Il-ħames protagonisti tal-mewt tal-Battista

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista. Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista, Xewkija.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-martirju-san-gwann-il-battista-il-hadd-29-ta-awwissu-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Li kieku Erodi sema’ tassew mill-vuċi li kien qiegħed jisma’ f’moħħu u f’qalbu, u ma ħalliex lilu nnifsu jiġi influwenzat minn dak li qal quddiem il-mistednin u mill-biża’ li jaqa’ għaċ-ċajt, kieku kien iżomm milli Ġwanni jiġi maqtul.

Li kieku Erodja kellha tkun vera, u ma tħallix lilha nfisha tiġi mkaxkra, l-ewwel u qabel kollox mill-kilba għall-poter – għax li tkun ħdejn Erodi Antipa jfisser li jkollok ħdejk raġel li għandu ħafna poter –, kieku Erodja kienet inqas bil-ġuħ u bil-għatx għall-poter u iktar attenta għal dak li hemm fil-fond tal-qalb tagħha, kienet tgħid: “Ġwanni għandu raġun: jien tlaqt lil żewġi Filippu minnħabba l-poter”.

Li kieku Salome – l-isem li jagħtu lit-tifla ta’ Erodja – kellha tkun vera magħha nfisha, kienet tagħti raġun lil Ġwanni u kienet tgħid: “Iva, ommi ħalliet lil missieri minħabba l-poter u Ġwanni għandu raġun”, u minħabba f’hekk Ġwanni ma kienx imut.

Imma li kieku wkoll il-mistednin u dawk kollha li kienu hemm għall-mejda dakinhar, flimkien ma’ Erodi u l-kapijiet ta’ Galilija, kieku kellhom ikunu sinċieri – ħafna minnhom kienu jirrispettaw u jistmaw u jqisu fl-għoli ħafna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista –, kieku kienu jqumu għal dik l-espressjoni ta’ Salome meta tmur quddiem Erodi u tgħidlu: “Irrid ras Ġwanni l-Battista fuq platt!”.

Ippruvaw irriflettu ftit meta, mingħajr ma nindunaw, ngħattu l-verità illi hemm fil-fond tal-qalb tagħna, ħafna drabi mingħajr ma nindunaw u mingħajr ma rridu, għaliex jiġri dan? Għax ikun hemm pressjoni ta’ raġunijiet li jbeżżgħuna, raġunijiet li jżommuna b’ħalqna magħluq u minħabba f’hekk nifgaw il-verità li hemm fina tant li ħafna drabi lanqas biss nibqgħu nisimgħuha!

Imma l-Kelma ta’ Alla li nisimgħu kull darba tmissilna lil qalbna, kull darba tmur għal dik il-kantuniera li baqa’ fil-qalb tagħna fejn il-verità għadha tnemnem, u dak il-ħin int tinduna u tgħid: “Iva, veru, il-Kelma ta’ Alla għandha raġun; il-Vanġelu qiegħed jaqra lili u mhux jien qiegħed naqra lilu, imma l-Vanġelu qiegħed jaqra lil ħajti”. Imma meta noħroġ minn hawn, il-kilba ta’ Erodja għall-poter, il-biża’ ta’ Erodi ta’ x’ser jgħidu n-nies, in-nuqqas ta’ personalità ta’ Salome, li noqgħod kwiet għax jaqbilli tal-bqija tan-nies, anki jekk fil-fond ta’ qalbi nħoss li hemm xi ħaġa li mhix sewwa, dan kollu bil-mod il-mod jerġa’ jsikket il-verità li hemm fil-qalb tagħna.

Qed nagħmlu festa llum lil raġel ta’ żmienna. Qegħdin infakkru llum ħames karattri li huma l-karattri fis-soċjetà tagħna.

Il-karattru ta’ Ġwanni li ma jibżax mill-verità. U aħna nafu x’jiġrilu min ma jibżax mill-verità: jispiċċa maqtul jew fiżikament jew psikoloġikament, jew jaqtgħulu rasu ta’ veru jew inkella jaqtgħulu rasu bill-mezzi tal-komunikazzjoni billi jippruvaw ikissruh u jħalluh mingħajr sinsla, mingħajr vuċi, mingħajr effikaċja fis-soċjetà. Il-figura ta’ Ġwanni l-Battista, l-ewwel fost dawn il-persunaġġi, bniedem sempliċi. U l-bniedem sempliċi hu l-bniedem seren, il-bniedem fil-paċi, il-bniedem li għandu f’qalbu l-hena, għax ma għandux kunflitti, għax bniedem li ma għandux ħafna kurrenti kontra xulxin bħalma kellhom il-persunaġġi l-oħra ta’ din l-istorja. Bniedem li huwa trasparenza tal-Kelma ta’ Alla: dak li jisma’ u dak li Alla jispirah bih, hu sempliċiment jesprimih b’sempliċità assoluta. U l-verità ta’ Ġwanni meta taħbat ma’ diversi interessi tal-persunaġġi l-oħra tispiċċa mgħaffġa, tispiċċa mwarrba fil-ġenb, l-ewwel fil-ħabs imbagħad meqruda, imbagħad b’rasu maqtugħa.

It-tieni persunaġġ hu Erodi, dak li għandu f’idejh it-tmexxija. Qiegħed attent Erodi mhux tant għal dak li jixtieq Alla, mhux tant għal dak li hu l-aħjar għall-poplu, imma għad-diversi pressjonijiet li kellu, b’mod speċjali min-naħa tal-persuna l-iktar influwenti, Erodja, biex ma jonqosx lil Erodja, biex il-persuna l-iktar influwenti jħalliha kemm jista’ jkun bi kwietha. Imma fil-qalb tiegħu Erodi kellu mhux biss li jżomm il-poplu kwiet, kellu mhux biss li jżomm lil Erodja b’ħalqha magħluq, imma kellu wkoll il-vuċi ta’ Ġwanni li – jgħidilna l-Vanġelu – kien jieħu gost jisimgħu. Kellu wkoll f’qalbu Erodi s-sens ta’ ħtija, is-sens ta’ dnub, is-sens tal-ħażen li kien qiegħed jagħmel. Kellu wkoll Erodi l-vuċi tal-oħrajn, tal-maġġoranza, il-vuċi tal-parti l-kbira tan-nies li minħabba fihom ikollu joqgħod għall-kelma li qal quddiemhom. Kemm kien liberu Erodi? Kellu l-poter Erodi, imma kien skjav tad-diversi kurrenti, tad-diversi pressjonijiet li kellu f’din is-sitwazzjoni u fil-bqija tat-tmexxija tiegħu. Għalkemm kien jikkmanda, kien bniedem ilsir; kien ilu l-ħabs ħafna iktar minn Ġwanni.

Erodja, li qabel kienet miżżewġa lil ħuh, li kien jiġi biss ħuh minn ommu, ħuh Filippu, l-iskop tagħha kien wieħed: li jkollha l-poter. Tagħmilha ma’ Erodi Antipa, tħalli lir-raġel tagħha sempliċiment għax mingħaliha tidħol fil-fantasija li jekk ikollha l-poter ma jkun jonqosha xejn; jekk ikollha l-ġid, jekk ikollha l-flus, ma jkun jonqosha xejn. Illużjoni kbira! Fantasija kbira! Imma x’jiġrilha Erodja? Tispiċċa lsira ta’ din il-fantasija. Mara libera Erodja? Mara kuntenta Erodja? Mara fil-paċi Erodja? Le, mhix! Mhux diffiċli li tikkonkludi li qalbha kienet imtaqqla, li f’qalbha kien hemm taqliba kbira. Mhux diffiċli li tikkonkludi li f’qalbha kien hemm is-sens tal-verità li ħalliet lil żewġha biex tmur ma’ raġel ieħor. Mhux diffiċli biex tikkonkludi li f’qalbha kien hemm is-sens tal-verità li riedet ittajjar lil Ġwanni min-nofs għax kien qiegħed imiss dik il-parti f’qalbha li kienet għadha tgħajjat: “Qed tiżbalja! Qed tagħmel ħażin!”. U riedet twarrabha dik il-parti minn ħajjitha. Kienet fil-paċi Erodja? Le, ma kinitx fil-paċi!

Salome: persuna mingħajr identità, persuna li qiegħda hemm sempliċiment biex tikkuntenta lil dak u lil dik, persuna li forsi lanqas taf x’laqatha u x’ħabat magħha, persuna storduta, aljenata. Libera Salome? Għandha sens ta’ identità Salome? Lanqas biss taf li qed tgħix! Lanqas biss taf x’għażliet qiegħda tagħmel. Qiegħda hemm sempliċiment biex tikkuntenta. Qiegħda hemm sempliċiment biex tixtri l-approvazzjoni mingħand dak u mingħand dik.

Imma kien hemm ukoll il-bqija tan-nies. Forsi aħna ma nsibuhiex faċli biex nidentifikaw irwieħna ma’ Erodi. Forsi nsibuha bi tqila wkoll biex nidentifikaw ruħna ma’ Erodja. Forsi m’aħniex minn dawk li nippruvaw ninfluwenzaw l-awtorità. Forsi m’aħniex minn dawk li, bħal Salome, m’għandniex personalità. Imma jista’ jkun li aħna minn dawk bħall-bqija tal-mistednin li noqogħdu kwieti għax jaqblilna. Oqgħod kwiet, tħarrikx l-ilma qiegħed! Oqgħod kwiet, taqlax problemi! Oqgħod kwiet, ħallihom ħa jagħmlu! Imma anki dawn għandhom sehem f’dan l-att kbir ta’ inġustizzja. Anki dawn għandhom ir-responsabbiltà tagħhom fin-nuqqas ta’ sehem tagħhom, għax kieku xi ħadd minnhom qam, kieku xi ħadd minnhom tkellem, ibqgħu ċerti li l-bqija tal-mistednin, b’mod speċjali dawk li kellhom rispett lejn Ġwanni l-Battista, kienu jqumu miegħu. U jista’ jkun li l-verità ma kinitx tiġi soppressa, il-verità ma kinitx tiġi msikkta. U allura aħna wkoll għandna r-responsabbiltà tagħna. Il-mistednin jirrappreżentaw lili, jirappreżentaw lilna, kull darba li aħna nqabblu kif jaqbel, nagħmlu dak li jaqbel fis-sitwazzjoni biex insalvaw ġildna; kull darba li aħna lill-verità li hemm fil-fond tal-qalb tagħna ma nirrispettawhiex, imbagħad ngħixu f’ħafna konfużjoni, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol, ta’ korruzzjonijiet ’l hawn u ’l hemm fl-esperjenza tal-ħajja tagħna, kemm personali u familjari, tal-pajjiż, tal-Ewropa.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina sens ta’ verità. Jiena nqisu lil Ġwanni l-Battista bħala l-qaddis il-kbir tal-verità, il-qaddis il-kbir tal-maturità umana. Ġwanni kien raġel, u raġel tassew, raġel fuq l-irġiel, raġel sempliċi, mhux għax ma jafx, imma għax f’qalbu ma kellux kurrenti kuntrarji, differenti. Kien jaf xi jrid. Ir-rieda ta’ Alla, ir-rieda tal-Missier, kienet l-iktar ħaġa importanti li tmexxih fl-għażliet tiegħu.

Ejjew nitolbuh lil Ġwanni l-Battista biex jagħtina din il-virtù, dan id-don tal-verità, fiż-żmien fejn il-gidba u l-verità jitħalltu flimkien, fiż-żmien fejn il-kontenut u l-metodu jitgerfxu ma’ xulxin; fi kliem ieħor aktar sempliċi, fejn mhux x’tgħid l-aktar importanti imma kif tgħidu, mhux il-verità għadha iktar importani imma kemm iddum ittambar, kemm iddum tgħid, u l-mod kif tgħidha, il-mod kif tgeżwirha, u l-mod kif iddawwarha.

Ejjew nitolbuh lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis tal-verità, għall-maġistrati tagħna, għall-avukati tagħna, għall-qrati tagħna. Kemm minna mmorru fuq dik l-għatba u nafu li għandna raġun biex inbigħu imma nibżgħu, għax l-ieħor jew l-oħra għandhom aktar flus… u llum mhux il-verità li tirbaħ, imma min għandu l-iktar flus! Imma sejra aħjar is-soċjetà b’dan il-mod?

Ejjew nitolbuh lil Ġwanni l-Battista biex nerġgħu niskopru dawn id-doni, dawn il-kwalitajiet, dawn il-valuri li fuqhom trid tinbena l-konvivenza umana. Mingħajrhom aħna ma nistgħux ngħixu bħala bnedmin, imma nsiru sempliċiment ġungla, insiru sempliċiment post fejn l-annimal l-iktar f’saħħtu jiekol u jibla’ lil dak l-aktar dgħajjef.

Ejjew nitolbuh lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis, biex ma nibżgħux ngħidu l-verità akkost li bħalu nġarrbu t-tbatija. Nafu kif jispiċċa min ikun veru. Hekk spiċċa Ġwanni u hekk spiċċa Ġesù.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading