Qari tat-Tnejn tal-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Wasslu l-arka tal-patt tal-Mulej f’postha ġos-santwarju tat-tempju u s-sħaba mliet it-tempju tal-Mulej.

1 Slat 8, 1-7.9-13

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Salamun laqqa’ flimkien f’Ġerusalemm ix-xjuħ ta’ Iżrael, u l-kapijiet tat-tribujiet kollha, u l-prinċpijiet tal-familji ta’ wlied Iżrael, biex l-arka tal-patt tal-Mulej itellgħuha mill-belt ta’ David, jiġifieri minn Sijon. Inġabru għalhekk madwar is-sultan Salamun l-irġiel kollha ta’ Iżrael: kien ix-xahar ta’ Etanim, is-seba’ xahar tas-sena, u kien żmien il-festa.

U ġew ix-xjuħ kollha ta’ Iżrael, u l-qassisin refgħu l-arka. U ġarrew l-arka tal-Mulej, u t-tinda tal-laqgħa flimkien ma’ kull ħaġa mqaddsa fit-tinda, ġarrewhom il-qassisin u l-leviti. Is-sultan Salamun u l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael miġbura madwaru, qagħdu quddiem l-arka joffru sagrifiċċji ta’ nagħaġ u baqar, li ma kontx issib tarf tgħoddhom.

Imbagħad il-qassisin wasslu l-arka tal-patt tal-Mulej f’postha ġos-santwarju tat-tempju, jiġifieri fil-post il-qaddis; u qegħduha taħt ġwenħajn il-kerubini: għax il-kerubini kellhom ġwenħajhom miftuħin fuq fejn tqiegħdet l-arka, hekk li l-kerubini kienu jgħattu huma stess wiċċ l-arka u l-lasti tagħha. Xejn ma kien hemm ġol-arka ħlief iż-żewġ twavel tal-ġebel imqegħdin hemm minn Mosè meta kien Ħoreb: dawn kienu t-twavel tal-patt li bih il-Mulej intrabat ma’ wlied Iżrael huma u ħerġin minn art l-Eġittu.

Xħin il-qassisin ħarġu mis-santwarju ta’ barra, is-sħaba mliet it-tempju tal-Mulej, u minħabba fiha l-qassisin ma setgħux ikomplu s-servizz tagħhom, għax il-glorja tal-Mulej kienet imliet it-tempju tal-Mulej. Imbagħad Salamun qal:

“Qiegħed il-Mulej ix-xemx fis-smewwiet;

imma hu ried jgħammar fid-dlam.

Għalhekk jien bnejtlek dar fejn tgħammar,

post fejn toqgħod għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 131 (132), 6-7.8-10

R/. (8a): Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek

Araw, smajna bl-arka f’Efrata,

sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.

Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh! R/.

Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek,

int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek,

jgħajtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 4, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna

u fejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

Mk 6, 53-56

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli, wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f’Ġennesaret u rabtu d-dgħajsa max-xatt. Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh u marru jiġru ma’ dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed. Kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu