Insibu l-ferħ fil-Qalb ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju 2021: Riflessjoni mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Adorazzjoni tal-Kleru fis-Solennità liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù. Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-riflessjoni-adorazzjoni-kleru-fontana-il-gimgha-11-ta-gunju-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Riflessjoni mill-Isqof Anton Teuma

Dan id-diskors ta’ Ġesù jieħu atmosfera differenti jekk aħna niftakru li qiegħed hawn, huwa kollu kemm hu direct speech. Nafu li hu kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u fih xi ħaġa ċara ħafna daqs il-kristall: li Ġesù jridna kuntenti: “Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (v. 11), u biex tkunu dixxipli tiegħi. Din hi xewqa ta’ Ġesù għal kull wieħed minna.

Jiena naħseb li din ix-xewqa ma nistgħux inħalluha għaddejja. Naħseb li x-xewqa ta’ Ġesù tiltaqa’ u taqbel max-xewqa ta’ kull wieħed minna. Żgur li meta aħna aċċettajna s-sejħa ta’ Ġesù, meta aċċettajna li nimxu t-triq tal-ministeru, it-triq tal-vokazzjoni, għamilnieha għax ħsibna li hija t-triq tal-paċi u tal-kuntentizza. Dan l-Evanġelju mhux biss jippreżentalna x’jixtieq Ġesù għal kull wieħed minna – li nkunu kuntenti – imma jippreżenta wkoll x’jifhem Ġesù bil-kuntentizza, għax forsi mhux dejjem nifhmu l-istess kif jifhem Ġesù bil-kuntentizza u bil-paċi tal-qalb. U Ġesù jippreżentalna wkoll il-mod kif jaraha hu, it-triq għal din il-kuntentizza, il-mod biex naslu għal dan l-hena li hu jixtieq għalina, għal kull wieħed minna.

Jiena naħseb li l-ewwel u qabel kollox, biex nilqgħu dan id-diskors għandna bżonn ta’ ħafna umiltà. Għandna bżonn ħafna doċilità, ħafna kapaċità li nħallu lill-Mulej jiffurmalna lil qalbna. Huwa diskors li ħiereġ mill-Qalb ta’ Ġesù għall-qalb ta’ kull wieħed minna. Ma ninsewx li kien fil-kuntest ta’ dik l-intimità tal-aħħar mumenti li Ġesù kellu mad-dixxipli tiegħu fiċ-Ċenaklu; u ma ninsewx li fl-aħħar mumenti l-bniedem jesprimi u jgħid – naħseb li ħafna minna, jekk mhux kollha, għandhom esperjenza – jaqsam ma’ ħaddieħor dak li hu l-iktar importanti għalih. Ejjew nimmaġinaw lil Ġesù, li qiegħed jaqsam ma’ dawk li jħobb, mad-dixxipli tiegħu, u ma’ kull wieħed minna llejla, din it-tensjoni tiegħu, din ix-xewqa tiegħu, biex verament insibu l-kuntentizza u l-paċi tal-qalb. Aħna msejħin biex ikollna l-ferħ, il-ferħ ta’ veru. Ejjew ukoll nilqgħu mingħand Ġesù t-triq, il-mod ta’ kif hu jimmaġina li nistgħu naslu għal din il-paċi.

Jitlob minni li forsi nneħħi minn moħħi l-idea li jien għandi tal-paċi u l-kuntentizza. Jista’ jkun li hemm bżonn li nikkonverti l-ewwel u qabel kollox fl-iskop, fl-objettiv; fejn nixtieq nasal, x’nifhem jien billi nkun qassis, saċerdot kuntent. Ġesù jibda dan id-diskors daqshekk importanti tiegħu billi jxebbah lilu nnifsu u lilna mad-dielja. Ma jgħidx: “Jien għalqa ta’ dwieli”, imma jgħid: “Jiena d-dielja” (Ġw 15:1). Naħseb li jolqotna l-fatt li hu jqis li aħna parti minnu, parti minn din id-dielja. “Jiena d-dielja” – il-friegħi mhumiex mifrudin mid-dielja, imma jqabbel lilna mal-friegħi. Jiġifieri, irridu u ma rridux, ftit jew wisq, aħna marbutin fih, aħna qegħdin miegħu, aħna ħaġa waħda miegħu. Issa kemm ħa nħallu jew ma nħallux l-Ispirtu tiegħu jgħaddi fina! Il-friegħi mhumiex maqtugħa mid-dielja, il-friegħi huma d-dielja.

Aħna nafu li fit-Testment il-Qadim, id-dielja, flimkien maż-żebbuġa u mas-siġra tat-tin, kienet l-ewwel u qabel kollox is-simbolu tal-art ta’ Iżrael. L-art ta’ Iżrael nafu li kienet ir-realizzazzjoni tal-poplu. U nafu saħansitra sal-ġurnata tal-lum xi tfisser l-art għal-Lhud! Ġesù qed jippreżenta lilu nnifsu bħala d-dielja vera. “Jiena d-dielja vera” (Ġw 15:1). Dik l-oħra mhix vera: id-dielja ta’ Iżaija, id-dielja ta’ Ġeremija, li tittradixxi lill-Mulej, li ma tagħtihx għeneb tajjeb, imma tagħtih għeneb qares. Id-dielja, minkejja li s-sid ikun naddfilha l-ħaxix ħażin, naddafha mill-ġebel, ikun bena torri ġo nofsha, u ħaffer magħsar fiha, iktar ma dar biha u iktar ma ħa ħsiebha, iktar tatu għeneb qares (ara Iż 5:2). Mhix id-dielja l-vera; id-dielja l-vera hija Ġesù. Il-mistrieħ tagħna, ir-realizzazzjoni tagħna, l-art tagħna, ‘Erez Israel’ tagħna, hu Ġesù; hu l-post fejn insibu l-mistrieħ tagħna.

Ġesù jgħidilna b’mod ċar li jekk aħna rridu nibqgħu friegħi miegħu, ħaġa waħda miegħu, hemm bżonn li nissaportu l-proċess tal-purifikazzjoni. Nafu li d-dielja tiġi miżbura almenu darbtejn f’sena, u xi drabi iktar biex tagħti l-frott. Aħna wkoll nitolbu lill-Mulej li jagħtina l-virtù tal-umiltà. Aħna wkoll jeħtieġ li nħallu lill-Imgħallem, lill-Missier, lil Sid id-dielja, jiżborna, jippurifikana. Jippurifikana b’diversi modi: l-ewwel u qabel kollox permezz tal-Kelma. Ġesù jgħidu dan darbtejn u b’mod ċar ħafna: hija l-kelma li tippurifikana. “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġw 15:3). Hija l-kelma tiegħu, il-preżenza tiegħu fil-Kelma li bil-mod il-mod tmexxina u tressaqna lejn dan l-għan tar-realizzazzjoni. Aħna msejħin biex inkunu realizzati bħala saċerdoti; imma realizzati kif jixtieq hu u mhux kultant kif nistgħu naħsbu jew nimmaġinaw aħna.

Imma din il-Kelma tiegħu mhix biss dik miktuba, imma l-Kelma tiegħu hi wkoll dik storika: il-Kelma tiegħu li tippreżenta lilha nfisha fl-istorja ta’ kull wieħed minna. Ġesù jippurifikana permezz ta’ dak li jiġrilna: permezz tal-inkwiet tagħna, permezz tal-ferħ tagħna, permezz tat-tbatijiet tagħna, permezz ta’ dawk id-drabi meta ta’ madwarna ma jifhmuniex. Ma ninsewx li ladarba Alla ħalaq bil-Kelma, mela l-istorja u d-dinja ta’ madwarna hi espressjoni tal-Kelma. Ir-relazzjoni ta’ bejn il-persuni u bejn l-oġġetti li jiffurmaw l-istorja u l-kultura hi espressjoni ta’ din il-Kelma. Allura t-tieni mod ta’ kif Ġesù jippurifikana hija l-istorja tagħna: dak li jiġri.

Mhux biss, Alla jkellimna wkoll permezz ta’ xulxin, xi drabi anki permezz ta’ persuni sempliċi. U għalhekk nerġa’ ndur għal dik il-virtù li hija predispożizzjoni, li hija l-preambolu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna s-saċerdoti: il-virtù tal-umiltà. Hekk inħallu lil Ġesù jkellimna wkoll permezz ta’ persuni li ma nistennewhiex minnhom. Inħallu lil Ġesù jiffurmana, inħallu l-Kelma tasal għandna, anki permezz ta’ nies li qatt ma nistennew li jistgħu jkunu għajnuna fil-formazzjoni tagħna.

Fit-tieni parti ta’ din is-silta Ġesù jieqaf jitkellem biss fuq kif nibqgħu fih u kif jibqa’ fina. “Ibqa’ magħna” (Lq 24:29), qalulu d-dixxipli ta’ Għemmaws. “U baqa’ miexi magħhom” (Lq 24:15), qalilna San Luqa, meta ltaqa’ magħhom fit-triq waqt li kienu nkwetati, waqt li kienu għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà, ta’ sfiduċja. “Aħna konna nittamaw…” (Lq 24:21). “Ibqa’ magħna, Mulej”. Jalla tkun din it-talba tagħna. Il-Mulej jixtieq jibqa’ magħna.

San Pawl fl-Ittri tiegħu huwa mimli b’espressjonijiet li juru l-esperjenza tiegħu ta’ intimità mal-persuna ta’ Ġesù. “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). Din ir-relazzjoni intima li kellu mal-persuna ta’ Ġesù ma kinetx sempliċiment xi ħaġa esterjuri: kemm noqgħod fil-knisja. Jista’ jkun il-mezz prinċipali li permezz tiegħu hu joqgħod magħna, joqgħod fina, u aħna noqogħdu fih. Ma ninsewx illi, mill-bidu nett tal-Evanġelju ta’ San Ġwann kien hemm din il-problema, din il-mistoqsija: “Fejn toqgħod, Rabbi?” (Ġw 1:38). Ġesù jispjega l-mod tad-dixxipulat lill-ewwel żewġ dixxipli tiegħu proprju b’dan il-verb: ‘Ibqgħu miegħi’. “U baqgħu miegħu” (Ġw 1:39). Fejn toqgħod, tibqa’ toqgħod. Dan il-verb għal San Ġwann huwa d-definizzjoni u l-ispjegazzjoni ta’ li tkun dixxiplu. Li toqgħod fi kliem ieħor ifisser illi ġġorr f’qalbek u f’moħħok. Żgur li Ġesù, ladarba aħna qegħdin hawn, iġorrna kollna kemm aħna, kull wieħed minna, f’moħħu u f’qalbu. Qalilna fl-Evanġelju tal-lum: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). “Sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15), dixxipli. U nafu li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li tkun dixxiplu jfisser toqgħod fil-qalb ta’ Ġesù. Tkun fuq il-qalb ta’ Ġesù, kif poġġa rasu fuq qalb Ġesù d-dixxiplu l-maħbub (ara Ġw 13:25). Aħna ċerti li kull wieħed minna jinsab fin-nofs tal-qalb tiegħu. Li nibqgħu, li noqogħdu aħna fil-qalb tiegħu, li joqgħod fil-qalb tagħna. Aħna nistgħu nużaw kelma mill-esperjenza umana: li nkunu verament innamrati ta’ Ġesù. Innamrati mhux fis-sens romantiku, jew fis-sens biss sentimentali, imma li Ġesù verament ikun fiċ-ċentru, li miegħu ddur il-personalità kollha tagħna, iduru l-għażliet tagħna, is-sentimenti, il-ħsibijiet tagħna.

Din hija l-mixja li aħna msejħin nagħmlu, il-mixja li twassalna għall-hena tassew. Dan hu l-ferħ tassew, u dan hu l-frott. Ġesù jaqbad proprju din l-allegorija tad-dielja għal raġuni waħda u sempliċi: għax id-dielja ma hi tajba għal xejn iktar jekk mhix tajba għall-frott, għal għeneb tajjeb. Waqt li s-siġar l-oħra kollha jista’ jsir użu ieħor minnhom, mill-injam tagħhom, id-dielja ma hi kapaċi għal xejn iktar. Dan jgħidu l-Profeta Eżekjel meta jistaqsi: ‘X’ser nagħmel biż-żarġun, biz-zokk tad-dielja? Jekk din ma tagħmilx frott, nista’ nagħmel musmar mill-għerq tad-dielja, miz-zokk tad-dielja?’ (ara Eżek 15:1-3). Le, ma nistax, għax huwa dgħajjef. Jekk id-dielja ma twassalx għall-frott, għall-paċi tal-qalb, li Ġesù jorbotha ma’ din l-għotja tagħna nfusna, ma’ din l-imħabba, id-dielja ma tiswa għal xejn.

Biex inkunu nafu x’inhu l-frott – u nikkonkludi biha – niftakru f’kapitlu 5 tal-Ittra lill-Galatin. Il-frott ta’ dan l-Ispirtu, li jiġri bejn il-fergħa prinċipali u l-friegħi l-oħra, bejn iz-zokk prinċipali u l-friegħi l-oħra tad-dielja, San Pawl jgħidilna b’mod ċar li hu: “l-imħabba, l-hena, s-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22-23). Il-frott hu l-kapaċità li niddeterminaw, li nagħtu direzzjoni lil ħajjitna.

Ejjew nitolbu lill-Mulej, aħna li qegħdin fiċ-ċentru ta’ qalbu, kull wieħed minna. Għalhekk qegħdin hawn. Jekk il-miżżewweġ, il-miżżewġa, ir-raġel jew il-mara jafu l-eżistenza tagħhom u s-sussistenza tagħhom, il-kapaċità li jibqgħu fuq saqajhom bħala raġel u bħala mara, mill-imħabba li jirċievu u mill-imħabba li jagħtu, jekk raġel mill-mara tiegħu u l-mara mir-raġel tagħha, hekk ukoll is-sussistenza tagħna, il-kapaċità li nibqgħu fuq saqajna bħala saċerdoti, nafuha minn din iċ-ċirkolazzjoni tal-imħabba, minn din iċ-ċirkolazzjoni tal-Ispirtu, li titwettaq fl-intimità tagħna. Kulħadd isib il-mod tiegħu, kull wieħed minna għandu l-istil tiegħu, imma bżonnjuż. Inkella li jiġrilna hu sempliċi, naturali: jekk aħna nitbiegħdu minn din it-tip ta’ hena, jekk aħna nitbiegħdu minn dan it-tip ta’ frott, il-bniedem ma jafx jgħix mingħajr hena, il-bniedem mhux kapaċi jgħix mingħajr ma jinnamra, il-bniedem mhux kapaċi jgħix jekk ma jkollux lil xi ħadd fiċ-ċentru ta’ qalbu. Imbagħad nibdew nagħżlu oġġetti jew persuni oħra, li flok jgħinuna, ikomplu jiffrustrawna; flok iressquna lejn il-ferħ veru, lejn l-hena tagħna, ikomplu jfixkluna, ixekkluna, u jdaħħluna f’konfużjoni.

Il-Mulej jagħtina verament illejla li nemmnu, li nserrħu rasna fuq sidru, għax hemmhekk hemm jien, hemm int, hemm kull wieħed minna. Fiċ-ċentru ta’ Qalbu hemm is-saċerdot bid-dgħufijiet tiegħu, b’dak li hu, bid-dnubiet tiegħu, bl-infedeltajiet tiegħu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading