Għożżejtna u ngħożżuk!

Print Friendly, PDF & Email

Għażiż Patri Gejt, kien nhar il-Ġimgħa 20 t’Awwissu 2021, festa ta’ San Bernard ta’ Abbati u Duttur tal-Knisja, waqt li kont qed naqdi lill-Mulej fil-pastorali assenjata lilna, il-Kapuċċini Maltin, tal-Isptarijiet, sewwa sew fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, meta int għaddejt għall-ħajja ta’ dejjem. Minn dak il-waqt ma waqatx nitlob għal ruħek biex il-Mulej jagħtik il-ħajja ta’ dejjem!

Interessanti Patri Gejt il-post fejn sirt naf li int ma bqajtx magħna fuq din l-art, Wied tad-Dmugħ, l-isptar! Mill-informazzjoni li l-Mulej tani grazzja li nsib dwarek, u naf li hi ta’ min jorbot fuqha, rajt li ħdimt mhux anqas minn 38 sena fl-isptarijiet! Sa minn meta kont daqxejn ta’ postulant, irqajjaq irqajjaq u mhux bħallum li jien ballun, il-kunvent tagħna tal-Kalkara, minn dejjem niftakrek twettaq dan ix-xogħol tad-deheb u li hu għal kollox Franġiskan Kapuċċin, f’Żammit Clapp. B’liema mħabba kont iddur mal-pazjenti u mal-familjari tagħhom u anki mal-membri tal-istaff! Tassew kont għalihom ta’ kuraġġ u ta’ tama!

Niftakar li meta kont għedtlek li jien minn San Ġwann aqta’ kemm kont fraħt! U kemm semmejtli lista sħiħa ta’ esperjenzi li kont għaddejt minnhom fl-Imsieraħ! Ir-raħal-belt fejn ħasluli rasi Patri Gejt! Għax, bħalma taf int, dak iż-żmien hekk kienu jsibuh lil San Ġwann! Għadni qed narak qisu issa tirrakkuntali fuq kemm il-magħrufa ma’ kulħadd Kuċnara kienet titma’ lill-ewlenin Patrijiet Kapuċċini tagħna meta dawn rifsu f’dan ir-raħal tant sabiħ qalb il-kampanja! Kemm kont issemmieha b’apprezzament! Għax int taf kemm kienet titma’ lilek, l-ewwel wieħed! U għalhekk nammirak għażiż Patri Gejt għax bqajt tafulha u tonora t-tifkira tant għażiża tagħha! X’virtù sabiħa fik hi Patri Gejt li bqajt tfakkar b’tant għożża u mħabba kemm in-nies twajba tal-Imsieraħ kienu laqgħuk u ħabbewk flimkien mal-Patrijiet ħutek!

Imbagħad ma nistax ma nfaħħarx fik id-don tal-ferħ! Patri Gejt, il-Patri tar-rikrejazzjoni! Kemm kont tieħu gost tferraħna b’dak l-accordion, li sirt naf li kien tahulek wieħed minn ħutna l-Patrijiet! X’koppja sabiħa ta’ daqqaqa kien fikom int u Patri Joe Giuliano iddoqqu fuq il-ballatur tal-kunvent tal-Kalkara meta konna postulanti! Għandi niftakar dik id-daqqa sabiħa bil-kitarra li biha, Patri Joe, ta’ veru kitarrist, kien idaħħlek ħelu ħelu, ħa ddoqq l-accordion. U int, li l-mużika kienet ġewwa fik għax kellek widna widnun għaliha, arak ittieha tqabbel, iddoqq u tkanta. Kemm kienu jkunu tassew sbieħ dawk is-sjuf Kapuċċini fuq il-ballatur fil-kunvent tagħna l-Kappuċini fil-Kalkara! Sjuf li ma ninsiehom qatt! Għax, sempliċiment, irrepetibbli!

Personalment kont anki nammira fik il-mod tassew miġbur li bih kont tqaddes il-quddiesa. Lanqas kelma li hi kelma żejda ma kont titlob! B’dik is-sempliċità, il-ġabra u l-imħabba u b’qalb tħabbat u taħraq ta’ Kapuċċin li jħobb lil Mulej Ġesù Sidu, il-quddies tiegħek kien mezz tassew qawwi biex wieħed jersaq lejn il-Mulej b’ta fuqu senduqu. Basta li jkollu taqbad fih qalb kbira li jkun jrid tassew lill-Mulej li jbiddillu qalbu ta’ taħt fuq!

Patri Gejt, int kont wieħed mill-Patrijiet Kapuċċini tagħna minn Bormla. U, ta’ Bormliż tassew li kont, kemm qalbek kienet tħabbat b’taħbit kbir ta’ imħabba għal Ommna l-Verġni Immakulata Marija, il-Padruna tal-Ordni Franġiskan flimkien ma’ Bormla! Daqskemm kemm kont tħobbha lill-Madonna kont tgħidilha f’jum il-festa tagħha b’leħen ta’ tifel fuq ruħu imma li m’hu xejn: Ġejt narak din is-sena għax din taf tkun l-aħħar waħda tiegħi li rajtek! Ħa ngħidlek O Marija, Ommi wisq għażiża, lil Patri Gejt veru kont tħobbu! Għax meta kien jitolbok dik it-talba, bid-dmugħ nieżel minn għajnejh, int kont titlob bil-ġiri lil Ġesù ħa jittopjalu ż-żmien tiegħu fuq l-art! U ħalli nerġa’ ngħidlek O wisq għażiża Ommi Marija Immakulata, ħadek bis-serjetà Ibnek u Ħija Ġesù għax ittoppjalu bundle daqshiex! Għax dam igawdik sa 96 sena fuq din l-art!  Qed tara Patri Gejt kemm għandek min jaqbeż għalik!

Ta’ Patri li kont imdaħħal fiż-żmien u li rajt il-Provinċja Kapuċċina Maltija tinbidel mill-lejl għan-nhar, minn dejjem kellek għal qalbek lil ħutna l-Kapuċċini fil-formazzjoni tal-bidu. Kemm kont tinkoraġġiehom fil-mixja tagħhom ta’ formazzjoni! Kemm kont tagħmlilhom il-qalb biex ma jaqtgħux qalbhom mill-isfidi li, għada pitgħada, ikollhom, iridu jew ma jridux, iħabbtu wiċċhom magħhom. Inħossni ċert li t-tbissima, is-sens ta’ umoriżmu, spontanjetà u anki dak ta’ sagrifiċċju tiegħek kienu għalihom ta’ għajnuna tassew kbira!

Imbagħad lanqas ma nista’ ninsa s-sens kbir tar-rejaliżmu tiegħek. Kif kont tħobb tgħid, f’waħda mill-famużi battuti tiegħek li għalihom tibqa’ imnaqqax fl-istorja tal-Provinċja Kapuċċina Maltija: Il-Patrijiet mhux ħa tagħmilhom bħall-pasturi! Niftakrek tgħallimhieli din it-tagħlima waqt li darba konna qed nieħdu l-kolazzjon filgħodu fil-kannova tal-kunvent il-Kalkara. Għax, Patri Gejt,jekk irridu l-vokazzjonijiet irridu nibżgħu għal dawk li diġà għandna filwaqt li nwessgħu naqra l-viżjoni tagħna. Wara kollox aħna parti minn Ordni Internazzjonali Kapuċċin u mhux erba’ mitluqa fuq naqra ta’ gżira għal rashom għal rashom!

Patri Gejt, jiena se nieqaf hawn ħija u ħabib! Imma nixtieq infakkrek f’battuta li kont tħobb tgħid int meta l-Kor kien iħobb ikanta t-ton ta’ Halleluiah, jiġifieri Alle, Alle, Alle, luiah!…U int, b’dak l-umoriżmu tiegħek li kont tifqagħni bid-daħk, kont tgħidli: X’qallek? Hekk għażiż Patri Gejt! X’qallek il-Mulej? X’qed jgħidli u jgħidlek il-Mulej? Ħa ngħidlek ħija Bormliż, jekk ħajjitna trid tkun ta’ tifħir lill-Mulej irridu nagħmlu li jgħidilna! Kif għamilt int f’dawn is-snin kollha fil-Kunvent!

Beħsiebni nagħlaq b’sunett li l-Mulej tani l-grazzja niktiblek għażiż Patri Gejt:

Insellimlek għażiż ħija Patri Gejt

Qattajt ħajtek f’għotja sħiħa lill-Mulej,

Dmirek lejH u lejn il-proxxmu le ħallejt

Għalhekk tifkirietek tgħix fiż-żmien li ġej.

Dik ħidmietek sfieqa u wisq qalbiena

Ma’ tant persuni morda fl-isptarijiet,

Lilhom qdejt b’dik l-imħabba kollha ħniena

Ressaqt minnhom lejn il-Mulej bil-mijiet!

B’dik iċ-ċoqqa qaddisa Kapuċċina

Li minn fuqek, b’wisq għożża, int ma nżajt qatt,

Bqajt tingħata fis-skiet b’ħafna ħin għat-talb.

Patri Gejt nitolbok itlob għalina

Ħalli nħobbu ‘l Kristu mhux biss nhar ta’ Ħadd,

B’Marija magħna għad tinfetħilna l-qalb!

U bilħaqq, grazzi li kont wieħed minn dawk li mhux biss kont tħobb taqra l-ktibiet li l-Mulej jagħtini fil-ġurnali imma kont tgħid b’ferħ u b’ammirazzjoni kbira u sinċiera ma’ kulħadd: Dak tagħna!

Sei grande Patri Gejt! Għożżejtna u ngħożżuk!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: