Fejn qiegħda qalbi?

L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju f’Ras ir-Randan mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni (Sarria), il-Furjana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ċarrtu qlubkom mhux ilbieskom” (Ġoel 2:13). Il-kliem tal-profeta Ġoel li bih nibdew dan l-istaġun tar-Randan ipoġġi l-attenzjoni tagħna fuq il-qalb. Dan huwa staġun li aħna nsejħulu ta’ penitenza imma l-Mulej mhux qiegħed ifittex il-moħqrija tagħna nfusna imma l-konverżjoni tal-qalb.

Jekk inħarsu lejn is-Salm 50 li qrajna bħala s-salm responsorjali llum, li huwa s-salm penitenzjali pereċċellenza, aħna tlabna flimkien ma’ David wara li kien nidem: “Oħloq fija, O Alla, qalb safja” (S 50:12). Din trid tkun it-talba tagħna f’dan ir-Randan għax il-Mulej huwa ħerqan li dan il-pellegrinaġ, din il-mixja, tkun għalina mixja tal-qalb. 

Qabel l-Evanġelju llum smajna s-Salm 94 bl-eżortazzjoni, bl-istedina tiegħu: “Illum la twebbsux qalbkom iżda isimgħu leħen il-Mulej” (ara S 94:7-8).

B’liema qalb tajt il-karità? B’liema qalb tlabt? B’liema qalb somt?

Fl-Evanġelju ma nsibux il-kelma ‘qalb’ imma Ġesù għal tliet darbiet jirreferi għall-Missier bħala dak li jara dak li hu fil-moħbi. “Hekk il-karità tiegħek għandha ssir fil-moħbi,” jgħid, “u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, irrodlok hu” (ara Mt 6:3-4). Hekk ukoll jgħid fuq is-sawm; hekk ukoll jgħid fuq it-talb. “Inti, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:6). U Ġesù, meta jitkellem fuq is-sawm jgħid ukoll: “Meta tkun sajjem, idlek xagħrek, aħsel wiċċek biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:17-18).

Imma x’inhi din l-espressjoni li jara dak li hu fil-moħbi? Quddiem Alla, meta nagħmlu karità,  meta nitolbu, meta nsumu, x’inhu l-iżjed importanti? Hija l-qalb tagħna! B’liema qalb tajt il-karità? B’liema qalb tlabt? B’liema qalb somt?

Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena jistedinna nagħmlu vjaġġ ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba. Din hi l-istedina tal-Papa fil-kuntest tal-pandemija. Qegħdin fil-knisja ta’ Sarria ġewwa l-Furjana, knisja sabiħa li ġiet restawrata mill-ġdid u li kienet mibnija mill-Granmastru Nikol Cottoner wara l-pesta tal-1675. Din hija knisja li hija wegħda għal epidemija. Aħna mhux epidemija għandna imma pandemija, epidemija li ħolqot u laħqet effetti globali. U għalhekk għandna mhux biss il-Madonna Immakulata mnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub, imma għandna lil San Sebastjan u ’l Santu Rokku li huma l-patruni tal-poplu Nisrani fi żminijiet tal-pandemija u tal-epidemija. Il-knisja għandha wkoll kwadri sbieħ ta’ Mattia Preti bix-xbieha ta’ San Nikola, il-patrun tal-Granmastru, u ta’ Santa Rosalia, il-patruna ta’ Palermo.

Dan ir-Randan, dan il-pellegrinaġġ tal-qalb, jalla lkoll niskopru li l-Mulej, fl-imħabba tiegħu, iħenn għalina.

Imma qegħdin hawnhekk f’din il-knisja, fil-bidu tar-Randan fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija, jekk hemm bżonn tgħallimna xi ħaġa, l-ewwel nett tgħallimna kemm aħna dgħajfin imma wkoll tgħallimna t-triq tal-qalb. Din hija t-talba tagħna llum aħna u nibdew il-mixja tar-Randan. Mhix kwistjoni ta’ penitenzi esterjuri, għal wiċċ in-nies. Lanqas hi kwistjoni ta’ ritwali u tradizzjonijiet. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu llum lilna nfusna hija: fejn qiegħda qalbi? Kif tħabbat qalbi għalija nnifsi, għal ħija, għal oħti, għall-Mulej? Wara kollox, is-sawm iħares lejn il-kontroll tiegħi nnifsi. Il-karità tħares lejn l-imħabba lejn oħti, lejn ħija. It-talb huwa l-imħabba tiegħi li tirrispondi għall-imħabba ta’ Alla.

Dan ir-Randan, dan il-pellegrinaġġ tal-qalb, jalla lkoll niskopru li l-Mulej, fl-imħabba tiegħu, iħenn għalina. Nistgħu ngħidu li fl-istaġun tar-Randan u tal-Għid, l-imħabba ta’ Alla ssir għal kull wieħed u waħda minna, ħniena. Mhux ta’ b’xejn illum qegħdin nibdew billi nitolbu ’l Mulej biex joħloq fina qalb safja u nistennew b’ferħ kbir li f’waqt l-Għid il-Kir aħna niġġeddu bil-ħniena ta’ Alla u nikkonkludu l-festa tal-Għid mhux biss bid-don tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin, li miegħu jġib ukoll il-maħfra tad-dnubiet, imma wkoll Ħadd fuq l-Għid, fl-Ottava tal-Għid, Ħadd tal-Ħniena Divina. Dan l-istaġun tal-ħniena ma nibżgħux nersqu lejn Alla kif aħna fil-verità tagħna.

Il-Papa Franġisku, meta jitkellem fuq il-fidi, b’sens ta’ umiltà u verità jgħidilna biex nersqu lejn il-Mulej li jħobbna. Ma nitilfu qatt it-tama għax l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna hija li nitilfu t-tama. Jekk aħna nemmnu u nittamaw tassew, inkunu nistgħu nħobbu tassew. “Illum la twebbsux qalbkom, iżda isimgħu leħen il-Mulej” (ara S 94:7-8).  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50 (51), 3-4.5-6a.12-13.14 u 17
Qari II: 2 Kor 5:20 – 6, 2
Evanġelju: Mt 6:1-6.16-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply