Qari tal-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Hawn jien: ibgħat lili!

Is 6, 1-2a.3-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:

“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!

L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.

Bl-għajjat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:

“Jaħasra għalija! Mitluf jien!

Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!

U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;

madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.

Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-artal, u messli fommi biha u qalli:

“Ara, din messitlek xufftejk:

ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.

Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a.2bċ-3.4-5.7ċ-8

R/. (1ċ): Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,

għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.

U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,

għax kbir hu sebħ il-Mulej! R/.

Il-leminija tiegħek issalvani.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk. R/.

Qari II

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

1 Kor 15, 1-11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għal xejn.

Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.

Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla. Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. 11Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

Qari II

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

1 Kor 15, 3-8.11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew warajja,

u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Telqu kollox u marru warajh.

Lq 5, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu