Mirakli Ewkaristiċi fil-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u Spanja

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Benningen, fil-Ġermanja

Dokument antik tal-1216 jirrakkonta l-ġrajja ta’ żewġ taħħana li  spiss kienu jitlewmu. Darba, wara tilwima bejniethom,  wieħed minnhom  seraq l-Ewkaristija  u ħbieha fil-ħajt  tal-mitħna tal-ieħor bil-ħsieb li lil dan  ittebbagħlu ġieħu. Xi jiem wara l-Ostja kkonsagrata bdiet tnixxi Demm uman. Kemm l-isqof kif ukoll il-poplu  tal-post  saru jafu b’dal-Miraklu. Il-midneb nidem u stqarr ħtijietu. Fis-sena 1221 inbniet  Kappella, b’qima lejn dal-miraklu. Aktar tard inbniet knisja akbar biex tilqa’ l-għadd kbir ta’ pellegrinaġġi.Kull sena, fil-festa ta’ Corpus Christi fil-parroċċa ta’ Benningen issir purċissjoni Ewkaristika b’qima u  b’tifkira ta’ dal-Miraklu.

Żewġ mirakli Ewkaristiċi f’Meerssen, l-Olanda

Fl-1222 fil-knisja tal-Benedittini  fil-belt ta’ Meerssen, waqt quddiesa  Demm ħaj  beda  jqattar mill-Ostja kbira kkonsagrata, tant li tebba’ l-korporal tal-artal. L-Ostja u l-korporal mtebbgħin bid-Demm baqgħu miżmuma u meqjuma  mill-patrijiet għal sekli sħaħ, li matulhom kienu jżurhom ħafna pellegrini.

Fl-1465 nar kbir ħakem u qered din l-istess knisja. Madankollu,bidwi rnexxielu jsalva r-Relikwi tal-Ostja u korporal min-nar.In-nies tal-belt baqgħu jsejħu din il-ġrajja bħala “il-Miraklu tan-Nar.” Fis-sena 1500 il-Knisja nbniet mill-ġdid, u l-Papa Piju XI fl-1938 iddikjaraha bħala Bażilka tas-Santissimu Sagrament. Illum hi ċentru ewlieni ta’ pellegrinaġġi fl-Olanda.Kull sena fl-Ottava tal-festa ta’ Corpus Christi ssir purċissjoni b’dawn r-Relikwi mirakulużi.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Rimini, fl-Italja

Dal-Miraklu twettaq direttament minn Sant’Anton ta’ Padova fis-sena 1227. Waqt li Sant’Anton kien qiegħed jipprietka lill-folla kbira f’Rimini, ġie sfidat  minn Bonovillo,eretiku  li kien jiċħad il-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, billi qallu: “Patri,ngħidlek quddiem dawn in-nies kollha: Jien nibda nemmen fl-Ewkaristija biss jekk il-bagħal tiegħi, wara li jien inkun ħallejtu sajjem għal tlett ijiem, jadura l-Ostja tiegħek qabel ma  jiekol l-għalf li nagħtih jien.”

Sant’Anton aċċetta l-isfida.

 Għalhekk, Bonovillo żamm il-bagħal tiegħu bil-ġuħ għal tlett ijiem sħaħ u ħadu fil-Pjazza Grande (illum il-Pjazza tat-Tliet Martri) akkumpanjat minn folla kbira. Sant’Anton kien hemm iżomm f’idejh l-Ewkaristija f’ostensorju. Wara li Sant’Anton qal talba dar lejn il-bagħal u qallu: “Bis-saħħa ta’ u f’isem il-Ħallieq tiegħek, li jien, għalkemm mhux denn qiegħed inżomm f’idejja, ngħidlek u nikkmandak: Ejja mill-ewwel u agħti ġieħ lill-Mulej bir-rispett dovut,sabiex l-eretiċi jistgħu jifhmu li l-ħlejjaq kollha għandhom jitbaxxew quddiem il-Ħallieq tagħhom, li s-saċerdoti  jżommu f’idejhom kuljum fuq l-artal.”

Bonovillo beda jitfa’ l-għalf lill-bagħal tiegħu tant bil-ġuħ. Madankollu, l-annimal  mingħajr ma ta kas tal-ikel ta’ sidu, b’ubbidjenza resaq lejn Sant’Anton għawweġ irkopptejh quddiem l-Ewkaristija u baqa’ hemm f’adorazzjoni umli  bħala sinjal ta’ qima.  Il-Miraklu kien ċar għal kulħadd. Meta  Bonovillo ra hekk niżel hu wkoll għarkopptejh u pubblikament stqarr il-fidi tiegħu fil-Preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Minn dakinhar, hu u sħabu  kkonvertew  għall-Kristjaneżmu u saru devoti tal-Ewkaristija. Fuq dak il-post inbniet knisja b’tifkira ta’ dal-Miraklu kbir Ewkaristiku.

Dal-Miraklu hu msemmi fiż-żewġ dokumenti  L’Assidua  u Beninitas, meqjuża bħala l-aktar bijografiji antiki tal-ħajja ta’ Sant’Anton ta’ Padova.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Alatri, fl-Italja

Fil-Katidral ta’ Alatri ta’ San Pawl, għadu jinżamm sal-lum ir-relikwarju tal-Miraklu Ewkaristiku li seħħ f’dil-belt fis-sena 1228.

Żagħżugħa fi sforz biex tikseb l-imħabba ta’ qalbha, ikkonsultat ruħha ma’ saħħara li ordnatilha biex tisraq Ostja kkonsagrata biex is-saħħara tkun tista’ tagħmel biha  xarba maġika ta’ imħabba. Għalhekk diż-żagħżugħa maħkuma minn seħer tas-saħħara ġiet sfurzata tmur titqarben, tneħħi l-Ewkaristija  minn  ħalqha, taħbiha f’ċarruta u teħodha fid-dar tas-saħħara. L-Ewkaristija baqgħet moħbija għal tlett ijiem f’armarju antik  li fih kien jitqiegħed il-ħobż. Meta ż-żagħżugħa marret biex iġġib  l-Ostja kkonsagrata biex tgħaddiha lis-saħħara minflok l-Ostja sabet Laħam uman.

Iż-żagħżugħa beżgħet,u wara li nidmet mill-att sagrilegu tagħha għaddiet il-Laħam li kien għadu jnixxi d-demm lill-kappillan filwaqt li stqarret l-għemil ħażina tagħha. Ir-relikwa tal-Miraklu għadha miżmuma f’kappella tal-Katidral. Dal-miraklu għandu dokumentazzjoni estensiva, u hu msemmi fil-Bolla Fraternitas tuae ( 13 Marzu, 1228) tal-Papa Girgor IX li fiha jaħfer kemm liż-żagħżugħa kif ukoll lis-saħħara għall-għemil sataniku tagħhom. Il-Miraklu hu rappreżentat bit-tpinġija fuq il-ħitan tal-Katidral.

Il-Mirakli Ewkaristiċi ta’ Firenze, fl-Italja

L-ewwel Miraklu seħħ fl-1230, wara liċċelebra l-quddies Fr.Uguccione ma ppurifikax il-kalċi kif suppost, u b’mod involontarju ħalla ftit qtar tal-Inbid ikkonsagrat  fil-kalċi. L-għada meta l-qassis kien qed jipprepara għall-quddies innota li kien ġie fforma  Demm  koagulat fil-qiegħ tal-kalċi. Dad-Demm  intwera lis-sorijiet tal-monasteru u lill-isqof tal-lokal li qiesu mirakuluż. Id-Demm tqiegħed f’kunjett tal-kristall u ġie ppreżentat b’qima lin-nies. Wara nżamm għand is-sorijiet.  

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira fl-1595 fl-istess knisja ta’ Sant’Ambroġju, xemgħa mixgħula fuq l-artal tas-Sepulkru, waqgħet fl-art u kkawżat nar kbir fil-knisja. In-nies mill-ewwel ġrew biex jitfu n-nar u isalvaw l-Ewkaristija mit-Tabernaklu. Fil-kommossjoni kbira sitt frammenti ta’ Ostji kkonsagrati  waqgħu mill-pissidi fuq it-tapit li kien għadu jaqbad iżda minkejja n-nar dawn l-Ostji nstabu intatti. L-Arċisqof Marzio Medici ta’  Firenze ordna li ż-żewġ Speċi Sagri (id-Demm u l-Ostji taż-żewġ mirakli ) jitqiegħdu f’Relikwarju. Kull Mejju  waqt id-devozzjoni tal-Erbgħin Siegħa, ir-Relikwarju li jkun fih ukoll l-Ewkaristija jiġi espost għall-adorazzjoni tan-nies.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Caravaca de La Cruz, fi Spanja

Dal-Miraklu seħħ waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa  fit-3 ta’ Marzu 1231.

F’dak iż-żmien Caravaca u l-bqija ta’ Murcia kienu taħt il-ħakma Musulmana tal-Mori u eluf ta’ Kristjani ttieħdu priġunieri mis-Sultan Zeyt-Abu-Zeyt. Fosthom kien hemm is-saċerdot Gínes Pèrez de Chirinos de Cuenca, li l-predikazzjoni tiegħu qanqlu l-kurżità ta’ Zeyt-Abu-Zeyt, li staqsieh dwar ċerti aspetti tal-Fidi Nisranija. Is-saċerdot fost ħwejjeġ oħra spjegalu l-importanza tal-quddies. Affaxinat mill-kliem tas-saċerdot is-Sultan ordanalu minnufih jiċċelebra l-quddies. Is-saċerdot beda jiċċelebra l-quddiesa imma f’ċertu punt induna bin-nuqqas tas-Salib,ikkonfonda u waqaf. Is-Sultan staqsieh għaliex waqaf,u s-saċerdot qallu li kellu bżonn Salib fuq l-artal. Minnufih, is-sultan wieġeb: “Jista’ ikun dak?” Fil-fatt, f’dak il-ħin dehru żewġ anġli jpoġġu Salib fuq l-artal. Il-qassis kien imqanqal ħafna u radd ħajr lill-Mulej. Imbagħad kompla bil-quddies. Il-Miraklu kompla… Fil-mument tal-Konsagrazzjoni  s-Sultan  Musulman minflok l-Ostja kkonsagrata ra lil Ġesù Tarbija jħares lejh bi mħabba.  Għal din id-dehra qaddisa, is-Sultan u l-familja tiegħu kkonvertew għall-Kattoliċizmu u tgħammdu. Is-Sultan ħa l-isem ta’ Vincent u martu l-isem ta’ Elena. Minn dakinhar il-pajjiż beda jissejjaħ Caravaca de La Crux, u s-Salib ġie mdaħħal fl-emblema tal-pajjiż.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading