Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Festa tal-Madonna ta’ Loreto

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Madonna ta’ Loreto. Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.

Ħajr: Radju Lauretana.

Nerġgħu lura d-dar

Xi snin ilu tiġi quddiemi daqsxejn ta’ tfajla, ta’ tlettax jew erbatax-il sena. Kienet qed tiġi bbuljata fl-iskola. U ħin minnhom jien għidtilha: “Naħseb li jkollok seba’ mitt sena sa xħin tmur id-dar”. U din waqfet hekk, tiċċassa lejja, u qaltli: “Le, ta. Ma nixtieqx immur id-dar… Jiena għandi tlett idjar: id-dar fejn tgħix ommi; id-dar fejn konna noqogħdu hemm missieri; u mbagħad id-dar tan-nanna – u forsi dik hi d-dar għalija”. U jien tbikkimt. Ma kontx naf x’se naqbad ngħidilha. Għax immaġinajt illi għal din it-tfajla, jekk almenu fl-iskola qed tħossha bbuljata, insigura, jekk fl-iskola qed tħossha mhedda minn sħabha, almenu għandha ambjent, post fejn hi tista’ tħossha b’moħħha u b’qalbha mistrieħa. Imma fil-fatt ma kienx hekk.

Fejn toqgħod? Liema hija d-dar tiegħek? Fejn tħossok f’postok, fejn tħossok sigur? Din hi l-festa li qegħdin niċċelebraw illum. Ma mmorrux fil-bogħod, m’hemmx għalfejn immorru Nazaret. Immorru wkoll… imma biex nindunaw illi Nazaret – dik id-dar sigura, dik id-dar fejn Marija, Ġużeppi u Ġesù kibru u għexu flimkien – tista’ tkun id-dar tiegħek illum. Possibbli llum? Iva, illum! Dik id-dar tista’ tkun id-dar tiegħek illum.

Fejn toqgħod? Fejn hi d-dar tigħek? Forsi għal uħud minna d-dar hija l-uffiċċju. Forsi għal uħud minna d-dar hi mal-ħbieb. Forsi għal uħud minna d-dar hi għand ħuna, jew oħtna, għand uliedna. Forsi mhix id-dar proprja fejn noqogħdu. Forsi d-dar tagħna hi meta nsiefru, meta nitilqu minn hawn. Immorru niltaqgħu ma’ nies li nafuhom, imma mhux hawn.

Fejn toqgħod? Fejn hi d-dar tiegħek? Dan kollu x’jurina? Illi mhux id-dar tal-ġebel hi importanti. U kemm nagħtuha importanza lid-dar tal-ġebel! Estremi llum. Hi importanti u mhix. Imma l-importanti huma r-relazzjonijiet. Hija l-profondità tar-relazzjonijiet li tibnilek id-dar, li toħloqlok l-ambjent sigur fejn tixtieq tmur, u fejn int tixtieq toqgħod, fejn int qatt ma tixtieq titħarrek minn hemm, tixtieq tibqa’ hemm. Hu l-ambjent sigur ta’ relazzjonijiet profondi fejn int terġa’ tmur biex tieħu r-riżorsa, biex timla l-petrolfil-karozza tal-enerġija ta’ ħajtek, ħalli tkompli sejjer, tkompli miexi. U allura l-mistoqsija tagħna llum hi: Kemm huma b’saħħithom ir-relazzjonijiet tagħna? Jew aħjar, kif nistgħu nagħmluhom b’saħħithom fid-dawl tal-Familja ta’ Nazaret?

B’xorti ħażina d-dar tal-ġebel ma għadhiex tfisser dak li kienet ftit snin ilu. Id-dar għalina kienet tfisser kollox: il-post fejn isiru l-aktar affarijiet importanti tal-ħajja. Ifittxuha l-għarajjes fil-mument l-aktar intimu tar-relazzjoni, meta jħossu li jistgħu jibnu xi ħaġa serja flimkien, meta ċerti minn xulxin u r-relazzjoni ta’ xulxin. Iva, hemm bżonn li naħsbu għal dan. Hekk kienet qabel, imma ma għadhiex hekk. Imbagħad fid-dar jitwieldu t-tfal, il-ġrajjiet il-kbar tal-ħajja. Fid-dar ngħixu l-ferħ, imma ngħixu wkoll l-iebes, id-diffikultajiet. Fid-dar jidħol ir-raġel lura wara li jkun ħadem. Tgħiduli, nostalġija tal-passat! Veru, imma s-sabiħ ma nistgħux narmuh, anki jekk ma nistgħux nerġgħu lura lejh. Fid-dar kienet isseħħ it-tbatija tal-mard u kien iseħħ il-misteru l-kbir tal-mewt. Proprju fid-dar.

Il-bniedem tbiegħed mid-dar. Illum id-dar m’għadhiex is-sinjal, is-simbolu, is-saqaf tas-sigurtà. Imma b’xorti ħażina d-dar saret sinjal ieħor, ta’ poter. Qed ngħixu f’soċjetà fejn min ifittex fejn joqgħod ma jistax ilaħħaq mal-prezzijiet għoljin esaġeratament tad-djar. Tort tas-soċjetà, tort tagħna; forsi tort anki tal-Knisja. Imma tort ukoll ta’ kull min hu responsbbli fiċ-ċivil. Ma għandniex nagħmluha impossibbli għal min irid jibni familja, jibni relazzjoni profonda, li jkollu saqaf fuq rasu. B’xorti ħażina qegħdin f’din il-linja, f’din it-triq. Għaliex? Għax id-dar saret simbolu ta’ poter. Id-dar saret għajn ta’ ekonomija, ta’ flus. M’għadhiex aktar il-post fejn wieħed jistrieħ, fejn wieħed iserraħ qalbu u moħħu. Id-dar saret mezz ta’ qligħ, kultant inġust, fuq dawk li huma inqas b’saħħithom. U llum meta wieħed jipprova jixtri dar, jagħmel kuntratt, mhux ta’ fejn se joqgħod, imma kuntratt mal-bank li ma jispiċċa qatt, ħajtu kollha.

Interessanti t-tifsira tad-dar tal-ġebel illi bil-mod il-mod qed tinbidel u titbiegħed minn dik li kienet oriġinarjament: il-post tas-serħan, il-post tar-relazzjonijiet. Ħafna drabi fid-dar jaslu r-raġel, il-mara u t-tfal, kollha kemm huma mgħobbijin bix-xogħol, bl-istress tal-ġurnata. Lanqas biss ma jkunu jridu jaraw lil xulxin.

X’saret illum id-dar tagħna? Meta kont tmur f’uffiċċju tal-gvern, qabel kienu jgħidulek: “X’jismek? X’kunjomok? Fejn toqgħod?”. F’kull uffiċċju, tal-gvern u mhux. Illum x’jgħidulek? “Ismek, kunjomok u l-mobile number”… mhux fejn toqgħod. Jekk tikteb f’lotterija, qabel konna ndumu xi nofsiegħa niktbu l-isem. Illum le, lanqas l-isem… numru tal-mowbajl. Xi jfisser dan? Ifisser li l-bniedem ma baqagħlux dar. Ma’ min huwa identifikat il-bniedem? Mal-ġiri, mal-mixi ’l hawn u ’l hemm. Il-problema mhix din. Jista’ jkun li l-bniedem jinsab aħjar soċjalment u ekonomikament, imma spiritwalment u psikoloġikament tonqsu xi ħaġa. Għaliex? Għax qegħdin immorru lura ħafna fir-relazzjonijiet.

U allura dalgħodu fil-qosor ejjew inħallu lil Marija tedukalna r-relazzjonijiet tad-dar tagħna. U nixtieq insemmi xi punti prattiċi, li jistgħu jgħinuna nikbru fl-intimità ta’ dak li hu l-aktar importanti għalina.

Il-bniedem mingħajr relazzjoni ma jistax jgħix. Aktar ma jiġri u jdur ’l hemm u ’l hawn, il-bniedem għandu aktar bżonn post stabbli, ambjent sigur. Hemm korrelazzjoni enormi bejn l-impossibbiltà li jkollok dar u l-impossibbiltà li jkollok relazzjoni intima. Kull relazzjoni hi tal-għaġeb. Ħa nipprova nispjegalkom fil-qosor, fi kliem sempliċi, imma din hija r-realtà xjentifika, ippruvata b’riċerka; qiegħed nissimplifika studju ta’ snin. Aktar ma jkollok flus, inqas ikollok relazzjonijiet tajbin. Ippruvaw irriflettu ftit. Aħna rridu l-flus u għandna bżonnhom. U hija verità. Imma aktar ma jkollok minn dawk, inqas se jkollok relazzjonijet tajba ma’ dawk tad-dar. U bil-maqlub, aktar ma jkollok relazzjonijet tajba, inqas tfittex li jkollok il-flus. U tifhimha. X’inhu l-aktar oġġett importanti f’ħajtek? Imma jien se nagħmel domanda aktar fundamentali. X’għandek l-aktar bżonn int? Li jkollok iżjed, li jkollok iżżejjed? Li jkollok aktar minn dak li għandek bżonn biex tiekol, biex torqod, biex tistrieħ, biex issiefer? Li jkollok iktar minn dak? Jew inkella l-bżonn fudamentali tiegħek hu li jkollok relazzjonijiet ta’ veru? Li jkollok persuni li tkun tista’ torbot fuqhom? Li jkollok relazzjonijiet stabbli? Ir-relazzjoni stabbli tagħtina sigurtà. Il-bniedem iħossu fiż-żgur. M’għandix bżonn nirreferi għall-psikologi. Għax il-Vanġelu ħafna qabel il-psikologi qalu dan. L-imħabba ta’ bejnietna. Il-bniedem li jħossu f’relazzjonijiet intimi u profondi, iħossu sigur. U l-bniedem li l-ħin kollu jfittex li jkollu aktar flus, il-bniedem illi jpoġġi l-ideal tas-sigurtà fil-flus – aktar ma għandi flus, mela jien moħħi mistrieħ, kważi kważi etern – huwa l-bniedem li jħossu insigur. Nippruvaw nirriflettu ftit allura kif imorru flimkien in-nuqqas ta’ relazzjonijiet veri, intimi, mal-ġirja li ċċedik, il-kilba li taqtagħlek nifsek biex ikollok il-flus. Mhux qed nipprietka Vanġelu, imma qed nipprietka r-realtà tal-ħajja.

X’tagħtina Marija llum? X’jgħidilna l-Vanġelu li smajna llum? L-ewwel u qabel kollox, meta jidħol l-anġlu fid-dar, lil Marija x’jgħidilha? “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28). Meta tidħol fid-dar int wara x-xogħol, x’tgħidilha lill-mara, x’tgħidlu lir-raġel? “Dik ġibtha? Dik għamiltha? Kemm domt! Dalgħodu għaliex ħallejt il-bieb tal-garaxx miftuħ?”. “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja”, jidħol l-anġlu u jgħidilha. Il-pożittività fil-komunikazzjoni tagħna, fir-relazzjoni tagħna. X’jiġri fid-dar ta’ Marija? Affarijiet prattiċi, sempliċi li nistgħu nagħmluhom hekk kif noħorġu mill-knisja issa issa. “Għadu mhux lest l-ikel?”. “Le!”. “Kemm hawn riħa tfuħ!”. L-ewwel punt, mela, hu l-pożittività fil-komunikazzjoni.

It-tieni punt: il-kapaċità li jien nifhem x’inhu jiġri fil-qalb u l-moħħ tal-persuna tal-oħrajn, mhux f’tiegħi biss. Dik li ngħidulha l-empatija. L-anġlu jaf li Marija qiegħda tibża’. L-anġlu jaf minn xiex għaddejja l-Madonna waqt li hu qiegħed ikellimha. Moħħu huwa aktar fiha, fil-persuna li għandu quddiemu, milli fih innifsu. U jien meta mmur id-dar, meta nidħol fid-dar, ninduna almenu bil-persuni li hemm? Meta mmur id-dar, nista’ nkun aktar attent għal dak li qegħdin iħossu? Kif qed tħossha l-mara jew ir-raġel tiegħi, it-tfal tiegħi? It-tieni punt hu dan: li nipprova nħoss ma’ dak li għandi miegħi fid-dar, ma’ dik li għandi miegħi fid-dar. U ma nkunx iffukat biss fuq dak li qed inħoss jien. Dawn huma relazzjonijiet.

It-tielet punt: illi meta jkellimni xi ħadd fid-dar, jiena ndur lejh u mhux indur lil hinn. Kemm tiġri din fil-familja tagħna! Jiġi t-tifel jew it-tifla mill-iskola: “Mummy, ħa ngħidlek…”. “Mhux issa, sabiħ, għax qed insajjar; jew qiegħda nagħmel xi ħaġa oħra”. Dur lejn it-tifel u lejn it-tifla. Meta l-anġlu jidhrilha lil Marija, Marija ddur lejh u tkellmu. U dan li ġara bejnu u bejn Marija ibqgħu ċerti li ġara hekk bejn Marija u Ġużeppi u Ġesù, bid-diffikultajiet u l-problemi kollha li kellhom.

Dawn tliet punti importanti u fundamentali fir-relazzjonijiet li ġraw f’dik id-dar ta’ Nazaret li qegħdin niċċelebraw dalgħodu. L-ewwel u qabel kollox, pożittività fil-komunikazzjoni: ma nkunux negattivi, neqirdu, ingergru. It-tieni, il-kapaċità illi nifhem x’inhi tħoss il-persuna l-oħra, l-empatija: ma nagħtix kas tal-ħsieb biss tiegħi nnifsi. It-tielet, il-kapaċità wkoll li ndur lejn il-persuna meta ssejjaħli. Kemm tieħu għalik int meta titkellem u kulħadd jibqa’ għaddej bid-diskors tiegħu jew bid-djalogu tiegħu! Kemm tiddejjaq int meta titkellem u l-oħrajn ma jkunux moħħhom fik, attenti għalik! Kemm tiddejjaq int! Daqshekk ieħor jiddejjaq ħaddieħor meta int ma tagħtix kas ta’ dak li qed jgħid ħaddieħor, meta int ma ddurx għall-kelma, għas-sejħa li qed jagħmillek ħaddieħor fil-komunikazzjoni. Kemm tiġri fil-ħajja tal-familja!

Imma nirriflettu naqra, dan ma’ xiex huwa marbut? Marbut mal-egoiżmu, mal-egoċentriżmu. Dħalna f’illużjoni kbira illi jekk sew jien, sew kulħadd. Le, mhux veru! Jekk qabel għalina d-dar kienet il-familja fejn ngħixu, ir-relazzjonijiet kienu ommi u missieri, ħuti u dawk li nħobb, illum id-dar saret il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Biżżejjed għandi l-laptop miegħi, u kull fejn immur għandi lil kulħadd. Veru għandek lil kulħadd, imma għandek lil kulħadd b’inqas intensità milli kieku qiegħed fil-preżenza. Veru għandek lil kulħadd, imma m’għandekx lil dawk illi għandek jgħixu miegħek fid-dar. Għandek biss lil dawk li trid int, għax int tista’ tibblokka persuna u tgħidilha: ‘le, tidħolx aktar f’relazzjoni miegħi’. Xi ħaġa li ma tistax tagħmilha ma’ ommok, ma’ ħutek, ma’ missierek li tgħix magħhom fid-dar. Kollox sar idur magħna nfusna, mal-egoiżmu tagħna.

Ejjew nitolbu lill-Madonna llum biex tagħtina almenu li nifhmu l-ġirja tagħna biex inkunu aħjar, ġirja li dħalna fiha bħal nies għomja. Tafuha dik l-istorja ta’ dak il-kelb li miskin mar minn moħħu u kien jiġri u jinbaħ fir-raħal ma jafx għalfejn u ma jafx għalxiex. Imma jiġri llum, jiġri għada… x’ġara? Il-klieb kollha tar-raħal bdew jiġru warajh ma jafux għalfejn u ma jafux għaliex. Għax li kien għalihom quddiem dak il-kelb hemm xi annimal, hemm xi ħaġa x’taqbad, x’tiekol. U aħna qed jiġrilna l-istess: qegħdin niġru ġirja wara xulxin li se taqtgħalna nifisna. U mhux nitilfu n-nifs tagħna biss, iżda b’mod speċjali n-nifs taż-żgħar tagħna. Aħna qegħdin f’sitwazzjoni fejn uħud mhux dar waħda għandhom, imma għandhom id-dar li diġà jafu fejn se jmorru meta jisseparaw. Xorta ma tgħinx. U hemm uħud illi m’għandhomx saqaf fuq rashom. Hemm uħud li jridu jimbażwaw, ħajjithom kollha, biex jistgħu jgħidu: “Din ir-roqgħa art tiegħi”. Irriflettu naqra f’liema sitwazzjoni qegħdin, sitwazzjoni illi ma nistgħux inkomplu ngħixu fiha. Aħna l-istess bnedmin, l-istess dinjità. Tgħiduli: għax min jaħdem iktar u min jaħdem inqas. Veru wkoll, imma mhux dejjem. Anzi, ħafna drabi bil-maqlub.

Ejjew nitolbu lil din il-Familja ta’ Nazaret tagħtina ftit sens komun, biex almenu, jekk qegħdin inbatu aħna, nippreżentaw dinja ftit aktar pożittiva, ftit aktar umana, lil dawk ta’ warajna.

Leave a Reply