Il-Kardinal Parolin jappella għall-għaqda, mhux għall-firda, bħala reazzjoni għall-kriżijiet globali.

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa, l-Kardinal Pietro Parolin tkellem fil-qosor u b’mod liberu mal-ġurnalisti, u indirizza s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, fil-vjaġġ riċenti li kellu fl-Afrika, fejn kien qed jirrappreżenta lill-Papa Franġisku, u l-ħatra ta’ tliet nisa f’karigi ewlenin fil-Kurja.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan għamel il-kummenti tiegħu fl-Ambaxxata Taljana għas-Santa Sede f’Ruma, fejn kien qed jitkellem dwar il-kriżi tal-ilma, li qed tolqot l-aktar lill-ifqar pajjiżi, fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-ktieb ‘Il senso della sete: L’acqua tra geopolitica, diritti, arte e spiritualità (Is-sens tal-Għatx: Ilma bejn Ġeopolitika, Drittijiet, Arti, u Spiritwalità) ta’ Fausta Speranza.

Fuq s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, l-Kardinal Parolin qal, “il-Papa jrid imur fl-Ukrajna u se jmur kemm jista’ jkun malajr”, filwaqt li kkonferma x-xewqa tal-Papa li jivvjaġġa lejn Kiev biex juri l-qrubija tiegħu mal-poplu Ukren meqrud mill-vjolenza tal-gwerra. Għalissa, l-vjaġġ li jmiss tal-Papa, huwa lejn il-Kanada.

Meta ġei mistoqsi dwar il-konsegwenzi globali tal-kunflitt fl-Ukrajna u t-taqlib li qed jikkawża fil-gvernijiet Ewropej, il-Kardinal Parolin qal: “Nemmen li fix-xenarju dinji attwali, aktar ma jkun stabbli l-gvern, aktar ikun kapaċi ilaħħqu mal-ħafna sfidi; dawn huma sfidi taż-żminijiet. Ħadd ma seta’ jimmaġina li minn din il-gwerra kienet se tirriżulta kriżi ġeneralizzata, kemm f’termini ta’ ikel, kif ukoll ta’ enerġija. Allura ċar, meta jkun hemm xi ħadd responsabbli mis-sitwazzjoni, dan jiffaċilta s-soluzzjonijiet. Irridu naħdmu lkoll flimkien u mhux ninfirdu!” enfasizza l-Kardinal.

Dwar il-vjaġġ riċenti li kellu fil-kontinent Afrikan, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal: “Jien mort ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan t’Isfel biex nassigura lill-abitanti taż-żewġ pajjiżi li l-Papa bi ħsiebu jmur. Il-vjaġġ ġie pospost biss minħabba l-kundizzjonijiet ta’ saħħet il-Papa”. Il-Kardinal Parolin spjega li jrid jintgħażel perjodu ta’ żmien xieraq sabiex jiġu evitati l-istaġuni tax-xita. Innota wkoll li dawn il-perjodi ta’ xita fis-Sudan t-Isfel ma jikkoinċidux ma’ dawk fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għalhekk iż-żjara trid tkun ippjanata bir-reqqa.

Il-Kardinal tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ tliet nisa fid-Dikasteru tal-Isqfijiet. “Il-ftuħ tal-Knisja għad-dinja tan-nisa tkompli”, qal il-Kardinal Parolin, filwaqt li nnota li sa dan il-punt, l-ebda mara qatt ma kienet parti minn dan “l-uffiċċju importanti ħafna”, li huwa responsabbli biex jipprepara dokumentazzjoni b’tagħrif fuq il-persuna li jiġu sottomessi lill-Papa għall-ħatra tal-Isqfijiet. Innota wkoll li l-ħatra tan-nisa fid-Dikasteru ssegwi mar-riforma tal-Kurja Rumana implimentata mill-Qdusija Tiegħu fil-Kostituzzjoni Appostolika Prædicate evangelium li ġiet promulgata dan l-aħħar.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-07/cardinal-parolin-calls-for-unity-in-response-to-global-crises.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading