L-apparenzi jistgħu jingannaw

Print Friendly, PDF & Email

Jisimni Frank. Insuq taxi tal-kumpanija  fi New York.  Paga mhux ħażin u xi tips ma jonqsux. Għandi kemm ngħajjex il-familja – il-mara, żewġt itfal u jien.  Nixtieq għandi ftit flus aktar biex nagħmel kapriċċ darba kull tant.  Nixtieq ukoll nara t-tfal imorru l-universita’, imma dil-ħolma ma nafx kif tista’ sseħħ.  Hawn tant sinjuri New York! Ħu das-sinjur li qed nistenna. Mid-dar kbira li għandu tinduna li mhux ħafi. Tant hu hekk, li l-meter ilu jdur kwarta, u hu m’hemmx li jitfaċċa.  Eh, infetaħ il-bieb fl-aħħar. Arah, m’għandux għaġġla. Waqaf ikellem lill-mara. U żgur, money no problem. U kemm se ddum tgħannqu?  Okay, ġej fl-aħħar.

“Għal fejn sinjur?”

“Għall-qorti, imma għaddi mit-triq tal-port, u meta ngħidlek, ieqaf.”

Qed tara kif m’għandux għaġġla. Kemm nixtieq kont minn floku, u nkun niflaħ inħalli tat-taxi jistenna u l-meter idur kemm irid. X’xorti għandhom ċerti nies.

“Hawn tajjeb. Waqqafli ftit, jekk jogħġbok.”

Niżel. Ħareġ sigarett u qagħad ipejpu bil-mod waqt li qagħad iħares lejn il-baħar. Għaddiet kwarta oħra.  Reġa’ ġej. Ħa naraw għal fejn, issa.

“Tajjeb wisq. Issa għall-Qorti Suprema, imma  waqqafli kantuniera qabel.”

“Mela le, sinjur.”   Ma tantx domna biex wasalna.  Kif kien ħiereġ mit-taxi, indunajt li nesa xi ħaġa.  “Insejt il-gazzetta, sinjur.” 

“M’għandiex bżonnha aktar. Hawn ħa. Żomm il-bqija.”

“Grazzi, sinjur.”  Illaħwa, mitt dollaru tips.  Eh, min għandu l-bżar…. Em hemm x’inhu jiġri? Ara kif daru miegħu tat-television u tal-gazzetti! Bil-fors li xi avukat prim. Min jaf kemm se jdaħħal minn dil-kawża? X’ma jroxx kemm irid?

Ħa nara hawnx xi ħaġa fil-gazzetta. Iva, fl-ewwel paġna. Dak hu kollu kemm hu. X’inhu? Jinsab akkużat li seraq somom kbar ta’ flus mill-bank ta’ fejn kien kap u ħbiehom f’kontijiet sigrieti. Imħabba f’hekk il-bank falla u tilfu hobżhom ħafna ħaddiema.  Mistenni jeħel xi għoxrin sena ħabs.

Ara jien għal min qed ngħir!  Aħjar naqlagħha u nikolha, u nibqa’ ma nxellifx difri mal-ġustizzja, milli, biex ikolli ftit aktar flus, nissogra li nitlef il-liberta’ u ma nkunx nista’ ngawdi l-familja. Qbadt insaffar u tlaqt għall-kirja li jmiss.

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: