Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Festa ta’ San Lawrenz

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 8 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Lawrenz. Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

[soundcloud url=” https%3A//api.soundcloud.com/tracks/1102727464″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Festa ta’ San Lawrenz
Il-Ħadd 8 ta’ Awwissu 2021
Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, San Lawrenz
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

INĦALLU ’L SAN LAWRENZ JURINA LIL ĠESÙ

Għażiż San Lawrenz, dalgħodu nixtiequ nagħmlulek talba speċjali għalina li qegħdin hawnhekk u għal dawk li qegħdin isegwuna b’xi mod. It-talba tagħna dalgħodu nixtequha li tkun: Urina lil Ġesù! Għax inti rajtu lil Ġesù, inti smajtu lil Ġesù, int fhimtu lil Ġesù, int ħabbejtu lil Ġesù; int sirt bħalu, int mitt bl-istess tbatija, bl-istess mewt, bl-istess martirju tiegħu. Agħtina li aħna wkoll naraw dak li rajt int.

Kieku jkollna mmorru ftit qabel l-Evanġelju li smajna (Ġw 12:24-26), konna niltaqgħu ma’ xi Griegi li jitilgħu Ġerusalemm fil-festa tal-Għid. Kienu simpatizzanti Griegi, u għalkemm ma kinux mill-ġens tal-Lhud, imma kienu nies li jħobbu r-reliġjon Lhudija. Kienu nies li b’xi mod kellhom għarfien ta’ Alla u tat-Tempju, tant li jmorru biex jidħlu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm imma jsibu ħajt ta’ bejn wieħed u ieħor xi metru u nofs illi ma setgħux jaqbżu lil hinn minnu, għaliex sempliċiment kienu Griegi u ma kinux Lhud. Immaġinaw it-Tempju ta’ Ġerusalemm qisu l-Knisja tagħkom, maqsum fi tlieta: iz-zuntier, fuq in-naħa ta’ barra; il-knisja; imbagħad l-altar, fuq in-naħa ta’ ġewwa. Il-poplu Lhudi seta’ jidħol fil-parti tan-nofs, jiġifieri fil-knisja. Is-saċerdoti setgħu jidħlu fil-parti ta’ ġewwa nett, dik tas-Santwarju tat-Tempju, f’dan il-każ fuq l-altar. Imma dawk li ma kinux Lhud kellhom jibqgħu biss fuq in-naħa ta’ barra, ’il barra minn dan il-ħajt, ’il barra minn dan iċ-ċint. Huma li xtaqu jagħrfu u jaraw min hu Alla, li xtaqu jaduraw lil Alla, ma kellhomx ix-xorti u ċ-ċans, minħabba dan il-ħajt tal-ġentili, il-ħajt tal-pagani, li kien jifred lil dawk li ma kinux Lhud minn dawk li kienu u li setgħu jidħlu fil-parti tan-nofs tat-Tempju.

L-Isqof Anton Teuma fil-knisja parrokkjali
ta’ San Lawrenz, Għawdex

Allura meta jsibu dan il-ħajt, dawn il-Griegi, jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Ġwann, imorru jistaqsu biex jiltaqgħu almenu ma’ Ġesù. Ma setgħux jidħlu fit-Tempju, ma setgħux jiltaqgħu mas-saċerdoti tas-Santwarju tat-Tempju; almenu jiltaqgħu mal-persuna ta’ Ġesù. Hawnhekk San Ġwann irid jgħaddilna tagħlima fina imma importanti. It-Tempju l-ġdid mhux dak tal-ġebel; it-Tempju l-ġdid fejn jgħammar Alla mhux is-Santwarju, il-qalba tat-Tempju ta’ Ġerusalemm. Imma s-Santwarju ta’ Alla, it-Tempju l-ġdid ta’ Alla, fejn il-bniedem jista’ jiltaqa’ ma’ Alla, huwa l-persuna ta’ Ġesù, huwa Ġesù nnifsu.

Dawn il-Griegi, simpatizzanti tar-reliġjon Ġudajka, u li ma kinux Lhud, jistaqsu fejn hu Ġesù: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (12:21). Din nistħajjilha l-mistoqsija ta’ ħafna nies madwarna, li huma bħal dawk il-Griegi; mhumiex bħalna li nidħlu sikwit fit-tempju, li jidħlu fil-knisja, li jidħlu fil-parti tan-nofs, fejn qegħdin aħna dalgħodu. Ħafna min-nies ta’ madwarna jibqgħu fuq iz-zuntier, jew forsi ’l barra iżjed. Mhumiex kontra l-fidi tagħna, ir-reliġjon tagħna, mhumiex kontra Alla, anzi jixtiequ: ‘Uruna lil Alla, għidulna min hu Alla, għidulna min hu Ġesù’. Imma jibqgħu barra; m’għandhomx is-saħħa, il-qawwa, ix-xhieda, m’għandhomx min jurihom tassew kif jidħlu ġewwa, kif jiltaqgħu ma’ Ġesù, kif jagħmlu esperjenza vera tal-persuna ta’ Ġesù.

Aħna llum qegħdin hawn ħdejn Lorenzo biex ngħidulu: ‘Wassalna ħdejn Ġesù, biex aħna wkoll inkunu bħalek, insiru bħalek ’il quddiem fil-ħajja Nisranija tagħna, ħalli nkunu nistgħu nressqu oħrajn lejn Ġesù’. Kemm nilmentaw li mtlejna bil-barranin! Kemm konna nilmentaw – għax forsi issa m’għadniex daqshekk – li l-fidi tagħna, ir-reliġjon tagħna ser tisparixxi! Il-barranin li hawn madwarna, dawk li m’għadhomx jidħlu l-knisja, ipoġġulna din il-mistoqsija: ‘Uruna lil Ġesù, u aħna wkoll nidħlu. Fejn hu Ġesù fl-esperjenza tal-ħajja tagħkom? Fejn hu Ġesù fil-mod ta’ kif tirraġunaw? Fejn hu Ġesù fil-mod ta’ kif tħossu? Fejn hu Ġesù fil-mod ta’ kif tamministraw il-beni (kif amministrahom Lorenzo)? Fejn hu Ġesù? Ħalli aħna wkoll nidħlu fil-knisja, aħna wkoll inkunu nistgħu niltaqgħu miegħu, aħna wkoll inkunu nistgħu nagħmlu esperjenza vera ta’ Alla’.

Dawn sabu lil Filippu, li mbagħad ħadhom għand Indrì. Interessanti, għax Filippu waħdu ma kienx kapaċi jwassalhom ħdejn Ġesù. Għaliex? Ma kienx jaf it-triq? Ma kienx jaf fejn hu Ġesù? U żgur li kien jafha t-triq! Xi jrid jgħidilna San Ġwann b’dan id-dettall sempliċi? Filippu jieħu lil dawn il-Griegi, barranin, għand Indrija, għax waħdu ma kienx biżżejjed. Ħadd minna waħdu ma jista’ jkun xhud veru ta’ Ġesù. Aħna nagħmlu parti minn komunità, mill-Knisja. Ħadd minna waħdu ma jista’ jemmen tassew f’Ġesù, ma jista’ jagħti xhieda ta’ Ġesù. Għax ix-xhieda kbira ta’ Ġesù fejn nistgħu nagħtuha? Nistgħu nagħtuha kif taha Lorenzo. Lorenzo din ix-xhieda ma taha qatt waħdu. Lorenzo, li kien ħabib kbir u kellu qima kbira lejn il-Papa Sistu II, li sar jafu f’Zaragoza, meta kien jitgħallem, din il-qima baqgħet timxi miegħu meta mar Ruma. Din il-qima lejn il-Knisja, lejn il-Kap tal-Knisja, kienet xi ħaġa fundamentali għal Lorenzo. Lorenzo ma kienx waħdu li jagħti xhieda għall-persuna ta’ Ġesù, imma flimkien ma’ oħrajn li emmnu f’Ġesù, fil-Knisja. Hija illużjoni li l-bniedem tal-lum jipprova jikkonvinċi lilu nnifsu biha, li jista’ jemmen f’Ġesù waħdu, li jista’ jemmen f’Ġesù mingħajr il-komunità li temmen, mingħajr il-Knisja; minkejja li din il-Knisja mimlija difetti, dnubiet, minkejja li mhix perfetta, li hi magħmula mill-bnedmin.

Lorenzo mhux biss kellu qima u mħabba lejn il-Papa, imma wkoll lejn dawk li kienu t-teżori l-kbar tal-Knisja. Lorenzo jurina min huma t-teżori kbar tal-Knisja: huma l-bnedmin, imma l-iktar dawk li qegħdin ibatu, il-foqra, il-morda, il-batuti, dawk li huma fl-aħħar, dawk li huma mwarrba mis-soċjetà. U allura jekk aħna rridu nuru min hu Ġesù lil dawk li qegħdin barra, lil dawk li qegħdin fuq iz-zuntier, lil dawk li qegħdin lil hinn mill-pjazza, lil dawk li m’għadhomx jimpurtahom minn Ġesù, ma nistgħux nuruhom lil Ġesù weħidna. Ix-xhieda rridu nagħtuha lkoll flimkien, kollha ma’ xulxin, Knisja waħda, magħquda fl-imħabba tal-aħwa.

Imma x’jagħmel iktar Lorenzo? X’jagħmlu iktar dawn iż-żewġ dixxipli, Filippu u Indrì? Imorru jieħdu dawn il-Griegi ħdejn Ġesù, għax jixtiequ jaraw lil Ġesù. Hija l-Knisja li tieħu ħdejn Ġesù lil dawk li ma jafux min hu. X’jixtiequ jaraw dawk li ma jafux lil Ġesù? X’jixtiequ jaraw meta aħna nlaqqgħuhom mal-persuna ta’ Ġesù? Fejn hi l-essenza tal-identità tal-persuna ta’ Ġesù? Fejn hi l-identità vera tal-fidi tagħna?

Kif jirrispondi Ġesù għal din ix-xewqa tal-Griegi, u għal din ix-xewqa ta’ Filippu u Indrì? B’mod sempliċi imma tassew radikali, li jqallbilna ta’ taħt fuq l-idea tal-fidi tagħna. Forsi għalhekk aħna m’aħniex kapaċi nwasslu lin-nies minn fuq iz-zuntier għal ġewwa l-knisja. Forsi għalhekk m’aħniex kapaċi nixbhu lil San Lawrenz billi nkunu xhieda fil-Knisja tal-persuna ta’ Ġesù. Kif jirrispondi Ġesù? Bl-Evanġelju tal-lum, fejn Ġesù jgħid: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (12:23). Min hu Ġesù? Ma’ liema Ġesù rridu nlaqqgħu n-nies ta’ barra biex jidħlu ġewwa? Għax aħna jista’ jkollna diversi ideat ta’ Ġesù, diversi immaġni ta’ Ġesù. Ibqgħu ċerti li dawk ta’ barra mhux ser jidħlu ġewwa jekk aħna ma nlaqqgħuhomx mal-veru Ġesù. Għaliex? Għax il-bniedem ifittex il-verità; u mqar jekk aħna li qegħdin ġewwa kultant ninfixlu, għax moħħna mistrieħ li qegħdin ġewwa, u nfixklu flimkien id-diversi immaġni ta’ Ġesù, dawk ta’ barra jgħinuna nindunaw liema hi l-immaġni vera ta’ Ġesù li qegħdin jistennew mingħandna.

Liema immaġni vera ta’ Ġesù Lorenzo xehed lin-nies ta’ żmienu? “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (12:23). X’inhu jgħidilna Ġesù f’dan l-Evanġelju? L-ewwel u qabel kollox Ġesù qed jgħidilna l-iskop tal-missjoni tiegħu, għalfejn ġie fid-dinja. Ma ġiex fid-dinja biex jagħmel il-mirakli, biex iwaqqaf imperu, biex jagħti poter. Jekk fil-Knisja tagħna, fil-komunitajiet Insara tagħna, nibqgħu b’din l-immaġni antikwata u żbaljata ta’ Ġesù – ta’ Knisja imperu, ta’ Knisja poter, ta’ Knisja li moħħha biss biex tiġbor u takkumula – inkunu ’l bogħod minn din il-persuna, minn din l-identità ta’ Ġesù; inkunu qegħdin ’il bogħod wisq mill-iskop għalfejn Ġesù ġie fid-dinja, minn din is-Siegħa, li jxandar u jwassal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum.

Kien ilu jipprepara għal din is-siegħa Ġesù, sa mill-kapitlu 2 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta fit-tieġ ta’ Kana lil Marija jgħidilha: “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (2:4). Dwar liema ‘siegħa’ kien qiegħed jitkellem? Kien qed jitkellem proprju fuq il-mument li fih kellu juri lid-dinja xi tfisser l-imħabba ta’ Alla, xi jfisser Alla għall-bniedem: imħabba-għotja, imħabba li tagħti lilha nfisha, imħabba li lesta tmut għal min tħobb. Dan hu l-qofol tal-messaġġ ta’ Ġesù, u dan hu l-qofol tal-messaġġ tal-Knisja, u dan hu dak li fehem Lorenzo. U aħna, jekk irridu nsejħu lin-nies minn barra u nuruhom min hu Ġesù, irridu ningħaqdu ma’ din l-idea, ma’ din l-immaġni vera tal-persuna ta’ Ġesù.

Min hu Ġesù jekk mhux dak li ta lilu nnifsu? Min hi l-Knisja – il-mara fidila, il-Ġisem fidil mistiku ta’ Ġesù – jekk mhux dak li lest li jagħti lilu nnifsu għall-oħrajn, b’mod speċjali għall-batut? Inkunu ’l bogħod ħafna mill-awtentiċità tal-messaġġ Nisrani jekk il-Knisja tagħna, jekk il-parroċċi tagħna, jekk is-saċerdoti tagħna, jekk l-Insara tagħna, nibqgħu mifxulin fuq ħafna ideat li mhumiex Ġesù, li ma jressqux in-nies ta’ barra lejn Ġesù; jekk aħna ser nibqgħu nidħlu f’kompetizzjoni bejn raħal u ieħor, bejn parroċċa u oħra; jekk aħna ser nibqgħu nitkellmu fuq min hu l-aħjar u l-aqwa: festa, knisja, raħal! Mhux kliem tal-Insara, mhux kliem ta’ Lorenzo, mhux kliem ta’ min fehem verament tassew xi tfisser il-persuna ta’ Ġesù, li ġie fid-dinja biex jurina l-wiċċ tal-Missier, biex jurina l-imħabba kbira li Alla għandu lejn il-bniedem.

Allura, anki aħna ta’ ġewwa għandna bżonn nagħrfu min hu Ġesù, bħalma Filippu u Indrì, li kienu minn ta’ ġewwa, kellhom bżonn jindunaw tassew min hu Ġesù, għax huma wkoll kienu jiġru wara xbieha ta’ Ġesù li kellhom f’rashom u mhux dik il-vera li kienet tassew; tant li fil-mument tat-tbatija, fil-mument tal-għotja tiegħu, kollha kemm huma ħarbu. Dan ifisser li ma kinux jistennew minn Ġesù dak li fil-fatt ġralu. Hekk, jien u int, aħna lkoll għadna f’dik il-mixja, f’dan il-proċess li nindunaw u nagħrfu tassew min hu Ġesù. U ma nwaħħlux iktar f’ta’ barra biss, imma forsi aħna m’aħniex medjaturi awtentiċi, m’aħniex pont awtentiku li nwasslu verament lil Ġesù għand dawk li jixtequh, għax kulħadd jixtieq jara lil Ġesù, kulħadd jixtieq isib il-veru, kulħadd jixtieq isib is-sewwa, kulħadd jixtieq isib is-sabiħ fil-ħajja.

Ejjew nirriflettu ftit fuq il-ħajja tagħna u nqabbluha ftit ma’ dik ta’ Lorenzo. X’jagħmel Lorenzo bil-ġid tal-Knisja? Veru fuq l-ordni tal-Papa, imma jqassam il-ġid li kellha l-Knisja. Lil min jagħtih il-ġid li kellha l-Knisja? Jagħtih lill-foqra, lil dawk li huma fil-bżonn. Mhux qed jgħidilna Lorenzo dalgħodu biex naqbdu l-flus tagħna u nqassmuhom bieb bieb; imma fuq kollox Lorenzo qiegħed jgħidilna biex nifhmu min hu Ġesù, biex nifhmu li kulma għandna, kull sold li għandna, kull proprjetà li għandna, mhix għajr rigal tiegħu. Jekk hu rigal tiegħu, jekk hu don tiegħu, jeħtieġ li nħaddmuh skond il-loġika tiegħu, jekk aħna tassew xhieda ta’ Ġesù, jekk aħna tassew nemmnu f’Ġesù.

Konna nilmentaw għall-immigranti, konna ngergru li ġejjin il-barranin, u li ser jeħdulna artna. Fil-bidu konna nibżgħu li ser jeħdulna l-fidi; issa m’għadniex nibżgħu, u nagħmlu sew li ma nibżgħux. Imma kif qegħdin nittrattawhom lil dawn il-barranin? Kif qed inħarsu lejhom, mhux minn barra, imma f’qalbna? Inqishom jien bħala persuna oħra li għandha l-istess dinjità tiegħi? Inqishom jien bħala wlied Alla, bħali, bħalek, bħal kull wieħed u kull waħda minna, jew inħares lejhom bl-ikrah? U qiegħed fuq in-naħa ta’ ġewwa, m’għadniex fuq in-naħa taz-zuntier. Tgħidli: ‘Għax jien hekk’. Le, ma tistax tgħid: ‘Għax jien hekk’. Jekk qiegħed fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Knisja, irrid inħallih lill-Mulej Ġesù jibdilli l-qalb tiegħi. U kif? Mhux billi jimponili, mhux billi jordnali, imma billi nkompli ninduna li jien stess, il-persuna tiegħi stess, kulma għandi, il-proprjetà tiegħi, mobbli u immobbli, ma ġibthomx b’idejja, imma huma rigal tiegħu. U allura tinbidel il-perspettiva. Kif qiegħed inħares lejn l-immigranti, dawn in-nies li qegħdin jagħmlu x-xogħol, li jien u int ma rridux nagħmlu iktar? Imbagħad nilmentaw li ġejjin il-barranin jeħdulna x-xogħol. Imma mhux biss; irriduhom il-barranin. Għaliex? Għax lill-barrani tista’ tħallsu irħas milli kieku tħallas lil wieħed bħalek, Għawdxi jew Malti. Dan mhux raġunament ta’ hawn ġew, imma huwa raġunar ta’ barra. U dawk ta’ barra għandhom raġun lilna ma jemmnuniex, għandhom raġun li ma jarawx fina xhud veru tal-persuna ta’ Ġesù. Ippruvaw qabblu dan ir-raġunament mal-mod kif irraġuna San Lawrenz, ippruvaw qabblu dan il-mod kif inġibu ruħna mal-mod tiegħu, ta’ kif mar quddiem Valerjanu, bil-karrijiet mgħobbija bil-morda, u qallu: “Dawn huma t-teżori tal-Knisja”.

Ejjew inħalluh lil Lorenzo jurina tassew min hu Ġesù. Ejjew inħallu lil Ġesù jdawwar l-esperjenzi tal-ħajja tagħna b’tali mod li ma nibqgħux ingergru iżjed u ngħidu: ‘Iż-żgħażagħ m’għadhomx jiġu’; ‘hawn ħafna barranin li ma jemmnux f’Ġesù’; ‘Għawdex inqaleb ta’ taħt fuq, m’għadu jmur knisja ħadd’. Aħna rridu nibdew minn hawn ġew, l-ewwel wieħed jien. Kull wieħed u kull waħda minna rridu nħallu tassew lil Filippu u lil Indrì jeħduna quddiem Ġesù. Inħallu lil Ġesù jgħidilna tassew hu min hu. Inħallu l-espressjoni tiegħu tidwi f’widnejna: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħdiha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (12:24). Ġesù jgħid biss din l-espressjoni, din il-frażi, lil dawk il-Griegi, lil Filippu u lil Indrì, li marru biex ikunu jafu min hu Ġesù.

Min hu Ġesù? Ġesù mhux xi ħadd li toqgħod iċċapċaplu; Ġesù mhux xi ħadd li jagħmel il-festi kbar; Ġesù mhux dak li jżomm il-poter, mhux xi ħadd li joqgħod jiftaħar kemm għandna, kemm għamilna, kemm aħna kbar! Ġesù mhux dak li jiddelitta bil-ħwejjeġ fini u b’ħafna tiżjin. Dan kollu jagħmel sens jekk niffesteġġjaw dak li hu ta’ veru, dak li hu reali. X’inhu reali u ta’ veru? Il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut.

Ejjew nitolbuh lil San Lawrenz biex bin-nar li xwieh idawwal ftit lil moħħna u forsi jixwi ftit lil qalbna. Ejjew nitolbuh lil San Lawrenz dalgħodu biex jagħtina d-dawl tiegħu, ħalli nifhmu tassew min hu Ġesù, li l-fidi tagħna mhix ċajta, mhix divertita, imma l-fidi tagħna hija impenn tassew; il-fidi tagħna mhix nofsiegħa darba f’ġimgħa l-knisja, imma l-fidi tagħna hija l-ħajja kollha tagħna. Ejjew inħalluh lil San Lawrenz idawwalna bid-dawl tiegħu, biex iwassalna għand Ġesù, u għand Ġesù ta’ veru, Ġesù tal-Evanġelju. Ejjew inħalluh lil San Lawrenz jidħol għalina quddiem il-Mulej biex bin-nar tiegħu aħna nistgħu nippurifikaw lilna nfusna u nidħlu f’mixja ta’ konverżjoni kontinwa. Għandna bżonn tassew li nbiddlu l-qalb tagħna, ir-ruħ tagħna, il-ħajja tagħna kontinwament; l-ewwel wieħed jien, ilkoll flimkien, ilkoll kemm aħna. Għandna bżonn verament inħallu lil San Lawrenz jgħinna fil-purifikazzjoni tal-ħajja tagħna, jgħinna nindunaw min hu Ġesù tassew, jgħinna nindunaw liema hi l-fidi u liema hi superstizzjoni, liema hi fidi u liema hi tradizzjoni. It-tradizzjoni tagħmel sens biss jekk hemm il-fidi. Nitolbuh lil San Lawrenz biex ma niżvojtawx il-kultura, it-tradizzjoni, is-soċjetà mis-sustanza, mill-fidi vera. Hu li jilħaq il-maturità f’età daqshekk żgħira – din il-ħaġa tgħaġġibni – li ta’ 32 sena rnexxielu jifhem u jagħraf x’jiġifieri li tkun dixxiplu veru ta’ Ġesù, x’jiġifieri li tkun Arċidjakunu. Illum li tkun Arċidjakunu hi prestiġju; għal San Lawrenz żgur li ma kinitx prestiġju, imma kienet li trid tkun qaddej, li tkun għas-servizz. Ejjew nitolbuh lil San Lawrenz jippurifikana lkoll kemm aħna, għax xi kultant lill-Mulej naqilbulu kollox ta’ taħt fuq. Ejjew nitolbuh lil San Lawrenz biex ifehemna l-essenza tal-fidi tagħna u dak li hu servizz, dak li hu qadi fil-moħbi, dik li hija għotja ma ndawruhiex fi prestiġju, f’kuluri, fi status; għax inkunu qegħdin naqilbu ta’ taħt fuq l-Evanġelju… u mhux biss  dawk ta’ barra ma jidħlux ’il ġewwa, imma anki dawk il-ftit li baqgħu ġewwa joħorġu ’l barra.

Ritratt ta’ Ray Grech

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading