Is-sejħa ta’ San Pietru u San Pawl u dik tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Fid-29 ta’ Ġunju l-Knisja tiċċelebra l-martirju ta’ San Pietru u San Pawl. Ikun xieraq li f’dan il-jum nirriflettu wkoll fuq is-sejħa speċjali tagħna u kif din għandha tkun mudell għalina.

1• Is-Sejħa ta’ San Pietru

Biex nifhmu s-sejħa ta’ Pietru rridu nżommu f’moħħna li Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq it-tnax-il Appostlu kif il-poplu ta’ Iżrael kien mibni wkoll fuq tnax-il tribù. In-numru tnax ta’ dan il-kulleġġ appostoliku tant kien importanti li wara t-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej  San Pietru li kien il-kap tal-Knisja indirizza laqgħa ta’ mija u għoxrin ruħ biex jagħżlu Appostlu flok Ġuda. U ntagħżel Mattija.

Kristu nnifsu stess għażel lil Pietru biex ikun kap tat-tnax minkejja li ċaħdu tliet darbiet. Il-missjoni tiegħu kienet waħda eċċeżżjonali. Huwa kellu jkun l-ewwel kap tal-Knisja li kienet għadha titwieled, għex għal tliet snin ma’ Kristu, u kien ukoll xhud tal-qawmien. L-għażla tiegħu kienet ċara. Dejjem jidher l-ewwel  fil-lista tal-Appostli u fil-Ġdid Testment ma’ nsibu lil ħadd li ħadha kontra l-awtorità tiegħu.

Ma rridux nitqarrqu li naħsbu li l-missjoni ta’ San Pietru kienet waħda faċli. Il-Knisja li kienet għadha qiegħda titwieled kellha l-problemi tagħha filwaqt li kellha tiffaċċja xi persekuzzjonijiet. Iżda Kristu baqa’ miegħu u tah il-qawwa meħtieġa għal din il-missjoni saħansitra li kellu l-qawwa li jagħmel il-mirakli u jieħu deċiżjonijiet dwar toroq ġodda li l-Knisja bikrija kellha taqbad.

2• San Pawl

San Pawl irċieva wkoll  missjoni kbira għalkemm ma kienx wieħed mill-kulleġġ tat-tnax. Iżda hu xorta waħda kien Appostlu li ġie magħżul minn Kristu nnifsu fit-triq ta’ Damasku waqt li kien sejjer jippersegwita lill-insara. Fl-ewwel Ittra lill-Korintin huwa jistqarr b’umiltà: “Għax jien l-iżgħar fost l-Appostli, li ma jistħoqqlix nissejjaħ Appostlu, għax ippersegwitajt il-Knisja ta’ Alla” (15,9). Iżda jistaqarr ukoll ftit wara: “iżda tħabatt aktar minnhom kollha; mhux jien, imma il-grazzja ta’ Alla miegħi” (1 Kor 15 10 b).


Jekk naqraw l-Atti tal-Appostli naraw il-persekuzzjonijiet u d-diffikultajiet li ħabbat wiċċu magħhom dan l-Appostlu. Huwa stess jistqarr t-tbatijiet li għadda minnhom biex ixandar lil Kristu. Din is-silta hija verament sabiħa : “Mil-Lhud ħames darbiet ħadt l-erbgħin daqqa tas-swat neqsin waħda; tliet darbiet kont imsawwat bil-virgi; darba mħaġġar; tliet darbiet rajt il-għarqa; għamilt lejl u nhar f’nofs ta’ baħar. Safar bil-mixi bla għadd, perikli tax-xmajjar, perikli tal-ħallelin, perikli mill-popli tiegħi, perikli mill-pagani, perikli fil-belt, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli fl-aħwa qarrieqa, xogħol u taħbit, sahriet ta’ sikwit, ġuħ u għatx, sawm bla għadd, bard u għera” (2 Kor 11, 24-28).

San Pawl emmen fi Kristu u ħabbu b’mod mill-aktar intimu tant li wasal biex kiteb: “Jien msallab ma’ Kristu, ngħix imma mhux aktar jien, imma jgħix fija Kristu” (Gal 2, 19b-20a). Il-missjoni ta’ San Pawl narawha imsieħba wkoll mal-mirakli.

3• Is-sejħa tagħna

Quddiem il-missjoni ta’ dawn iż-żewġ Appostli nistgħu nirraġunaw li fejnhom ma aħna xejn u dak li qegħdin nagħmlu f’ħajjitna huwa ta’ ftit valur. Il-Kardinal John Henry Newman illum qaddis f’talba jesprimi li kulħadd għandu missjoni jew xi biċċa xogħol li jwettaq li ħadd ieħor ma jista’ jagħmilha. Jgħidilna: “Alla ħalaqni biex nagħmel servizz definit. Huwa tani xogħol xi nwettaq li ma jistax jagħmlu ħaddieħor. Jien għandi l-missjoni tiegħi. Jista’ jkun li ma nkunx nafha f’din id-dinja, imma tiġi murija lili fid-dinja l-oħra.”

Kull ma nagħmlu għandu jkun għall-glorja ta’ Alla anki l-aktar ħwejjeġ ta’ bla importanza u li jidhru ordinarji. San Pawl stess jgħidilna: “Mela sewwa jekk tieklu, sewwa jekk tixorbu, sewwa jekk tagħmlu xi ħaġa oħra agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla (1 Kor 10, 31).

Niftakru li matul il-ħajja ta’ dawn żewġ appostli ħajjithom ma kinitx straordinarja l-ħin kollhu.San Pietru ċaħad lil Kristu tliet darbiet filwaqt li San Pawl kien persekutur tal-insara. Iżda l-qawwa ta’ Kristu bidlithom fi bnedmin ġodda. L-istess Kristu illum għadu jsejħilna biex ninbiddlu, nittamaw fih filwaqt li nxandruh anki billi nkunu sempliċement xhieda tal-Vanġelu.

Ma ninsewx li Alla jitlob minn kulħadd xi ħaġa kif jgħidilna Santu Wistin: “Dak li ħalqek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek.”

Minn Angelo Xuereb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading