Il-Papa f’laqgħa tal-paċi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jieħu sehem f’laqgħa ta’ paċi mal-mexxejja ta’ reliġjonijiet differenti u jitolbu għall-paċi

Il-Komunità ta’ San Eġidju organizzat laqgħat ta’ paċi ta’ jumejn f’Ruma, li għaliha attendew bosta mexxejja reliġjużi  minn madwar id-dinja. Il-35 Laqgħa Internazzjonali għall-Paċi kkonkludiet il-Ħamis filgħaxija b’talba għall-paċi. Din saret fil-Kolossew, li għaliha attenda l-Papa Franġisku.

Din is-sena, t-tema ta’ din il-laqgħa kienet: “Popli bħal Aħwa, Dinja tal-Ġejjieni”. L-avveniment ra l-partċepizzjoni ta’ mexxejja reliġjużi Kristjani, Iżlam, l-Ebraiżmu, l-Buddiżmu, t-Tenrikyo, l-Induwiżmu u s-Sikiżmu. Iktar minn 40 pajjiż iltaqgħu biex jiddiskutu kif “jerġgħu jibdew” fl-ispirtu ta’ Assisi, li huwa wieħed ta’ ħbiberija u djalogu.

L-President tal-Komunità San Eġidju, Marco Impagliazzo, talab lil kulħadd biex ma naħlux l-opportunità ppreżentata mill-pandemija tal-Covid-19. F’messaġġ awdjo-viżiv, li huwa għamel fil-bidu tal-laqgħa tal-Paċi, l-President ta’ San Egidju qal: “Jalla dan ikun bidu ġdid, u mhux biss mumenti ta’ degradazzjoni li jifridna minn xulxin”.

Il-Papa Franġisku għalaq il-laqgħa tat-Talb għall-Paċi fil-Kolossew, fejn faħħar lill-ħafna nies li vvjaġġaw lejn Ruma din il-ġimgħa biex juru li t-talb huwa “sors kwiet ta’ saħħa li jġib il-paċi u jiddiżarma qlub mimlijin mibegħda”.

Il-Qdusija Tiegħu nnota kif l-avveniment li t-tema tiegħu huwa “popli bħal aħwa” – qed iseħħ fl-isfond tal-Kolossew, sit ta’ ġlied li jqiegħed lill-irġiel kontra xulxin fi ġlied għall-mewt għad-divertiment tal-massa. L-Papa qal li aħna wkoll nistgħu nsiru “spettaturi tal-vjolenza u l-gwerra, ta’ aħwa li joqtlu l-aħwa”, bħallikieku kienet logħba li naraw mill-bogħod. Huwa fakkar li l-ħajja tan-nies u t-tfal żgħar mhijiex ġugarelli. “Ma nistgħux inkunu indifferenti li naraw,” huwa qal. “Għall-kuntrarju, għandna nkunu empatiċi ma’ dawk li jaqsmu l-umanità tagħna, l-aspirazzjonijiet tagħha, l-ġlidiet u l-fraġilitajiet tagħha.”

Il-Kap tal-Knisja Kattolija qal li l-gwerra “tilgħab ma’ ħajjiet umani”, u hija falliment ta; “politika u umanità”. Imbagħad tenna l-appell imniedi fid-Dokument dwar il-Fraternità Umana li ġie ffirmat fl-2019 mal-Grand Imam ta’ Al-Azhar, li kien preżenti wkoll fl-avveniment tal-Ħamis. Huwa qal li l-kompitu urġenti tar-religjonijiet huwa li “f’din is-sitwazzjoni storika delikata: titneħħa l-militar tal-qalb tal-bniedem”.

Il-Papa Franġisku mbagħad għamel enfasi partikolari fuq il-kelma “Paċi”, li mingħajrha n-nies ma jistgħux jibqgħu aħwa. Żied jgħid li l-paċi hija t-triq ‘il quddiem għan-nies tar-reliġjonijiet kollha. L-paċi, titlobna nsaffu qalbna, billi mhux biss ftehim jew valur, imma fuq kollox “attitudni tal-qalb”. Il-Papa ħeġġeġ lill-fidili tar-reliġjonijiet kollha biex jegħlbu t-tentazzjoni għall-fundamentaliżmu u ma jarawx lil xulxin bħala għedewwa.

L-Qdusija Tiegħu kompla jirrifletti fuq l-biċċa l-oħra tat-tema, jiġifieri, “Dinja tal-Ġejjieni”. Huwa qal li l-paċi forst il-popli tinvolvi wkoll “impenn biex nieħdu ħsieb il-ħolqien u d-dar komuni tagħna.” L-Papa faħħar lill-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I ta’ Kostantinopli, li kien preżenti wkoll, għat-tfakkira tiegħu li “reat kontra d-dinja naturali huwa dnub kontra tagħna nfusna u dnub kontra Alla”. Huwa qal li l-umanità “tefgħet it-tniġġis ta’ qalbna fuq il-ħolqien.”

Il-Papa Franġisku kkonkluda l-indirizz tiegħu lill-parteċipanti fil-Laqgħa Internazzjonali għall-Paċi b’appell għall-kuraġġ, u qal li t-talb u l-azzjoni jistgħu jbiddlu l-andament tal-istorja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-francis-egidio-35th-interreligious-peace-meeting.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading