Mhux li kieku

Kelli niltaqa’ mal-ħabib tiegħi Gordon fil-pub.  Din ħaġa li konna nagħmlu ta’ spiss.  Hu kellu tmenin sena imma xorta waħda kien għadu attiv bħala psikjatra.  Dak inhar jien kont frustrat għax,  minħabba li għamilt kalkoli ħżiena, tlift kuntratt ta’ importanza kbira.

Waqt li kont bil-qiegħda fil-pub u nimmormra fija nnifsi, daħal Gordon u poġġa ħdejja.  Ordnajna birra u, sakemm ġie l-wejter, ħares waħda sew lejja.  “X’inqala?” qalli bla tlaqlieq.  Kont drajtu li mill-ewwel kien ixomm l-għawġ, għalhekk għidtlu fil-qosor x’kien ġara. Hu qagħad jisma’ b’attenzjoni kbira.  Sadattant ġie l-wejter u bdejna nixorbu.  Kif spiċċajt qalli: “Kif tixrob dik il-birra ejja miegħi sal-klinik.  Irrid insemmagħlek xi ħaġa u nixtieq nara xi tkun ir-rejazzjoni tiegħek.

Ftit ħin wara konna l-klinik.  Jien qgħadt bil-qiegħda u Gordon ġab tape recorder. “Se nsemmagħlek recording ta’ tlieta minn nies differenti.  Mhux se tagħraf min huma biex inżommu s-sigriet professjonali.  Ara x’taħseb.” Xegħel it-tape u qgħadt attent.  Smajt tlieta minn nies imdejqin, u jmaqdru lilhom infushom taċ-ċansijiet li tilfu; min fuq ix-xogħol, min id-dar u min fil-ħajja sentimentali tagħhom. 

“Indunajt kemm-il darba użaw frażi ta’ tlett kelmiet?  Le?  Dan forsi għax int ukoll fil-pub użajt dil-frażi tlett darbiet waqt li rrakkuntajtli x’kien ġralek.” Jien s’issa kont għadni bla ħjiel.  Għalhekk Gordon ħareġ it-tape mir-recorder u fuqu kien hemm miktub xi ħaġa. “ Hemm huma,” qalli Gordon.  L-aktar tlett kelmiet li jtaqqlu l-ħajja:  MHUX  LI  KIEKU.  M’għandekx idea kemm-il klijent poġġa fuq dak is-sufan li qiegħed fuqu int, u, kif fetaħ ħalqu, beda  litanija ta’ mhux li kieku:mhux li kieku ma qabżitlix, ma mortx hemm, ma ltqajtx ma’ dak, ma għidtx dik il-gidba stupida,  u mitt mhux li kieku oħra.  L-iktar li għandha ħażin din il-frażi hi li mhu se tbiddel xejn.  Tħalli lil dak li jkun iħares lura biss.  Taħlilu l-ħin fix-xejn u jirriskja li ma jerġax jipprova.”

Qbist jien u għidtlu: “Allura f’każ bħal dan x’tissuġġerixxi?”  “Ara” kompla Gordon. “Int fallejt għax għamilt xi żbalji.  Allura? Mhux kulħadd jagħmilhom l-iżbalji.  Kull tant dawn iseħħu biex nitgħallmu minnhom.  Min jaf kieku nibdlu il-mhux li kieku f’ darba oħra jew id-darba li jmiss. Mela, l-ewwel nitgħallem mill-iżbalji, imbagħad id-darba li jmiss noqgħod b’seba’ għajnejn biex ma nirrepetix l-istess l-iżbalji. U mmexxi ‘l quddiem. Din il-frażi rajtha ġġib mirakli żgħar fil-klijenti tiegħi. Issa imxi barra ħa naqbad taksi biex immur id-dar.”

Kif ħriġna kienet għadha kif għaddiet waħda.  “U ż-żift”, qal Gordon, “mhux li kieku ħriġt għaxar sekondi qabel!”  Ħarisna lejn xulxin u qbadna nidħku.

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.