Il-leġjunarju hu dak li jaf ‘jisma’’

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 4 ta’ Settembru 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fiċ-Ċentinarju tal-Leġjun ta’ Marija. Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-100-sena-legjun-ta-marija-ta-pinu-is-sibt-4-ta-settembru-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Kemm hu sabiħ il-Vanġelu tal-lum (Mk 7:31-37)! Jirrakkuntalna l-ġrajja ta’ kif Ġesù jfejjaq lil xi ħadd li ma kienx jisma’ u ma kienx jitkellem. Forsi dan il-miraklu li għamel Ġesù llum jaqbel ħafna ma’ dak li ġara matul iż-żmien, li jiġri kull darba li grupp ta’ nies jinġabru, jiltaqgħu madwar Marija jitolbu fl-għaqdiet, fil-præsidia tal-Leġjun ta’ Marija. Tgħiduli: kif jaqblu flimkien? Ejjew naraw ftit kemm hu veru l-Vanġelu tal-lum!

Ġesù “telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir” (v. 31), jgħidilna San Mark. Tir kienet diġà tinsab fil-parti pagana tal-art tal-Iskrittura, tal-art li fiha seħħet il-Bibbja. Il-Vanġelu jgħidilna li ġie lura “lejn il-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli”, imma Ġesù, b’mod stramb ħafna, minflok ma jinżel minn Tir ’l isfel lejn l-Għadira tal-Galilija, jitla’ biċċa oħra, lejn Sidon: “Għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija” (v. 31).

Diġà l-Vanġelu qed jgħidilna xi ħaġa sabiħa li tiġri fil-Leġjun ta’ Marija. Illum nitkellmu ħafna fuq l-outreach. Ġesù, minflok imur l-ewwel lejn l-art ta’ Iżrael, l-Art Imwiegħda, ikompli jitbiegħed u jmur f’art pagana, fejn jagħmel il-miraklu tal-mara Sirofeniċja, dik il-Kangħanija li kellha “lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin” (Mk 7:25). Ġesù bħal donnu jinkiha lil dik il-mara, jew jippruvaha; fi kliem ieħor, jipprova jgħinha tikber fil-fidi, tikber fil-fiduċja. Għax kull darba li aħna nitolbu, u mingħalina li l-Mulej ma jaqlgħalniex, hemm żewġ affarijiet x’nagħmlu: jew naqtgħu qalbna u ma nibqgħux nafdaw, jew inkella nżidu fit-tama, nikbru fil-fiduċja. Dan hu li jagħmel ma’ din il-mara Sirofeniċja: Ġesù jagħmel outreach, ikompli joħroġ – din il-kelma li tant jitkellem fuqha f’diversi dokumenti l-Papa Franġisku: “Knisja li toħroġ” (ara EG, 20-33).

Kemm kellu previżjoni, kemm ra mill-bogħod Frank Duff, meta 100 sena ilu kien diġà qiegħed jimmaġina Nsara li joħorġu biex jilħqu jitkellmu u jikkuntattjaw Insara oħra; jew jikkuntattjaw, jitkellmu ma’ nies li mhumiex Insara. Kemm ra fil-bogħod! Dak li beda tant ilu kemm hu modern, jew aħjar, kemm hu attwali, kemm hu tal-lum!

X’jagħmel Ġesù? Imur f’din il-belt tad-Dekapoli. Id-Dekapoli kienet sezzjoni kbira mill-art ta’ Iżrael, anzi lil hinn mill-Ġordan, kollha kemm hi pagana. Ġesù miexi f’art pagana, mhux miexi fl-Art Imwiegħda, mhux miexi fl-art ta’ Iżrael. Il-Vanġelu jgħidilna li “ġibulu wieħed, trux u mbikkem” (v. 32), jew it-traduzzjoni iktar preċiża, aktar milli mbikkem, hi wieħed li ‘ma kienx jitkellem sew’. Insibuha darbtejn il-kelma li juża San Mark biex jiddeskrivi lil dan il-bniedem trux u mbikkem: hawnhekk, u fl-Ewwel Qari tal-lum li smajna mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (35:4-7a). Ma tissemma mkien aktar fl-Iskrittura kollha. Għaliex? Għax hija Kelma partikolari ħafna, li turi li min għandu diffikultà biex jitkellem, dan għax mhux kapaċi jisma’. Hija kelma preċiża, teknika, li turi d-diffikultà li hemm fl-ilsien, ġejja mhux tant mill-ilsien innifsu, imma min-nuqqas ta’ kapaċità ta’ smigħ.

Ġesù jagħmel il-miraklu. Interessanti u stramb il-mod ta’ kif Ġesù jfejjaq lil dan il-bniedem: “Daħħal subgħajh f’widnejh”, jgħidilna l-Vanġelu, u “messlu lsienu bir-riq tiegħu” (v. 33). Xi jrid jgħidilna Ġesù? Fejn kienet id-diffikultà? Ara ma mmorrux nieqfu biss fid-diffikultà fiżika! Id-diffikultà kienet iżjed spiritwali: in-nuqqas tal-kapaċità tal-bniedem li jisma’ l-Kelma ta’ Alla. Jekk aħna ma nisimgħux il-Kelma ta’ Alla, ma nkunux kapaċi nitkellmu. Tgħiduli: ‘X’inti tgħid?’. M’aħniex kapaċi nitkellmu jekk ma nisimgħux il-Kelma ta’ Alla: għax huwa Alla, u Alla waħdu, li għandu l-kelma tal-verità fuq il-bniedem; huwa Alla waħdu li għandu l-verità fuq l-istorja tagħna, fuq il-ħajja tagħna, fuq dak li jiġrilna, fuq it-twelid tagħna, fuq l-eżistenza tagħna, il-mewt tagħna. Huwa Alla u Alla waħdu! Jekk jien ma nismax din il-Kelma, m’għandix dawl fuq l-ikbar, l-ogħla, l-iktar mumenti għeżież tal-esperjenza umana. Xi rrid ngħid? Kif ser nitkellem? X’ser ngħid bis-sens jien?

Nieħdu eżempju sempliċi mill-ħajja tad-dar. Kemm-il darba jiġrilna li nibdew nitkellmu qabel nisimgħu; u l-persuna l-oħra tibda tgħidlek: ‘Bil-mod, bil-mod, ħallini nispiċċa’; ‘bil-mod, ħa nfiehmek, għax m’intix tifhimni’. U nibda nitkellem diġà qabel ma nħalli lill-persuna l-oħra tispiċċa, qabel ma nisma’ tassew. Il-problema vera fejn hi? Mhux fid-diskors bla sens li ma jiltaqax, li qiegħed inlissen. Id-diffikultà l-kbira tinsab fin-nuqqas ta’ kapaċità illi nieqaf u nisma’. Allura dak li ser ngħid, l-intervent tiegħi, ma jaqbel xejn ma’ dak li jkun qed jingħad.

Il-præsidia u l-laqgħat tal-Leġjun huma esperjenza, huma laboratorju, ġinnasju ta’ smigħ, mhux biss dak il-ħin, imma jagħtuna l-għodod kollha neċessarji biex aħna nkunu kapaċi nisimgħu lill-bniedem, b’mod speċjali fid-diffikultà tiegħu, fin-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jagħti sens lill-esperjenza tal-ħajja. Jaqbel jew le l-Vanġelu tal-lum mal-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw?

Il-Vanġelu jgħidilna: “Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies” (v. 33) lil dan il-bniedem. Warrbu fil-ġenb. Għandna bżonn fil-ħajja tagħna nitwarrbu fil-ġenb, ma nibqgħux għaddejjin bil-ħajja ta’ kuljum, bil-ħajja sfrenata, il-ħin kollu għaddejjin minn ħaġa għal oħra. Għandna bżonn nieqfu u nwarrbu fil-ġenb, biex nisimgħu lil Alla jkellimna, imbagħad inkunu kapaċi nitkellmu. Allura l-Leġjunarju mhuwiex tant il-bniedem li kapaċi jagħti l-pariri. Il-Leġjunarju mhux dak il-bniedem li jgħid kelma fejn ħaddieħor mhux kapaċi jgħidha. Il-Leġjunarju hu l-ewwel u qabel kollox dak li bħal Marija jkun kapaċi jisma’.

Il-miraklu l-kbir li seħħ f’Marija huwa l-istess miraklu li għamel Ġesù lil dan ir-raġel fil-Vanġelu tal-lum. Marija hi l-mara li tant kapaċi tisma’, il-mara li semgħet il-Kelma ta’ Alla tant b’mod pur, tant qawwi, tant perfett, li mbagħad lissnet l-istess Kelma, nisslitha f’ġufha. Din il-Kelma mlissna saret il-Kelma mnissla fil-ġuf tagħha; u tagħti l-ħajja lil Persuna tad-demm u l-laħam, li lilha semgħet u kienet tisma’.

Jalla kull wieħed u kull waħda minna, fl-esperjenza li nagħmlu, f’relazzjoni hekk intima ma’ Marija, fl-għaqda, fl-imħabba, fil-ħbiberija, fir-rispett ta’ xulxin, nagħmlu wkoll din l-esperjenza: il-Kelma li nisimgħu mhux biss illissnuha bi lsienna, imma nnissluha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u fil-ħajja ta’ dawk li magħhom niltaqgħu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading