Marija u Eliżabetta jgħallmuna ngħixu l-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Viżitazzjoni. Parroċċa tal-Viżitazzjoni, Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-priedka-pontifikal-gharbil-hadd-4-ta-lulju-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Li kieku l-episodju li għadna kif smajna fil-Vanġelu tal-lum, u li intom nies ta’ din il-parroċċa tafuh bl-amment, kellu jiġri llum, jien naħseb kien ikun ftit differenti. Naħseb illi Eliżabetta ma kinitx tilqa’ lil Marija mill-ewwel, hekk kif laqgħetha. Fid-dettalji li jsemmi San Luqa kien ikollu jsemmi wkoll bilfors li ħabbtet il-bieb, għax il-bieb ikun maqful. Imbagħad Eliżabetta minn ġewwa forsi setgħet tistaqsi: ‘Imma min ġie? Xi jrid? X’għandha bżonn?’.

Kieku din il-ġrajja kellha sseħħ illum, konna ngħidu: imma kif ftiehmu bejniethom, żewġ ġenerazzjonijiet? Marija ta’ tnax-il, tlettax-il-sena, adolexxenti – min għandu l-adolexxenti jaf x’qed ngħid – u Eliżabetta, li l-Vanġelu jiddeskriviha bħala mdaħħla fiż-żmien. Kif irnexxielhom jikkomunikaw bejniethom? Il-generation gap, ngħidulha llum.

Kieku l-Vanġelu li smajna seħħ illum, kieku naħseb illi bejniethom Eliżabetta u Marija kienu jibdew jiddiskutu jekk it-tarbija li għandhom fil-ġuf hix proprjetà tagħhom, hix estensjoni tagħhom, jew inkella hix persuna, hix xi ħaġa lil hinn minnhom, illi għalkemm qegħdin jipparteċipaw u jieħdu sehem fil-formazzjoni tagħha, imma mhumiex il-proprjetarji tagħha. Nimmaġina li kienet tqum diskussjoni bejniethom.

Kieku Eliżabetta u Marija kellhom jiltaqgħu llum, kieku l-Vanġelu seħħ illum, u kieku Marija marret tgħin lil Eliżabetta llum, jien nimmaġina li Eliżabetta wara kienet tgħidilha: ‘X’għandi nagħtik?’, jew inkella: ‘Isma’, ħa nġibu l-maid (forsi xi barrani jew barranija) tgħinna’.

Jien naħseb illi dan il-Vanġelu tal-lum jitkellem ħafna għas-sitwazzjoni tagħna. Mhix storja tal-passat, imma storja tagħna. Għaliex il-bibien tagħna jkunu maqfulin, u l-bieb ta’ Żakkarija kien miftuħ u baqgħet dieħla? Sa ftit ilu konna nħallu ċ-ċavetta fil-bieb. Il-problema fejn hi? Il-problema tinsab aktar fil-fond. Kemm għadna nafdaw lil xulxin? Bl-iskuża illi forsi hawn il-barranin, forsi hawn nies li ma nafuhomx! Imma l-barrani, jekk jien nirrifletti ftit, noħolqu f’moħħi, noħolqu f’qalbi. Għandkom ħbieb intom li mhumiex minn tal-familja tagħkom? Għandkom ħbieb li huma minn pajjiż ieħor? Ħafna minnkom iva. Għaliex saru ħbieb? Għax niżżilt il-ħajt, neħħejt il-purtiera li kellek f’moħħok, li kellek f’qalbek, u dak li qabel kien barrani, issa sar ħabib.

Il-Vanġelu tal-lum, din iċ-ċelebrazzjoni tar-relazzjoni, iċ-ċelebrazzjoni tal-persuna, jgħidlina illi Marija tqum. Hekk jiddeskrivi San Luqa lil Marija. Tqum u tmur tħaffef. Fejn? Lejn xiex? Mhux lejn l-għoljiet, imma lejn il-persuna. Tmur tħaffef lejn l-għoljiet għax hemm il-persuna. Din l-inklinazzjoni lejn il-bniedem li hu magħmul biex jidħol f’relazzjoni sinċiera, sempliċi, awtentika ma’ bniedem ieħor. Din is-sempliċità, illi fi żmienna forsi qegħdin nitilfu, u għandna bżonn lil Marija u lil Eliżabetta, għandna bżonn lil Ġwanni u lil Ġesù biex jgħinuna nirrestawraw, jgħinuna nerġgħu nirkupraw ir-relazzjonijiet sempliċi ta’ bejnietna.

Dan iż-żmien aħna kif nidħlu f’relazzjoni flimkien? Għalfejn għandi nissuspetta meta jħabbat xi ħadd il-bieb? Għalfejn għandi nistaqsi ‘min jaf xi jrid’? Għalfejn għandi nonqos mill-fiduċja fil-persuna? Tgħiduli: inħallu ċ-ċavetta fil-bieb? Le. Tgħiduli: nafda dak li għandi ma’ ħaddieħor? Le. Għaliex il-problema mhix dik. Il-problema hija aktar fonda. Il-problema tinsab fir-rispett profond illi jien għandi lejn il-persuna tal-ieħor, ir-rispett profond li Alla għandu lejn il-bniedem. Tant għandu dan ir-rispett, tant hu kbir ir-rispett ta’ Alla lejna l-bnedmin, illi ma stmerrx li jsir bnidem bħalna, li jieħu fuqu l-moħħ ħażin tagħna, li jieħu fuqu l-qalb ħażina tagħna, li jieħu fuqu l-ġisem tagħna, tant ma stmerrx, tant xtaq jingħaqad u jintrabat mal-persuna ta’ kull wieħed u kull waħda minna, tant jixtieq jurina illi jafda fina. U bir-raġun San Ġwann fil-ġuf ta’ ommu Eliżabetta jaqbeż bil-ferħ. Jaqbeż bil-ferħ quddiem il-persuna, quddiem il-bniedem, quddiem Ġesù. Ġesu huwa l-bniedem illi meta jidħol fil-ħajja tagħna, jagħmilna aktar bnedmin, għax nagħrfu li aħna wlied kollha kemm aħna, nagħrfu li aħna jistħoqqilna li nkunu maħbubin, li aħna maħbubin mill-Missier.

Għax hawn qiegħda l-problema l-kbira. Għalfejn nonqsu mill-fiduċja? Meta tonqos mill-fiduċja lejn martek jew lejn żewġek? Meta tibda tissuspetta? Meta jibdew ġejjin il-mistoqsijiet? Qatt staqsejt din il-mistoqsija? Meta tixtieq tħossok aktar maħbub jew meta ma tħossokx maħbub. Dakinhar jibdew ġejjin ħafna mistoqsijiet. U mmur għas-soluzzjoni jew aħjar is-sinifikazzjoni, il-fejqan, fl-għeruq tal-persuna tagħna. Minn fejn se nġibuh jekk mhux mingħand Ġesù, illi minkejja l-moħħ ħażin tagħna, minkejja l-qalb ħażina tagħna, jilqagħna, jaċċettana, iħobbna? U jiżfen Ġesù, jiżfen kif żifen Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu, quddiem kull wieħed u kull waħda minna, għax aħna għeżież għalih, aħna importanti għalih. Għandna bżonnu lil Ġesù biex jagħtina dan is-sens kbir ta’ fiduċja, illi huwa fil-bażi tal-umanità tagħna u fil-bażi tal-fidi tagħna.

Fidi u fiduċja! Ir-relazzjoni bejn l-anzjana u ż-żagħżugħa. Kemm ngħidu li ż-żgħażagħ m’għadhomx imorru l-knisja! ‘Għalxejn ngħidilha lit-tifla. Sa meta kellha tnax, tlettax-il sena kienet tiġi dejjem miegħi, issa ma nafx x’taha. Għalxejn ngħidlu lit-tifel, issa ma jridx jaf’. Interessanti, għax hawnekk għandna paradigma, eżempju ċar ta’ kif taħdem ir-relazzjoni bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ. Kemm hi sabiħa! Ippruvaw irriflettu ftit, ejjew nitbiegħdu naqra minn din ix-xena tal-Vanġelu, u nħarsu lejha ftit mill-bogħod, u naraw x’relazzjoni nħolqot bejn Eliżabetta u Marija.

L-ewwel u qabel kollox, għalfejn Marija marret għand Eliżabetta? Tgħiduli: biex tgħinha. Ukoll. Imma marret għand Eliżabetta biex tikkonferma s-sinjal, għax l-Anġlu kien qalilha li s-sinjal dan ikun. Eliżabetta fl-età anzjana tagħha se jkollha tarbija. Qed tistenna. Kemm tista’ ssejjaħ lilek innifsek – anzjan – sinjal għaż-żagħżugħ, għaż-żagħżugħa? X’jara fik iż-żagħżugħ. Ipprova staqsi ftit: ‘It-tifel tiegħi, it-tifla tiegħi, iż-żgħażagħ li nagħmilha magħhom, x’jaraw fija? Liema sinjal jaraw fija? Kif jarawni lili, kif iħarsu lejja?’. Ipprova idħol ftit fiż-żarbun tagħhom u staqsi jekk intix sinjal għalihom, jekk intix tinftiehem, jekk hemmx xi ħaġa li mhix sejra sew. Staqsi liek innifsek: ‘Imma jien sinjal ta’ xiex għat-tifel jew għat-tifla tiegħi?’. Sinjal tal-koerenza, jiġifieri dak li ngħid nagħmlu, jew tal-inkwerenza, jiġifieri nikkmanda u nordnalhom affarijiet sbieħ, imma mbagħad lili jarawni nagħmel bil-maqlub, dak li jfettilli. Sinjal tal-verità – il-verità tagħmilna b’saħħitna, u min hu b’saħħtu ma jiddejjaqx jgħidha, jesprimiha – jew sinjal tal-gidba, il-‘verità’ skont meta u kif jaqbilli? ‘X’jara fija ibni? X’tara fija binti?’. X’jaraw fina ż-żgħażagħ tagħna? Sinjal ta’ xiex? Sinjal li l-lira tiswa daqs ix-xogħol li nagħmel? Jew li lira tiġi bl-easy money, malajr, b’korruzzjoni? Inġibha min jaf minn fejn u kif! Imma l-aqwa li ġiet, u importanti illi flok waħda tkun tnejn u tlieta. Imma mhux daqshekk problema jekk ma ħdimtx għaliha, jekk ma stinkajtx għaliha, jekk mhux dritt tiegħi, jekk mhux jedd tiegħi. X’sinjal qed nagħti jien lil uliedi? X’sinjal qed nagħti liż-żgħażagħ tiegħi? X’sinjal qed nagħti jien lil dawk li jħarsu lejja, jarawni, lil dawk li jixorbu minni? Ippruvaw irriflettu ftit kemm dan il-Vanġelu jgħallimna jkollna relazzjoni awtentika vera maż-żgħażagħ.

X’tagħmel Eliżabetta kif tara lil Marija? ‘Kemm domt ma ġejt? Kemm ilni nistenniek? Messek ġejt qabel! Ma kontx taf xi ġrali?’. X’qaltilha Eliżabetta lil Marija kif daħlet u fetħet il-bieb. “Imbierka inti fost in-nisa”. Mill-ewwel ikkumplimentat magħha. Tatha feedback pożittiv lil din it-tfajla, Marija. Kellmitha fuq is-sabiħ tagħha, kellmitha fuq il-pożittiv tagħha. U x’għamlitilha lil Marija? Tatha valur. Bħala persuna ma kellhiex bżonn il-feedback ta’ Eliżabetta, Marija li mnissla mingħajr ħtija. Imma r-relazzjoni ta’ bejniethom tgħallimna għall-ħajja tagħna. Wara li tisma’ dan il-feedback pożittiv, din ir-risposta sabiħa ta’ Eliżabetta, Marija tinfexx tfaħħar lil Alla, ir-relazzjoni tagħha ma’ Alla. Jistax ikun illi dan huwa l-istil ta’ kif jien nista’ nerġa’ nġib it-tfal tiegħi biex iħobbu lil Alla? Jistax ikun dan mod ta’ kif jien lit-tfal tiegħi nista’ nerġa nressaqhom, nistedinhom biex imorru l-knisja? U mhux nagħtihom mill-agħar, mhux insibilhom id-difetti, mhux il-ħin kollu nenfasizza l-iżbalji! Imma nipprova nerfagħlhom il-pożittiv u s-sabiħ. Marija x’tagħmel? Tinfexx tfaħħar lil Alla. Dan li nsibu fil-Vanġelu jista’ jkun stil għar-relazzjoni tagħna ma’ wliedna, għar-relazzjoni tagħna maż-żgħażagħ.

It-tielet sitwazzjoni. Id-diskussjoni jekk it-tarbija li għandna fil-ġuf hix tagħna jew hix xi ħaddieħor, hix ta’ ħaddieħor. Ħarsu lejn Marija u Eliżabetta, it-tnejn li huma. Waħda fi xjuħitha, jiġifieri ma kienx hemm ċans, u l-oħra b’opra tal-Ispirtu s-Santu u mhux bil-qawwa tal-bniedem. Ħarsu lejhom u rriflettu ftit, agħrfu fihom il-verità illi t-tarbija, il-ħajja fil-ġuf hi purament rigal. Inbagħbsu kemm inbagħbsu fil-ġuf, jibqa’ purament rigal, u dan jafu min ipprova jbagħbas fil-ġuf. X’verità illi lilna żżommna kollha b’saqajna mal-art! Iżżommna b’attenzjoni kbira ta’ kif nittrattaw lill-persuna illi għandna, mhux maġenbna, mhux warajna, imma faċċata tagħna, quddiemna. L-annimali kollha kemm huma, liż-żgħar tagħhom, jew jiġru warajhom jew maġenbhom. Imma ħadd minnhom ma jżommhom quddiemhom, faċċata tiegħu, bħalma jżommhom il-bniedem. Għax dak huwa int ieħor, mera tiegħek, għandu l-istess dinjità tiegħek, bħalek, daqsek fil-valur. U int ma tistax tittrattah bħala oġġett, anki jekk hemm biċċa ġilda tgħattih, anki jekk għadu mhux barra imma għadu ġewwa. Dak huwa persuna, huwa rigal ta’Alla. U meta int tagħraf li hu rigal ta’ Alla, int tgħix verament b’radd ta’ ħajr lil Alla, b’ringrazzjament lil Alla. Handle with care! Dak mhux tiegħek!

Hawnhekk hawn ġenituri adulti. Mur għidlu t-tifel tiegħi, mur ipprova agħmel bih li trid int! Qisu bħala proprjetà tiegħek it-tifel, ħa tara kif jirribella u kif jirvilla! Ħa jkollu erbatax-il sena, ħmistax-il-sena, sittax-il sen… ikun għaddej mit-triq u jistħi jgħidilhom lil ħbiebu: ‘Dik ommi’. U hija normali li jistħi jgħidilhom, għax irid jinqata’, għax lil ommu jrid jgħidilha: ‘Jien ieħor, jien differenti minnek’. Għidli int kif jien dan nista’ nagħmlu proprjetà tiegħi! Xi ħadd minna jieħu gost kieku jkun proprjetà ta’ ħaddieħor? Xi ħadd minnkom jieħu gost ikun għadu taħt id-dublett ta’ ommu sal-lum, anki jekk aħna adulti? Xi ħadd minna jieħu gost kieku għadna oġġett tagħha, proprjetà tagħha, u mhux persuna bil-libertà tagħha, bis-sentimenti tagħha, bil-mod kif tirraġuna hi? Żgur li ħadd minna. Jitkellem għalina dan il-Vanġelu.

L-aħħar punt. Forsi kieku Marija kienet fi żmienna u marret tgħin lil Eliżabetta, kienet tieħu magħha xi immigrant jew xi Filippina. Mhix xi ħaġa ħażina tafux! Mhix xi ħaġa ħażina li ngħinu n-nies jaħdmu. Imma fejn nistgħu nirranġaw aktar? Fejn jista’ jkun li qed immorru żmerċ? Jista’ jkun li qed jiġrilna li qed ninsew li l-imħabba vera tissarraf fil-qadi, billi tmiss man-nies. Jien għalija aktar faċli jiġi filgħaxija, ġej mix-xogħol, għajjien jien, għajjien hu, u nċemplu jew lill-Bolt jew lill-Wolt, u jiġi xi ħadd minnhom – narahom iduru, kultant tibża’ li ħa ttajjar lil xi ħadd jew ħa jtajrek xi ħadd minhom! – u ffrankalek il-biċċa tax-xogħol. U mbagħad kilt. X’naqas hemmhekk? Li qgħadt int, forsi int u r-raġel, jew forsi int u l-mara, u qgħadtu tagħmlu xi ħaġa żgħira flimkien, issajru flimkien, tagħmlu l-ħin ma’ xulxin, fil-qadi ta’ xulxin. Il-qadi sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum huma l-ġesti żgħar illi permezz tagħhom jien nuri li nħobbok. Faċli li jien immur għax-xogħol, għandi l-maid tiġi u tnaddafli, u nsib kollox lest. Kultant hekk ikollok tagħmel, m’hemmx mod ieħor. Imma x’inhu jintilef? Qed tintilef l-immedjatezza tal-qadi fl-imħabba u fil-qrib tal-persuni li int suppost tħobb. Kemm hu aktar faċli li jien insib id-dar nadifa! Kemm hi iktar ikkumplikata li jien għadni ġej mix-xogħol, imma bi mħabba u bi tbatija, jien u r-raġel flimkien, għax inħobbu lil xulxin u lit-tfal tagħna, nesprimu, nuru din l-imħabba ta’ bejnietna, dan ir-rispett ta’ bejnietna, bis-sempliċità ta’ daqqa ta’ xkupa, bis-sempliċità illi ngħaddi ftit l-art, b’din is-sempliċità. Dan tgħallimhulna Marija.

Issa kulħadd liberu li jagħmel li jrid. Il-Vanġelu mhux hemm biex jiddetta. Il-Vanġelu qiegħed hemm biex jgħidilna: ‘Isma’, din ħajja umana, u din ħajja diżumana’. Imma din ħajja aktar umana, din ħajja ta’ wlied Alla, iktar sabiħa! Tgħiduli: sewwa, noqgħod insefter! Għandek raġun: il-problema mhix li ssefter; il-problema hija aktar fonda: għejejt tħobb! Tiftakar meta kont iżgħar, u żewġek kien ikun ġej mix-xogħol, tipprova tagħmel kulma tista’ biex tmur qabel inti ħalli tlestilu kollox kif jixtieq hu, kif irid hu? U tħajmu wkoll. Imma għaliex? Għax kien hemm naqra aktar imħabba. Jista’ jkun li għejejt tħobb? Jista’ jkun li l-ħajja ta’ kuljum, il-kilba biex ikolli aktar, tal-flus, għax mingħalina dik se tagħmilna familja, iktar kuntenti, għejjietna, u dik l-għeja attakkat ukoll l-imħabba?

Ejjew nitolbu lil dawn iż-żewġ persuni kbar, Marija u Eliżabetta, u lill-persuni ikbar li kellhom ġo fihom, Ġesù u San Ġwanni l-Battista, biex jgħallmuna nkunu aktar bnedmin, anzi, jgħallmuna ngħixu ta’ wlied il-Missier.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading