsam dak li għandu mal-oħrajn. U għalhekk Ġesù jitlobna, bħalma jitlob lill-Fariżej fil-Vanġelu tal-lum, biex nagħmlu karità, biex l-id il-leminija tagħna ma tkunx taf x’inhi tagħmel ix-xellugija. Nagħmlu l-karità minn qalbna. Nagħmlu l-karità biex ngħinu tassew lill-persuni li huma fil-bżonn.

It-tieni illużjoni, it-tieni ħolma: li waħdek tkampa, li ma għandek bżonn ta’ ħadd. Intom tafu li tmien, disa’ anzjani għandhom bżonn almenu ta’ tnax, erbatax-il ruħ biex iżommuhom ħajjin, biex jgħinuhom jgħixu, ġewwa dar tal-anzjani. X’illużjoni hi li f’ċertu punt ta’ ħajjitna ngħidu: ‘Jien kapaċi ngħix waħdi. Jien ma għandi bżonn ta’ ħadd’! Kultant ngħiduha, għax ma nkunux f’sensina. Mhux veru ma għandi bżonn ta’ ħadd. Aħna l-ħin kollu għandna bżonn ta’ xulxin. U minn hawn tidħol il-ħtieġa tat-talb: mhux biss it-talb lil ħija jew lil oħti biex jgħinuni, biex jidħlu għalija fil-bżonn, biex jaqsmu miegħi u jien naqsam magħhom, ngħin lilhom u huma jgħinu lili, imma talb lil Alla. Hija illużjoni li aħna kapaċi ngħixu weħidna. Il-bżonn tat-talb ma nħossuhx għax din l-illużjoni tant għandha għeruqha fil-qalb tagħna. Aħna kważi konvinti li ‘għalxejn titlob!’. Le, mhux veru li għalxejn titlob. ‘U mhux int trid tkun!’. Le, mhux veru int trid tkun. Waħdek ma tagħmel xejn. Hemm bżonn li nitgħallmu bl-umiltà kollha nindunaw bil-limiti tagħna u nitolbu.

It-tielet illużjoni: Ġesù fil-Vanġelu qalilna bix insumu. Fiż-żmien tar-Randan, fil-mixja li rridu nagħmlu, irridu nagħmlu penitenza, irridu nagħmlu sagrifiċċju. Għaliex hemm bżonn tas-sagrifiċċju? Mela aħna mażokisti? Mela aħna rridu nġibu t-tbatija fuqna nfusna? X’jiġifieri tagħmel sagrifiċċju, tagħmel penitenza? Ifisser li tagħmel limitu għax-xewqat tiegħek. Ipprova imxi skont ma tgħidlek qalbek u ara fejn tasal… Kieku l-ewwel ħaġa li tagħmel filgħodu, ma tqumx u ma tmurx għax-xogħol. U ma tmurx illum għax-xogħol, u ma tmurx għada għax-xogħol… Ma tmurx skola llum, ma tmurx skola għada, ma tmurx skola pitgħada… x’ser jiġri? X’jiġifieri ssum, tagħmel penitenza? Tagħraf li jekk inti timxi biss fuq ix-xewqat tiegħek, ser tispiċċa ġo ħajt, ser tispiċċa f’mina u ma tistax toħroġ minnha, ser tgħarraq ħajtek. Allura hemm bżonn li npoġġu limiti għax-xewqat tagħna? Hemm bżonn li npoġġu limiti għall-egoiżmi tagħna jew le?

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex matul din il-mixja tar-Randan jgħinna ninbidlu u nimxu mill-egoiżmu għall-karità; mis-sens ta’ awtosuffiċjenza, li kapaċi nagħmel kollox waħdi, għat-talb; u milli nagħmel kulma tgħidli qalbi għas-sens ta’ sagrifiċċju, għas-sens ta’ penitenza. Hekk nixtieq nawguralkom ilkoll kemm intom mixja sabiħa wara Ġesù, sakemm miegħu niċċelebraw l-Irxoxt.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading