Tislima li ġġib il-ferħ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 22 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ Santa Marija Inkurunata. Santwarju arċipretali ta’ Santa Marija, Żebbuġ.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-santa-marija-zebbug-il-hadd-22-ta-awwissu-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Aħna ngħidu li min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar. U llum qegħdin nagħmlu festa ta’ min jidħak l-aħħar. Ara kemm nagħmlu ċelebrazzjonijiet – m’ilux kellkom il-festa tal-Konfirmazzjoni u tat-Tqarbina –, kemm nagħmlu festi tal-birthday u tal-lawriji li nieħdu! Imma huma kollha festi illi jgħaddu, illi warajhom mhux bilfors se jkun hemm dejjem suċċess, ferħ, paċi, hena. Imma din il-festa hija l-festa tal-aħħar, il-Festa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema. Mhux biss tagħha, imma hija wkoll il-festa tagħna – tiegħi, tiegħek, ta’ dawk kollha li jemmnu – u magħna hi l-festa tal-bnedmin kollha.

Kemm tkun xi ħaġa miskina kieku aħna l-bnedmin nafu illi t-tmiem tagħna se jkun id-distruzzjoni, it-trab tal-art. Kemm inkunu ħdimna, stinkajna, ippruvajna nagħmlu fil-ħajja dak kollu li stajna, imma kollu jkun għalxejn! Fl-aħħar mill-aħħar irid jasal it-tmiem! Allura din il-festa tal-lum tagħti sens mhux biss lit-tmiem tagħna, imma lil kull ġurnata li ngħixu, lil kull mument tal-ħajja tagħna. Immaġinaw li kieku aħna nafu illi wara din il-ħajja m’hemmx ħajja oħra, illi mal-funeral jispiċċa kollox… kieku ngħixu ħajja ddisprata. Id-diffikultà tafu fejn hi? Illi l-verità qiegħda xi mkien ieħor: il-verità hi li aħna msejħin għall-ħajja ta’ dejjem. Imma b’xorti ħażina ħafna drabi nispiċċaw ngħixu bħallikieku t-tmiem ikun mal-mewt.

Il-Festa tal-lum tfakkarna illi t-tmiem tagħna mhux mal-mewt, mhux fil-korruzzjoni tal-qabar, imma hu magħqudin ħaġa waħda ma’ Alla fil-ħajja ta’ dejjem, fl-eternità. U dan l-iskop jagħti kulur u togħma differenti u ġdida lill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-ħajja tagħna ma tispiċċax hawnhekk fuq din l-art, imma aħna msejħin biex ngħixu lkoll flimkien u flimkien ma’ Alla, u għalhekk il-ħajja tagħna tiswa matul dawn is-snin li ngħaddu hawn fuq l-art. Araw kemm nies għaddew qabilna, araw kemm nies jistgħu jiġu warajna. Aħna dawn ninsewhom. Aħna nimmaġinaw li aħna biss neżistu, aħna biss ngħixu. Il-fatt li aħna ħajjin u nieħdu n-nifs iġegħelna nikkonċentraw biss fuqna nfusna u ninsew lil ta’ qabilna u lil ta’ warajna. Imma l-fatt illi aħna msejħin biex ngħixu ħajja li ma tispiċċax, il-ħajja tagħna ta’ bħalissa allura trid tkun fid-direzzjoni ta’ dak li hemm jistenniena.

Il-Vanġelu tal-lum (Lq 1:39-56) bi kliem sempliċi ħafna, bi storja li nafuha bl-amment, jurina u jgħallimna x’jiġifieri ngħixu llum, fil-preżent, ngħixu diġà l-ħajja li hemm tistenniena. Marija mimlija b’Ġesù, tqila b’Ġesù, tmur fid-dar ta’ Eliżabetta. U x’jagħmel Ġesù meta jidħol fid-djar tagħna? X’jagħmel meta aħna b’xi mod, wara li nkunu ċċelebrajnieh hawnhekk fil-knisja, wara li nkunu rċivejnieh fil-Kelma u fl-Ewkaristija, imbagħad immorru bih fid-djar tagħna, fil-postijiet tax-xogħol tagħna, fil-postijiet tad-divertiment tagħna? Tagħmel differenza jew le? Tagħmel differenza u kif! Il-problema hi li ħafna drabi aħna m’aħniex konxji li għandna lil Ġesù, jew aħjar, ma nħalluhx lil Ġesù jkun Ġesù fil-persuna tagħna, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

X’tagħmel Marija l-ewwel ħaġa kif tidħol fid-dar ta’ Eliżabetta, għax hi mimlija b’Ġesù? Il-Vanġelu jgħidilna: “Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta” (v. 40). Tafu minn fejn ġej il-verb issellem? Issellem jiġifieri tgħaddi s-sliem, tagħti s-sliem. U hawnhekk diġà Marija tgħallimna x’jiġifieri jkollok lil Ġesù fik meta tiltaqa’ mal-persuni l-oħra: tagħti s-sliem. L-ewwel mistoqsija li nistgħu nagħmlu dalgħodu: Fir-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn, mar-raġel tiegħi, mal-mara tiegħi, mat-tfal tiegħi, mal-ġirien, ma’ ħuti, jiena nsellem, jiena nagħti s-sliem, jew ngħaddi xi ħaġa oħra? Fir-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn jiena l-ewwel u qabel kollox nipprova nirrestawra, nirrikonċilja, ngħaqqad, inġib il-paċi, jew inkella ma narahiex bi kbira li naqla’ l-inkwiet, xi drabi fuq ix-xejn? Marija ssellem. Jekk jiena għandi lil Ġesù, jien ma nistax niltaqa’ ma’ persuna oħra u nħalliha agħar minn qabel ma ltaqgħet miegħi. Jekk jien għandi lil Ġesù fija, jien ma nistax niltaqa’ ma’ persuna oħra u ma nagħtihiex is-sliem ta’ Ġesù, il-paċi ta’ Ġesù, il-barka ta’ Ġesù.

Mod prattiku u sempliċi ħafna hu kif nitkellem mal-oħrajn, kif niġġudika lill-oħrajn, kif nitkellem mhux biss mal-oħrajn imma fuq l-oħrajn. Ħafna drabi nispiċċaw ngħidu affarijiet fuq l-oħrajn li jistgħu jkunu veri u jistgħu ma jkunux, jistgħu jkunu biċċa verità, imbagħad ħalli għalina biex inkabbruhom. Imma nkunu qegħdin verament nagħtu s-sliem? Inkunu verament qed insellmu lill-oħrajn? Ħafna drabi nagħmlu dan mingħajr ma nindunaw, għax jekk jien immaqdar lil xi ħadd miegħek, jiena se nħossni aħjar minn dik il-persuna li qiegħed immaqdar, imma nħossni wkoll marbut miegħek, għax bħallikieku qed ngħidlek xi ħaġa interessanti. Kemm naqgħu fi ħmerijiet fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna! Forsi bi drawwa aħna l-Maltin u l-Għawdxin, forsi għax nafu ħafna lil xulxin, minflok insellmu, minflok ngħaddu s-sliem, kultant inkunu kapaċi nivvintaw anki stejjer u nibqgħu bnedmin tal-art. Marija kienet il-mara illi għalkemm b’saqajha mwaħħlin mal-art, prattika, konkreta, intelliġenti, emottivament u personalment matura, kellha rasha, moħħha, qalbha, il-persuna tagħha kollha kemm hi fis-Sema. U dan għax mimlija b’Ġesù. Allura l-ewwel ħaġa li tgħallimna Santa Marija Mtellgħa s-Sema hi kif nerfgħu ftit ’il fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ma nħalluhomx daqshekk mal-art jew saħansitra kultant taħt l-art, għax inniżżlu lil xulxin, ngħaffġu lil xulxin bil-mod kif nitkellmu, bil-mod kif niġġudikaw, bil-mod kif inħarsu lejn xulxin.

Imma x’tagħmel aktar Marija? Mhux biss issellem. It-tislima tagħha toħloq il-ferħ fid-dar ta’ Żakkarija u ta’ Eliżabetta, toħloq l-hena. Il-mistoqsija l-oħra li nagħmlu dalgħodu mhix biss jekk aħniex inġibu s-sliem, imma wkoll jekk aħniex nistinkaw fil-familja tagħna biex noħolqu l-ferħ. Il-ferħ ma jiġix waħdu fil-familja. Il-ħaxix ħażin biss jikber waħdu! Il-ferħ irridu naħdmu għalih. Irridu noqogħdu ftit attenti, għax jista’ jkollna 30, 40, 50, 60, 70 sena, u forsi nkunu wasalna fit-tarf b’saqajna waħda fil-qabar u nkunu għadna ma ksibniex ir-riċetta tal-ferħ. Għandna r-riċetti kollha possibbli – min jaf x’riċetta għamiltu llum, x’sajjartu tajjeb – imma r-riċetta tal-ferħ? Forsi nagħmlu ħajjitna kollha nagħmlu l-esperimenti… imma dik tagħtini l-ferħ? Dik ma tagħtinix il-ferħ!

Araw iż-żgħażagħ, ngħidu aħna, iż-żmien bejn il-preadolexxenza – 10, 11, 12-il sena – u 25, 30 sena. X’inhu dak iż-żmien jekk mhux sperimentazzjoni: kull wieħed u kull waħda miż-żgħażagħ tagħna jippruvaw jesperimentaw u jfittxu fejn hu l-veru ferħ? Għax ir-riċetta li ngħaddulhom aħna ma tgħoddx. Ir-riċetta li l-adulti jgħaddu liż-żgħażagħ ma tiswa xejn. Iridu jippruvaw huma, jesperimentaw huma. Sakemm jesperimentaw u ma jinħarqux u ma jispiċċawx biex ikissru lilhom infushom, tajjeb ħafna; imma ħafna drabi f’din l-esperimentazzjoni, b’xorti ħażina, jispiċċaw biex ikissru lilhom infushom, ħafna drabi b’konsegwenzi irreparabbli li ma jistgħux jerġgħu lura għal dak li jkunu tilfu.

X’inhi r-riċetta tal-ferħ? Marija tagħtina riċetta tal-ferħ li tiġi minn ħaġa waħda biss. Ara kemm infittxuha ’l hawn u ’l hemm: fix-xorb, fl-ikel, fis-sess, infittxuha b’kull mod, fis-safar, fid-divertiment; infittxuha kultant fil-kumpanija tal-oħrajn, infittxuha billi kultant inkunu waħidna, noqogħdu bi kwietna xi mkien. Ir-riċetta tal-ferħ jagħtihielna l-Vanġelu, u din hija l-ispeċifiċità tal-fidi tagħna. Ara taħsbu li lilna Alla jridna mdejqin! Assolutament le! L-ewwel kelma li l-anġlu Gabrijel jgħid lil Marija, l-ewwel direct speech illi Alla jgħid lil Marija permezz tal-anġlu Gabrijel, ikun: “Ifraħ, Marija… ħa jkollok il-ferħ” (ara Lq 1:28).

Imma kif ikollna l-ferħ? B’mod sempliċi ħafna. Il-ferħ inġibuh meta aħna nippruvaw inħobbu, meta nippruvaw nagħtu minn dak li għandna lil ħaddieħor. Il-ferħ ħafna drabi aħna qed nippruvaw niksbuh bil-maqlub, u flok nakkwistawh, jaħrabilna minn idejna. Meta jiena nipprova nfittex li noqgħod sew, meta jien saħansitra kultant nispiċċa biex nitla’ minn fuq dahar ħaddieħor ħalli npoġġi lili nnifsi f’pożizzjoni aħjar, meta jien ma nagħtix kas ta’ dawk ta’ maġenbi u ngħaffiġhom biex jien nimxi ’l quddiem, dakinhar jien ma jistax ikolli l-ferħ. Ara kemm ngħidu aħna: ‘Dak sewwa, għax dak li għandu mhux tiegħu, serqu. Dik l-oħra sewwa, għax waslet fejn waslet mhux bil-ħila tagħha…’. Mhux veru. Il-ferħ tal-bniedem ma jiġix minn dak li jidher minn barra. Il-ferħ tal-bniedem ma tikkalkulahx skont kemm għandu tbissima kbira jew żgħira. Il-ferħ tal-bniedem ma tikkunsidrahx minn kemm jidħak jew ma jidħakx. Intom tafu li ħafna drabi d-daħka mhix għajr espressjoni tar-rabja, mod ieħor kif tirrabja, b’mod speċjali meta tidħak b’ħaddieħor, meta tidħak biex tiżżuffjetta. Mela mhux kull min jidħak ikun kuntent, għax jekk jien nidħak għax irrabjat, m’iniex kuntent.

Il-kuntentizza tiġi biss meta jien minn ġewwa, minn ġol-qalb tiegħi, kultant anki b’sens ta’ sagrifiċċju, ta’ tbatija, ta’ għotja, nipprova naqsam ma’ ħaddieħor, inħobb lil ħaddieħor, nagħmel pass aktar minn dak li niflaħ nagħmel biex inpoġġi lil ħaddieħor sewwa, hekk il-bniedem ma jibqax tal-art, imma jibda tielgħa s-sema. Marija bdiet tielgħa s-Sema mhux mal-mument tal-mewt tagħha, imma mal-mument tat-twelid tagħha. Għax Ġesù bil-mod il-mod beda jbiddilha fih. Marija titla’ s-Sema matul il-ħajja tagħha u aħna, jekk irridu nitilgħu s-Sema u ngħixu mil-lum l-esperjenza tal-hena li hemm tistenniena, irridu nimitaw lil Marija. M’hemmx mod ieħor biex inġibu l-ferħ fil-familja.

Marija marret għand Eliżabetta biex taqdi, u aħna nafu, għandna esperjenza. Meta jiġi xi ħadd f’darek – forsi ħuk, oħtok, it-tifel tiegħek, missierek, ommok – u tara li qegħdin jippruvaw jgħinuk, jagħtu minn dak li hu tagħhom mingħajr interess, b’diżinteress kbir, joħolqu l-ferħ fik, imma mhux biss fik, anki fihom… tinħoloq klima ta’ ferħ fil-familja. Għandna esperjenza tagħha din: ta’ klima li hi aktar tas-sema milli tal-art, li tinħoloq fil-familji tagħna.

Imma x’inhu jiġrilna fil-familji tagħna? Bħallikieku bdejna nibżgħu illi rridu nisirqu l-ferħ lil xulxin. Kulħadd jaħseb għal rasu. Sakemm ikunu żgħar it-tfal tagħna, sakemm ikunu adolexxenti, nagħtuhom kulma jkollhom bżonn, kulma jridu. Meta jibdew jitolbu aktar, ta’ 20, 21, 25 sena, nibdew negħjew u aħna wkoll insiru egoisti u ngħidu: ‘Din kemm se ddum id-dar?’. Ma ngħiduhiex il-ħin kollu, imma jkun hemm mumenti li ngħiduhom fil-ħajja tagħna u forsi jkollna raġun. Għax it-tifel jew it-tifla issa għandhom bżonn li jibdew il-ħajja tagħhom, jibdew l-awtonomija tagħhom. Imma x’jiġri? Tidħol klima ta’ individwaliżmu, daqqa tidħol qabel fil-familja, oħra tidħol wara, u kulħadd jibda jaħseb għal rasu. Jgħidulek li wara 40 sena miżżewġin ħallew lil xulxin. Ma rridx nidħol fl-ebda każ individwali, għax ma nistgħux niġġudikaw, imma xi jkun ġara? Dan l-individwaliżmu sfrenat illi dieħla fih is-soċjetà: illi jien naħseb fija. Il-problema hi din: illi meta int taħseb fik innifsek, int qatt mhu ħa tkun sodisfatt għalkollox. Int tibda tkun kuntent meta ma tibqax taħseb fik innifsek, meta ma tibqax iddur madwarek, miegħek innifsek, meta twessa’ ftit l-orizzonti tal-ħarsa tiegħek, tal-interessi tiegħek. Dan hu l-ferħ! U qed ngħixu f’soċjetà li tixtieq il-ferħ u mejta għall-ferħ, b’ansjetà u tensjoni kbira tfittex il-ferħ, imma qed taqbad it-triq żbaljata għal dan il-ferħ.

Marija tgħallimna: inħarsu lejha, nimitawha. Ilkoll kemm aħna nqisuha bħala mara illi għamlet it-triq tagħha, illi laħqet il-perfezzjoni tagħha, li mxiet wara Ġesù. Imma mbagħad insibuha bi tqila biex nippruvaw nimxu warajha, nagħmlu bħalha. Fil-fond tal-fond tal-qalb tagħna hemm vuċi… nistgħu ngħidulha l-kuxjenza, l-Ispirtu s-Santu… għidulha li tridu. Din tgħidilna: ‘Iva, din hi l-verità: li tħobb, li tagħti lilek innifsek, li tkun ġeneruż’. Imma meta niġu fil-prattika, meta niġu fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, imbagħad tidħol vuċi oħra li forsi minħabba fiż-żmien li qed ngħixu ta’ egoiżmu, ta’ materjaliżmu sfrenat, nibdew ngħidu: ‘Mela x’nagħmel! Ħa jmur ħaddieħor, ħalli jgħin ħaddieħor, ħa tagħmel hi, ħa jagħmel hu’. U nibqgħu lura, nibqgħu lura, bħallikieku qegħdin nibżgħu minn xulxin għax qegħdin nisirqu l-ferħ lil xulxin. Qegħdin proprju bil-maqlub ta’ kif jitlobna l-Vanġelu. Il-Vanġelu jixtieqna illi mhux biss ma nibżgħux minn xulxin, imma jkollna fiduċja f’xulxin, għax jekk irid ikollna l-ferħ, ilkoll kemm aħna rridu ninħallu ftit, irridu nonqsu mill-kontroll u ngħidu: ‘Isma’, ħa nagħti ftit aktar lili nnifsi lill-ieħor jew lill-oħra, ħa nkun ftit iktar ġeneruż ma’ dik jew mal-ieħor’. U hemmhekk il-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù, jiltaqa’ mal-Ispirtu ta’ Alla fih, u hemmhekk jista’ jkollna l-ferħ.

Kif Marija tieħu lil Ġesù fid-dar ta’ Eliżabetta? Jiġri li Marija tibda tfaħħar lil Alla, għax il-ħajja ma tibqax peżanti. Tgħiduli: ‘Imma jien daqskemm għandi problemi, daqskemm għandi diffikultajiet!’. Ilkoll kemm aħna llum jew għada ser niltaqgħu ma’ problemi fil-ħajja. Min jiltaqa’ qabel, min jiltaqa’ wara, u min forsi qiegħed bħalissa fihom. Ara ma mmorrux bl-idea żbaljata illi biex inkunu kuntenti rridu neħilsu mill-problemi, għax inkella ngħixu ħajjitna kollha bla nifs. Nistennew il-mument illi ma jkollniex diffikultà u dan il-mument ma jasal qatt. Il-Vanġelu bil-maqlub. Mhux qiegħed hemm biex jgħidilna: ‘Irrikorri għand Ġesù biex ineħħilek il-problema’. Le, mhux għalhekk qiegħed hemm il-Vanġelu. Il-Vanġelu qiegħed hemm biex jgħidlek: ‘Għandek il-problema? Hemm Ġesù fil-problema, iltaqa’ miegħu’. Tista’ tgħix it-tbatija tiegħek, ma ngħidx bil-ferħ, ma ngħidx bil-pjaċir, imma tista’ tgħixha bil-paċi tal-qalb. Dik it-tbatija tiegħek tista’ tgħixha bil-paċi. Dik it-tbatija? Iva, dik! U ħafna drabi aħna ngħixu bit-tbatija, bit-tensjoni, li biex ikollna ftit paċi rridu neliminaw il-problema li għandna bħalissa. Qed inbatu bid-dimensja, għax ninsew li fil-passat meta ħlisna mill-problema, wara ftit ġiet oħra. Dik ninsewha! Ngħixu b’illużjoni li xi darba mhux se jkollna problemi. Fl-aħħar mill-aħħar din l-istess illużjoni li xi darba mhux se jkollna problemi, hija x-xewqa tas-Sema li hemm ġo kull wieħed u kull waħda minna, li anki min ma jemminx ma jistax jeħles minnha, għax qiegħda ġo fih; ix-xewqa li xi darba ma jkollokx diffikultà u problemi.

U allura Marija trodd ħajr lil Alla, tifraħ u tinfexx f’dik l-għanja sabiħa tal-Magnificat (vv. 46-55). U hawn jidħol Alla fil-ħajja tagħna. Ara ma mmorrux nimmaġinaw li Alla tagħna hu Alla tad-dwejjaq, tal-piżijiet! Qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn lil Alla poġġejnieh iktar f’kantuniera minn qabel. Anki din is-sitwazzjoni tal-Covid lil Alla kompliet tpoġġih f’kantuniera. Hu mhux se jiddejjaq, għax hemmhekk postu, għax Alla tagħna hu Alla moħbi. Alla tagħna mhux Alla isteriku, Alla tagħna hu Alla li jaħdem minn taħt bil-mod, li jinseġ l-istorja f’dak li ma narawx, mhux f’dak li jidher minn fuq. Imma aħna nbatu, meta lil Alla npoġġuh f’kantuniera!

Kif poġġejnieh f’kantuniera lil Alla? X’kellna nagħmlu f’dan iż-żmien tal-Covid? X’bata l-iktar fiż-żmien tal-Covid? Batiet il-fidi tagħna. U meta qed ngħidu batiet il-fidi tagħna, batiet il-fiduċja tagħna, it-tama tagħna. U meta int tibda toqtol bil-mod il-mod it-tama, meta l-ħajja tispiċċa maqfula u magħluqa fiż-żmien ta’ issa, ma jibqax l-għada. Għiduli intom x’jibqa’ mill-bniedem! Għiduli intom kemm il-bniedem jiftaqar, kemm insiru foqra! Meta int ma tibqax tħares ’il fuq, imma tispiċċa biss tħares madwarek u ’l isfel, il-futur ikun imċajpar għalkollox, u Alla hu futur, tama, fiduċja. Meta aħna ma nibqgħux inħarsu lejh u npoġġuh fil-ġenb, anki sal-lum, anki jekk nistgħu nipparteċipaw għall-Ewkaristija, għall-quddiesa – ‘U iva, nismagħha fuq ir-radju meta jkolli bżonn, meta jkolli ċans, u jekk ma jkollix ċans, mhux kemm insib xi waħda mill-quddisiet trasmessi fuq Facebook u nagħmel play u nismagħha meta rrid!’ – kollox idur miegħi, mal-persuna tiegħi, mal-bżonnijiet tiegħi u mingħalija li hekk se nkun kuntent. U fejn hu s-sens tal-komunità? Fejn hu d-diskors ta’ Ġesù li fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin fil-preżenza f’ismu, hemmhekk hemm hu? Imma dħalna ftit f’din il-mentalità illi jien naf x’inhu l-aħjar għalija u tiġix toqgħod tgħidli. U la jekk ikun il-Vanġelu u la jekk tkun il-liġi tal-Istat, tiġix toqgħod tgħidli, għax dak jien naf x’inhu l-aħjar għalija! Dħalna fi sqaq perikoluż ħafna, għax warrabna lil Alla min-nofs, u kull wieħed u kull waħda minna qiegħed iħossu alla. Issa b’Alla wieħed għandna xorti nkampaw, aħseb u ara b’daqshekk eluf ta’ allat, kulħadd jiġġieled wieħed mal-ieħor biex tgħaddi tiegħu! Immaġinaw meta aħna nwarrbu l-ħarsa tagħna lejn is-Sema, x’jiġri! Nispiċċaw ġungla, verament.

Ejjew nitolbu lil Marija biex diġà mil-lum nibdew ngħixu l-ħajja tagħna, il-ħajja tan-nies li huma msejħin għas-Sema. Marija ssellem lil Eliżabetta. Fir-relazzjonijiet tagħna ejjew nippruvaw inkunu verament pożittivi. Marija tagħti l-ferħ bil-qadi tagħha, bl-għotja tagħha fid-dar ta’ Eliżabetta. Fil-fatt il-Vanġelu li smajna jgħidilna li t-trabi qabżu fil-ġuf (v. 44). Iż-żewġ nisa, Marija u Eliżabetta, imqanqlin bil-ferħ, għax dan hu li jġibu l-qadi u l-ġenerożità. Ejjew inħaddmuha din ir-riċetta tal-ferħ u ejjew lil Alla ma nwarrbuhx fil-ġenb, għax jekk inwarrbu lil Alla, inwarrbu l-ħarsa tagħna ’l fuq. Jekk aħna nwarrbu lil Alla, inwarrbu kull tip ta’ tama. Jekk aħna nwarrbu lil Alla, għada verament ma nafux x’se jiġri. Marija tidħol għalina. Marija illi hija mara sempliċi, tfajla bħal ħafna minnkom, tfajla bħal ħafna żgħażagħ, tagħtina t-triq, tagħtina d-dawl biex nimxu t-triq li twassalna verament għal umanità iktar sħiħa, meta ningħaqdu mal-Mulej fis-Sema.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading