Is-Seba’ xeni tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità liturġika tal-Qalb ta’ Ġesù. Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’, Fontana.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

San Ġwann jispiċċa l-Evanġelju tal-lum (Ġw 19:31-37) billi jieħu sentenza mill-profezija u jgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu” (v. 37). Qagħdu jħarsu lejn Ġesù, lejn il-minfud. Jien naħseb li llejla aħna lkoll mistednin biex nagħmlu l-istess eżerċizzju: biex inħarsu lejn Ġesù li ġie minfud. Għax jekk inħarsu lejn Ġesù minfud, nistgħu mhux biss nifhmu b’moħħna, imma nħossu b’qalbna u nagħmlu esperjenza profonda tal-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù għal kull wieħed u kull waħda minna.

Din ix-xena “tas-suldati li kienu qed jiksru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu” (Ġw 19:32), u “suldat nifidlu ġenbu b’lanza” (Ġw 19:34), hija l-aħħar xena minn seba’ xeni, li San Ġwann jiddeskrivi li ġraw fuq l-għolja tal-Kalvarju.

  1. “Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs” (v. 18)
    Xi jrid jgħidilna San Ġwann f’din l-ewwel xena? Ma’ min jitħallat u jitwaħħad Ġesù? Mal-midinbin, man-nies dgħajfin. Hu wieħed minnhom, fin-nofs. Għaliex ipoġġih fin-nofs San Ġwann lil Ġesù? Żgur li Ġwanni kellu f’moħħu t-Testment il-Qadim, “is-siġra tal-ħajja, li Alla kien ħawwel f’nofs il-ġnien tal-Għeden” (Ġen 2:9); is-siġra li kull min iħares lejha kien jieħu l-ħajja; iz-zokk bis-serp tal-bronż mgħolli fid-deżert, f’nofs il-poplu, “li kull min kien iħares lejn is-serp tal-bronż, kien ifiq u jgħix” (Num 21:9). Imma Ġesù hu msallab qalb il-midinbin. Jispiċċa ħajtu kif bdieha. Bdieha fil-kju mal-midinbin, wieħed minnhom, tant li ma kinux jagħżluh mill-bnedmin l-oħra. Fil-kju, jistenna biex jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan.
  2. “U poġġewlu l-kitba tal-kundanna tiegħu: ‘Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud’” (v. 19)
    Din “il-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg” (Ġw 19:20), f’post fejn kulħadd seta’ jaraha: “Dan hu s-sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19). Għaliex Pilatu ħass il-bżonn li kellu jikteb din il-kitba tal-kundanna, tant li meta jgħidulu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud’, imma li ‘Dan qal: Jien sultan tal-Lhud’”, Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!” (Ġw 19:21)? Għaliex San Ġwann ipoġġi dan il-kliem fuq ras Ġesù? Għax dan hu l-bniedem realizzat, il-bniedem sultan. Kemm nitkellmu fuq ir-realizzazzjoni, il-fulfilment, il-bniedem li jrid isib lilu nnifsu, l-assertività li l-bniedem irid jilħaq f’ħajtu! Ġesù jurina bil-ħajja tiegħu, u mhux bil-paroli bħalma qed nagħmel jien, li dan hu l-bniedem realizzat: il-bniedem li jagħti lilu nnifsu, il-bniedem li lest li jmut għal ħaddieħor. Dan hu l-bniedem li jilħaq il-milja tal-umanità: il-bniedem psikoloġikament u spiritwalment matur, fl-aqwa tal-maturità tiegħu.
  3. “Ħadu l-ilbies tiegħu u qasmuh f’erbgħa” (v. 23)
    Taħt is-salib, is-suldati jaqtgħu x-xorti fuq ħwejġu, imma t-tunika, il-libsa li tmiss ma’ ġismu “ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha” (Ġw 19:24). Xi jrid jurina San Ġwann b’dan il-ġest ta’ Ġesù li jagħtina l-libsa, il-ħwejjeġ tiegħu? Aħna nafu li fil-mentalità Orjentali, fit-Testment il-Qadim, imma anki fil-Ġdid, il-libsa ma tfissirx għajr l-identità tal-persuna. Il-bniedem kien jiġi magħruf minn dak li jilbes: jekk kienx ilsir, jekk kienx saċerdot, jekk kienx Fariżew, jekk kienx pubblikan, kien jingħaraf mil-libsa li jilbes. U meta Ġwanni jippreżentalna lil Ġesù li saħansitra joffri l-ħwejjeġ tiegħu, Ġwanni jrid jurina b’mod sempliċi u ċar li Ġesù qiegħed jagħtina l-identità tiegħu, l-ispirtu tiegħu, dak li hu. Maqsum f’erbgħa: l-erbat irjieħ tad-dinja. Id-dinja ta’ dak iż-żmien kienet immaġinata wesgħa kbira ċatta, pjatta, b’erba’ kantunieri. Erba’ biċċiet tal-libsa li jmorru kull waħda f’kull kantuniera. L-Ispirtu ta’ Ġesù li jinqasam u jinxtered u jitferrex ma’ kullimkien.
  4. “Kien hemm wieqfa taħt is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara, hawn hu ibnek’. Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’” (vv. 25-27)
    Hawn Ġwanni jippreżentalna xena oħra, ir-raba’ waħda, dik tan-nofs. Xi jrid jurina San Ġwann b’din ix-xena li qiegħda fin-nofs, fuq il-Kalvarju, f’dan il-post tant għażiż fejn Ġesù qiegħed jiftaħ u jispjega l-ktieb tal-imħabba tiegħu? Bil-mod il-mod qed jurina kull kantuniera ta’ qalbu, biex jgħidilna kemm hi mimlija bl-imħabba inkundizzjonata, infinita, għal kull wieħed u kull waħda minna. Kien hemm taħt is-salib ommu, kien hemm taħt is-salib Ġwanni d-dixxiplu. Ġesù minn fuq is-salib jagħtina lil Ommu bħala ommna. Lil Ġwanni jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27), u fi Ġwanni kien hemm jien u kien hemm int, kien hemm kull wieħed u kull waħda minna. Fi kliem ieħor aktar profond, nimxu pass ieħor flimkien: mhux biss Marija hija ommok, imma inti dgħajjef; kull wieħed u kull waħda minna aħna midinbin. Inti ħija, inti iben ta’ Alla. Mela jekk Marija hija omm Ġwanni, Ġwanni huwa ħu Ġesù. Jekk Marija hija ommi, mela Ġesù qiegħed jagħżilni bħala ħuh. Ġesù lilek u lili qed jagħżilna mhux bħala ħbieb tiegħu, imma bħala ħutu; fi kliem ieħor, bħala wlied il-Missier, ulied veri tal-Missier. Allura bi dritt nirtu l-istess wirt u mħabba li għandu l-Missier għal Ibnu Ġesù.
  5. “Wara dan, Ġesù, billi kien jaf li kollox kien mitmum, qal: ‘Għandi l-għatx!’. Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponza bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: ‘Kollox hu mitmum!’” (v. 28)
    Hu li kien jaf li kollox hu mitmum, u li kien wasal biex jintemm, bagħat jgħid: “Kollox hu mitmum” (Ġw 19:30). Kemm hi sabiħa din ix-xena li fiha Ġesù jurina li l-imħabba tiegħu mhijiex biss għall-ħbieb. L-imħabba tiegħu mhijiex biss għal dawk li jgħidulu ‘iva’, mhix biss għad-dixxipli, imma l-imħabba tiegħu hija għal dawk li ma jaħmluhx, għal dawk li joqtluh. L-imħabba tiegħu hija għal dawk li mhumiex kapaċi jkunu fidili lejh. Kif nafuha din? Minn din ix-xena. Aħna nafu li l-ħall huwa l-inbid qares. Fil-mentalità Orjentali, u anki fil-mentalità tagħna, biex tilqa’ persuna meta tiġi d-dar, inti x’tagħmel? Tgħidilha: “X’ser nagħtik tixrob?”. Għax meta tgħid lill-persuna ‘ser nagħtik tixrob’ ifisser li ser tilqagħha. Tfisser li inti qed tgħidilha: ‘Isma’, għandi wisa’ għalik’, mhux biss fid-dar tiegħi, imma fil-qalb u fil-moħħ tiegħi. U meta Ġesù jgħid: “Għandi l-għatx”, x’inhu jagħmel Ġesù? Lil dawk ta’ taħtu, lis-suldati din id-darba, mhux lil ommu u lil Ġwanni, imma lil dawk li kienu qed isallbuh, qiegħed jgħidilhom fi kliem ieħor: ‘Nixtieq nidħol fl-intimità tal-qalb tagħkom, nixtieq insir ħabib tagħkom’. Hekk kien għamel f’kapitlu 4 tal-istess Evanġelju ta’ San Ġwann, meta ltaqa’ mas-Samaritana fl-istess ħin, f’nofsinhar, fuq il-bir ta’ Ġakobb. Qalilha: “Agħtini nixrob” (Ġw 4:7). Fi kliem ieħor, ‘ħallini nidħol f’relazzjoni miegħek, ħallini nsir ħabib miegħek’. Dak li għamel Ġesù minn fuq is-salib. Lil min? Mhux lill-ħbieb tiegħu, imma saħansitra lil dawk li ma kinux kapaċi jagħtuh l-inbid tal-festa, l-inbid li jfisser ferħ, imma kienu kapaċi jagħtuh biss il-ħall tal-mibegħda, il-ħall tal-limitu. Imma anki dak Ġesù jaċċettah. L-Evanġelju joqgħod attent biex jgħidilna: “Kif Ġesù ħa l-ħall” (Ġw 19:30), kif Ġesù xorob il-ħall; dak il-ħin seta’ jgħid: “Kollox hu mitmum!” (Ġw 19:30). Dik il-kelma “kollox hu mitmum” ma tfissirx ‘issa spiċċa kollox’, hija wisq iktar minn hekk. “Tetelestai” bil-Grieg hija mission accomplished, wasalt fejn kelli nasal. Meta Ġesù jasal fejn kellu jasal? Meta kull bniedem, midneb kemm hu midneb, imbiegħed kemm hu mbiegħed, anki jekk ma jafx bih, jagħraf x’hemm fil-qalb ta’ Ġesù għalih, jagħraf l-imħabba kbira li Ġesù għandu għalih.
  6. Wara li Ġesù ħa l-ħall, l-Evanġelju jgħidilna: “Mejjel rasu u radd ruħu” (v. 30)
    Aħna ngħidu ‘mela miet, mejjel rasu u radd ruħu’. Le! Mejjel rasu u nefaħ l-Ispirtu tiegħu… Aħna ngħidu li Ġesù ta ħajtu għalina fuq is-salib. Iva, verament Ġesù ta ħajtu għalina fuq is-salib. Għax minn fuq is-salib, meta Ġesù jmut, jagħti l-Ispirtu tiegħu. X’jiġifieri l-Ispirtu tiegħu? L-enerġija li kienet iżżommu ħaj, il-magna li kienet iżżomm lil ġismu sejjer, l-enerġija li kienet tagħtih l-intelliġenza tiegħu, li kienet tgħinu jħoss l-emozzjonijiet tiegħu, dik ma marritx miegħu fil-qabar, imma taha lilna. Ta ruħu lilna: ta l-Ispirtu tiegħu lilna. Hi ċara fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Dan li jrid jgħidilna Ġwanni meta jikteb u jgħid “u radd ruħu” (Ġw 19:30).
  7. “Wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma” (v. 34)
    Is-seba’ xena hi dik li għandna kif qrajna fl-Evanġelju tal-lum. Ġesù jagħtina saħansitra l-ftit demm u l-ftit ilma li kien għad baqagħlu. Imma aħna nafu li fl-Iskrittura kemm id-demm u kemm l-ilma huma simboliċi. Meta wieħed jagħti d-demm tiegħu, ifisser li qed jagħti ħajtu, il-persuna tiegħu, il-kapaċitajiet tiegħu. Qiegħed jagħti dak li hu, dak li għandu. X’inhu l-ilma? Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, f’kull kapitlu, barra f’kapitlu 1 – San Ġwann fih 22 kapitlu – hemm imsemmi l-ilma. L-ilma huwa dejjem riferiment għall-Ispirtu s-Santu, tant li f’kapitlu 7 Ġwanni nnifsu jgħid: “Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu” (Ġw 7:39). Meta kien qiegħed ħdejn il-Menqgħa qrib it-Tempju, u waqt li beda jara l-ilma nieżel, Ġesù jgħid li kapaċi jagħtina ilma li jagħtina l-ħajja mhux illum jew għada, imma ilma li jagħti l-ħajja ta’ dejjem – l-Ispirtu Qaddis tiegħu. Aħna dan nistgħu ngħixuh fis-Sagrament tal-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw. Meta nieħdu l-ħobż, meta nisimgħu l-Kelma, aħna nieħdu l-ħajja ta’ Ġesù. Mhux biss, imma nieħdu wkoll l-Ispirtu ta’ Ġesù, dak li ħadna fil-Magħmudija. Neħduh kull darba li aħna nersqu qrib tiegħu, nersqu lejn qalbu, nittawlu fiha u naraw x’hemm, naraw xi mħabba kbira hemm għal kull wieħed u kull waħda minna. Kull darba li aħna niġu hawn b’moħħna u b’qalbna, bil-persuna sħiħa tagħna, inkunu qed nagħmlu l-esperjenza ta’ Ġwanni l-Evanġelista. Għalhekk Ġwanni jgħanni f’dawn ix-xeni l-imħabba infinità, bla kundizzjoni li Ġesù għandu għalina. Għax Ġwanni “poġġa rasu fuq sider Ġesù” (Ġw 13:25), Ġwanni sema’ t-taħbita tal-qalb ta’ Ġesù, fi kliem ieħor għamilha ma’ Ġesù. Ġwanni sema’ lil Ġesù jkellmu, sema’ lil Ġesù jitkellem. Ġwanni kien joqgħod qrib tiegħu, biex jitgħallem minnu, biex jieħu mingħandu l-kliem u l-qawwa li jagħtuh il-ħajja ta’ dejjem.

Aħna wkoll imsejħin biex ingawdu minn din l-imħabba. Din hija l-fidi Kristjana: aħna msejħin biex fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu b’din l-enerġija, b’din il-qawwa li kapaċi jagħtina Ġesù; bl-imħabba tiegħu, bil-qalb miftuħa tiegħu, bil-qalb minfuda tiegħu. Ejjew ma naħlux, ejjew inkunu għaqlin biżżejjed li ma naħlux rigali bħal dawn. Ejjew ngħożżuha l-fidi tagħna, ejjew ngħożżu l-Kelma li verament fiha t-teżori kollha li jistgħu jagħtuna u jimlewna b’sodisfazzjon u jagħtuna r-realizzazzjoni, li kull wieħed u kull waħda minna nfittxu kemm indumu f’din il-ħajja.

Leave a Reply