San Ġorġ u l-frott tal-Ispirtu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 17 ta’ Lulju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità Festiva ta’ San Ġorġ Martri. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-ta-san-gorg-victoria-il-hadd-17-ta-lulju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Nixtieq nibda b’mistoqsija. Ġesù qalilna: “Jiena d-dielja vera” (Ġw 15:1), u jien nistaqsi: Liema hi d-differenza bejn dielja vera u dielja li mhix vera? X’jagħmel id-dielja vera, u x’jagħmel dielja li mhix vera? Veru, forsi ħadd minna ma hu bidwi, għalkemm suppost aħna Ġorġjani – georgos tfisser bniedem li jaħdem l-art. Xi ftit jew wisq suppost li lkoll kemm aħna bdiewa, għandna l-ispirtu tal-bidwi li ma jiħux il-ħajja bl-ispontanjetà, imma għandu l-kapaċità li jippjana, u għandu l-kapaċità wkoll li jadatta ruħu għas-sitwazzjonijiet, għat-temp, għall-ġrajjiet tal-istorja. Kieku jaħasra għandna ftit iktar dawn l-attitudnijiet, kemm inkunu aħjar!

Allura din id-differenza bejn id-dielja vera u dik mhix vera x’jagħmilha? Għax hawn dwieli li mhumiex ta’ veru. Kultant id-dwieli li mhumiex ta’ veru jidhru ħafna isbaħ minn dawk li huma ta’ veru, għax is-sustanza ma tmurx fl-għenba; għax l-għenba mhix hemm, jew jekk qiegħda hemm mhix tajba għax qarsa. Is-sustanza tmur fil-weraq, allura meta tara dak li jidher minn barra, tgħid: ‘Din għalqa tad-dwieli tal-ġenn’; imma fil-fatt, meta tmur tfittex fiha, ma ssib xejn. Lanqas l-għasafar tal-bejt ma jduru magħha, għax ma jsibux x’jieħdu għalihom.

Id-dielja vera liema hi? Hija dik li tista’ tkun sabiħa ħafna, bħalma hi d-dielja mhux vera, imma tista’ tkun inqas sabiħa; imma d-dielja vera hi dik li tagħti l-frott. Smajnieh kif jispiċċa l-Evanġelju tal-lum (Ġw 15:1-8), b’mod sabiħ ħafna. Ġesù jkun fl-aqwa tiegħu: “Il-glorja ta’ Missieri hi li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi” (v. 8). Mela d-dielja vera hi dik li tagħmel il-frott.

Għalfejn Ġesù fl-Evanġelju jgħid: “Jiena d-dielja vera” (v. 1)? Mela fi żmienu wkoll kien hemm xi dielja li mhix vera? U żgur… kien hemm dielja li ma kinitx vera. Fit-Testment il-Qadim il-poplu ta’ Iżrael kien jiġi rrappreżentat permezz ta’ żewġ tipi ta’ siġar. L-ewwel, is-siġra tat-tin, bil-ħlewwa tagħha, tant li l-Lhud kienu joqogħdu attenti li jaqraw u jistudjaw l-Iskrittura, jekk jista’ jkun għad-dell tas-siġra tat-tin. Ma tantx kellhom x’jagħżlu l-Lhud, u sal-lum forsi ma tantx għandhom x’jagħżlu, għax ix-xemx taħraq tagħhom, bħal tagħna, tant toħloq nixfa li s-siġar ma tantx jistgħu jikbru. Imma siġra tat-tin, li tiflaħ għas-sħana u għall-maltemp, kapaċi żżomm. Il-ħlewwa tat-tina, il-ħlewwa tal-bajtar tal-frotta tat-tina, għal-Lhud kienet tixbah il-ħlewwa ta’ dak li jiġri meta jaqraw l-Iskrittura, tal-Kelma ta’ Alla. Insibuha diversi drabi: Eżekjel, Ġeremija, l-Apokalissi… Il-Kelma ta’ Alla qisha dik il-ħlewwa għasel li meta nismagħha, tidħol fija. Kultant tibqa’ l-ħlewwa, imma kultant toħloq il-morr. Meta toħloq il-morr? Meta din il-Kelma ċċanfarni, għax il-Kelma ta’ Alla mhux biss tikkonfermani, mhux biss tapprova dak li nagħmel u dak li jien, imma wkoll, jekk jien sinċier, jekk jien veru, iċċanfarni.

Minbarra s-siġra tat-tin il-Lhud kienu jkunu rrappreżentati fid-dielja. Tant hu hekk li, immaġinaw, il-bieb qabel ma tidħol mill-bitħa għall-Qaddis tal-Qaddisin fit-Tempju ta’ Ġerusalemm – bieb kbir daqs il-bieb tal-Knisja – kien imdawwar minn isfel għal fuq u jerġa’ għal isfel b’kannizzata. Imma din il-kannizzata ma kinitx ta’ veru, imma kienet tad-deheb, b’għenieqed ta’ għeneb tad-deheb. Ġużeppi Flavju, studjuż li għex ftit wara Ġesù, jgħidilna li dawn l-għenieqed tal-għeneb tad-deheb kienu saħansitra kbar daqs raġel. Dawn kienu jirrappreżentaw lill-poplu ta’ Iżrael. Imma kif jgħid tajjeb il-Profeta Iżaija f’kapitlu 5, fl-għanja tal-għalqa ta’ dwieli – naqrawha matul il-Ħdud tas-sena –, lill-poplu ta’ Iżrael Alla qalgħu mill-Eġittu biex ħawlu f’post addattat għalih, f’Iżrael: “Għażaqha u naddafha miż-żrar, u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar; bena torri f’nofsha, u wkoll ħaffer magħsar fiha” (v. 2). Dan il-poplu lil Alla, minflok li raddlu l-frott, il-Profeta Iżaija jgħidilna li raddlu weraq “u għeneb qares” (v. 4).

Meta aħna jiġrilna li lil Alla nroddulu weraq u għeneb qares? X’inhu dan il-frott li aħna msejħin għalih, kull wieħed u kull waħda minna, bħall-fergħa miz-zokk? Kemm hi sabiħa din il-knisja dalgħodu! Jien nistħajjilha ritratt tajjeb tal-Evanġelju tal-lum. Ġesù huwa z-zokk, u aħna, kull wieħed u kull waħda minna, il-friegħi li ħerġin miz-zokk. Jien qed nagħmel il-frott? X’inhu dan il-frott? Ħa naraw bil-mod. Jekk qed nagħmel il-frott, jien magħqud maz-zokk. Jekk m’iniex nagħmel frott – jekk il-werqa tiegħi sabiħa, jekk il-festa minn barra hi kbira u sabiħa, imma frott ta’ veru kif jifhmu Ġesù aħna ma wasalniex għalih – allura, għalkemm ritratt ta’ dielja, imma d-dielja mhix kollha tajba. Mhux kull fergħa hi marbuta maz-zokk, anki jekk qegħdin hawn dalgħodu.

Ħa nkunu aktar konkreti u prattiċi. X’inhu dan il-frott? Jgħidilna San Pawl b’mod sempliċi u sabiħ ħafna fl-Ittra lill-Galatin, kapitlu 5. Smajtuhom jingħadu wkoll fit-Tridu sabiħ li kellkom fil-ġranet li għaddew: il-frott tad-dielja, il-frott li jien u int imsejħin li nagħmlu, imma mhux weħidna. Weħidna frejjeġ kapaċi nagħmlu, u mhux il-frott li jsemmilna San Pawl! Il-frott nagħmluh jekk aħna magħqudin mad-dielja, maz-zokk, ma’ Ġesù.

San Pawl isemmi disa’ frottiet. Jgħidilna li l-ewwel frott huwa l-imħabba. Ħares lejn il-familja tiegħek. Kieku titla’ ftit ’il fuq, fuq is-saqaf, fuq il-bejt tad-dar, u tħares ’l isfel, u tistaqsi u tgħid: imma fil-familja tiegħi hemm iktar imħabba jew iktar rabja; hemm iktar għotja lil xulxin, jew kompetizzjoni? Fil-familja tiegħi xi klima emottiva teżisti? L-imħabba, l-ewwel frott li jsemmi San Pawl, f’Galatin 5:22.

It-tieni frott tal-Ispirtu: l-imħabba ta’ veru ġġib l-hena, iġġib il-paċi fil-qalb, il-ferħ. Imma jien nista’ ngħid li għandi l-hena? San Ġorġ jgħallimna li l-hena ma nsibuhx xi mkien barra. L-hena ma nsibux fil-bar, fid-diskoteka, fil-ħaxixa. L-hena ma nsibux barra, imma ġewwa fija. Jekk jien magħqud mad-dielja, għalxejn nibqa’ nfittex barra. Il-magna tal-ekonomija hija mibnija fuq id-dgħufijiet tal-bniedem, fuq id-difetti tagħna, fuq l-inganni tagħna, fuq l-illużjoni li l-ferħ qiegħed xi mkien hemm barra. Kulħadd jipprova joffrih, bl-irħis kemm jista’ jkun, u f’kompetizzjoni. Imma l-ferħ u l-hena mhux qiegħed hemm barra. L-hena qiegħed hawn ġew [fil-qalb], meta int tipprova tħobb. Jaħasra, din għandna esperjenza tagħha kollha kemm aħna! Għax ilkoll kemm aħna ġejna f’sitwazzjoni li llum jew għada rridu nagħmlu mqar sagrifiċċju żgħir għal xi ħadd, u tinduna li dak hu l-hena!

Imbagħad San Pawl ikompli. Xi ħaġa iktar profonda mill-hena hija l-paċi, li hija t-tielet frott tal-Ispirtu. Il-paċi minn fejn tiġi? San Ġorġ għex f’sitwazzjoni kontradittorja. Dan kien Nisrani, dan kien jemmen f’Ġesù, iħobb lil Ġesù, imma qed jgħix f’sitwazzjoni ta’ gwerra, ta’ persekuzzjoni, f’imperu ta’ inċertezza kbira, valuri li mhumiex valuri – is-sitwazzjoni tagħna. Kif kien isibha l-paċi San Ġorġ? Minn fejn inġibuha l-paċi? Ma ninsewx: mhux weħidna, imma jekk inkunu magħqudin maz-zokk. Issa naraw kif inkunu magħqudin maz-zokk. Il-paċi nsibuha jekk int u jien, kull wieħed u kull waħda minna, inħossuna profondament fl-istonku tiegħu, hemm ġewwa nett – fejn meta tkun imdejjaq ikollok it-tferfir – inħossuna sew. Għax tħossok tassew maħbub minn Alla, tħossok tassew iben ta’ Alla, maħbub minn Alla. Ilkoll kemm aħna għandna vojt kbir hawn ġew; u ma nimlewhx qabel ma nindunaw li aħna wlied ta’ Alla.

Liema huma l-frottiet ta’ din id-dielja li San Ġorġ, il-georgos, il-bidwi ta’ veru, jixtieq li intom Ġorġjani tagħtu u tagħmlu fil-ħajja tagħkom? Is-sabar. Min baqagħlu sabar illum? Anzi, nirringrazzjakom li qed tieħdu paċenzja bija u b’din il-quddiesa: huwa eżerċizzju ta’ sabar. Imma l-paċenzja b’min? Mhux bin-nies – bin-nies ukoll! – imma ħafna drabi lanqas għandna paċenzja bina nfusna. X’jiġri meta nħoss xi mkien juġagħni? X’jiġri meta hemm xi ħaġa li lili ma ddoqqlix jew qed iddejjaqni? Lanqas sabar bija nnifsi. Kważi kważi, irrid neħles minni nnifsi, illum qabel għada. Lanqas il-kapaċità li naċċetta fija xi ħaġa li mhix kif nixtieq jien. Dan is-sabar li qed ikellimna fuqu San Pawl. Għax il-frott tal-Ispirtu li jitkellem dwaru San Pawl hu għalina, għall-ġid tagħna; biex kull wieħed u kull waħda minna jgħix f’ġismu, jgħix fih innifsu. Aħna ħafna drabi ngħixu ’l barra minna nfusna, fix-xewqat tagħna, fl-illużjonijiet tagħna, fil-guilt feelings, għax għamilna ħażin hekk u ma jogħġobniex hekk. Ma ngħixux fina nfusna. Dejjem irridu mmaqdru xi ħaġa minna, aħseb u ara mill-oħrajn.

Il-ħlewwa. Fil-familja tagħna teżisti l-ħlewwa, jew naħtfu lil xulxin? Darba kont qed nitkellem ma’ koppja, u hi kienet marret l-ewwel darba fid-dar tal-għarus tagħha. Dawn, imsieken, forsi kienu mdorrijin jaħtfu lil xulxin. Dik qalet: ‘Jien ħsibthom irrabjati għalija’. U dak qed jipprova jfehemha: ‘U le, aħna hekk nitkellmu bejnietna – kważi kważi ninbħu lil xulxin – hekk nitkellmu bejnietna’. Il-ħlewwa fejn hi? Imma minn fejn tiġi din il-ħlewwa? Mhux sforz tagħna din il-ħlewwa, imma l-ħlewwa ġejja meta inti jkollok abbiltà, meta int tkun sew ġo fik, meta tkun kalm, meta jkollok il-paċi fil-qalb, meta tkun magħqud maz-zokk, meta tkun magħqud ma’ Ġesù Kristu, li hu z-zokk.

Imbagħad barra l-ħlewwa għandna l-fidi. Il-fidi mhux biss f’Alla, mhux biss fit-tagħlim tal-Knisja, imma xi drabi l-fidi fina nfusna, u anki fl-oħrajn – il-fiduċja. Kemm hemm bżonn li nagħmlu eżami fil-fond tal-fiduċja! Kemm għandna għalfejn noqogħdu attenti. Għax il-fiduċja ma tgħaddix billi jien ngħidlek: ‘Isma’, afda ta!’. Ma tiġix hekk. ‘Isma’, serraħ rasek minni ta!’. Ma tiġix hekk. Kif ser nafda fik jien, jekk ommi lili telqitni meta kelli sentejn, jekk dik il-persuna li l-iktar li kelli fiduċja fiha jien spiċċajt ma nafx fejn hi, spiċċajt ittradut minnha? Kif ser nafda fik jien? Id-diskors tal-fiduċja mhux trasmissjoni ta’ ideat; hija esperjenza. Esperjenza li nistgħu nirkupraw – għax ilkoll kemm aħna mimsusin, ilkoll kemm aħna feruti fil-fiduċja – imma esperjenza li aħna lkoll nistgħu nirkupraw, nirrestawraw, infejqu, meta nkunu magħqudin mad-dielja. Kif jista’ jkun jien nafda u nemmen f’Alla? Bir-raġun il-fidi f’Alla tonqos, għaliex l-esperjenza ta’ fiduċja bejnietna ma baqgħalhiex valur, m’għadhiex tiswa. San Ġwann jgħid: “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li ma jarax?” (1 Ġw 4:20). Jien ngħid: Kif nista’ nafda f’Alla li ma narax, jekk lanqas lil ħija ma nafda? Kif jista’ jkun? Ara x’mixja għandna bżonn nagħmlu, ara kemm għandna bżonn inkunu magħqudin ma’ din id-dielja!

Dawn huma x-xewqat ta’ Ġorġi, il-bidwi ta’ veru: li aħna nagħmlu l-frott. Ma jkunx bidwi ta’ veru dak li jkun kuntent b’għalqa sabiħa, imnaddfa, b’ċint magħmul mill-ġebel minn tal-aħħar… imbagħad ma tagħmilx frott. X’sejjer jagħmel biha dik l-għalqa jekk id-dielja ma tagħmilx frott, jekk id-dwieli ma jagħtux frott? Ġorġi jkun tassew kuntent meta jkun ċert, meta moħħu jkun mistrieħ li jien u intom, ilkoll kemm aħna, magħqudin ma’ Ġesù Kristu, id-dielja vera. Dakinhar aħna nistgħu nagħmlu l-frott!

Il-ħniena, frott ieħor tal-Ispirtu s-Santu; u r-rażan. Dawn nistgħu nagħmlu fuqhom esperjenza ta’ mixja ta’ fidi. Għidtilkom li kieku sew li jkollna l-attitudni tal-bidwi. Bidwi huwa bniedem li jitrażżan, għax il-bidwi jippjana, ma jimxix fuq l-istint, imma joqgħod attent għal x’riħ hu, joqgħod attent jekk hix ġejja x-xita, jekk hix nieżla n-nida. Il-bidwi joqgħod attent ħafna għar-realtà ta’ madwaru. Għandna bżonn aħna jkollna dawn l-attitudnijiet. Imma għalfejn? Biex nagħmlu pjaċir lil min? Lil ħadd ħlief lilna nfusna! Biex ngħixu l-umanità tagħna kif jixtieqha Alla. Imma kif ser nagħmlu dan kollu? Kif għamlu Ġorġi dan kollu?

Jien dawn il-ġranet, waqt li qed nipprepara, qrajt il-ħafna leġġendi u stejjer marbutin ma’ San Ġorġ. Imma tibda tistaqsi, bħalma jistaqsi kulħadd: Veru? Mhux veru? Kull ġrajja hija vera, imma vera mhux għax ġrat fid-dettalji: imma veru li hemm dragun; veru li hemm xi ħadd li l-iskop tiegħu hu sempliċiment li jiekol minn fuq dahar ħaddieħor; veru hemm dragun, li jekk kultant ma tagħtihx in-nagħġa – tnejn kuljum, tgħid il-leġġenda – dan jirribella u joqtol il-belt. Min huma dawn in-nagħġiet li aħna qegħdin nitfgħu f’ħalq id-dragun? Jiena nistaqsi: Min huma dawn il-fraġli tas-soċjetà li aħna qed inbellgħu lid-dragun biex inżommuh kwiet? Mhumiex iż-żgħażagħ, għal li jista’ jkun, hux? Mhumiex l-anzjani, għal li jista’ jkun, hux? Mhumiex it-trabi fil-ġuf, għal li jista’ jkun, hux… li aħna qegħdin inbellgħulu dan id-dragun biex inżommuh kwiet?

Għandna bżonn lil xi ħadd iqum, bħal San Ġorġ, xi ħadd marbut maz-zokk, marbut ma’ Ġesù Kristu; xi ħadd li kapaċi jgħid: ‘Isma’, għax ma neqirdux lid-dragun?’. Aħna tant drajna nbellgħulu lid-dragun, li kważi kważi sirna nħossuna ħatja jekk ma nbellgħulux lid-dragun, qed nagħmlu xi ħaġa ħażina jekk ma nbellgħulux lid-dragun.

Interessanti l-Profeta Iżaija, f’kapitlu 5, meta jiġi biex jiddeskrivi dik l-għalqa tad-dwieli li ma kinitx vera. Kieku jkollna naqraw dak li jiġi wara, konna nibqgħu b’ħalqna miftuħ. Tafu x’jgħid il-Profeta Iżaija? Kif titilqu minn hawn, morru araw kapitlu 5 tal-Profeta Iżaija. Tgħid: ‘Dan qed jgħid għalina!’. Lil min jakkuża li hu għalqa ta’ dwieli li ma tagħtix frott? Lil dawk li ħsiebhom “iżidu dar ma’ dar” (v. 8), għax dar waħda mhix biżżejjed. Il-problema tafu x’inhi? Li nżidu dar ma’ dar, ma’ dar, ma’ dar… u d-dar tagħna żvojtat. Minn xiex? Mill-imħabba, mir-relazzjonijiet. Biex imtliet? Bil-flus. Illużjoni li dawk se jagħmluna kuntenti, ferħanin. Ikompli Iżaija: għaliex l-għalqa ta’ dwieli mhix vera? Għax dawn ħawdu l-lejl man-nhar, jibqgħu mqajmin sas-sebħ (ara v. 11). Il-lejl iservi biex jitbaħardu u jiddevertu, biex ifittxu dak li ma jimlilhomx qalbhom. Tgħid Iżaija qed jitkellem dwarna? Qed jitkellem għas-sitwazzjoni tagħna?

Ikompli Iżaija u jgħid li dak li hu veru u dak li hu tajjeb, isejħulu falz u ħażin: “Dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin, u l-ħażin it-tajjeb” (v. 20). Aħna mhux hekk qed jiġrilna? Dak li hu tajjeb u dak li hu veru, qed insejħulu falz. Min jgħid li hu tajjeb u veru? Il-Knisja? Le! Idħol daħla ġo fik innifsek, u ara hux sew li tagħżel bejn tarbija u tarbija; ara hux sew li dik il-ġilda li tgħatti lil dik il-ħajja tagħmel id-differenza: għax hemm il-ġilda, proprjetà; għax m’hemmx il-ġilda, il-persuna hija libera u għandha d-drittijiet tagħha! Imma dan qed nirraġunaw aħna b’moħħna, jew inkella hemm id-dragun li qegħdin kull tant u tant nagħlfuh?

Ejja nirriflettu ftit! Għaliex hija kontradizzjoni li minn naħa liż-żgħażagħ tagħna ngħidulhom: ‘Tistgħu tieħdu l-ħaxixa’, u min-naħa l-oħra, jekk xi ħadd jinqabad ibigħha… għax mhux kulħadd għandu jedd li jbigħha l-ħaxixa. Aħna nafu, u araw ma mmorrux bl-idea li ż-żgħażagħ tagħna kollha bil-pjanti fid-dar, b’xi erba’ pjanti, kif tistqarr il-liġi, u qed ikabbru l-ħaxixa! Ara ma timmaġinawhomx hekk liż-żgħażagħ tagħna! Nixtieq nisfida li lanqas wieħed minn għaxra ma jagħmilha din il-biċċa tax-xogħol. Għax darrejniehom bl-iswiċċ. X’ser jagħmel? Se jieħu ħsieb il-qasrija ż-żagħżugħ tagħna? Ma nkunux għomja u dak li hu veru ngħidulu falz. Dawn minn xi mkien qegħdin iġibuha. Ma nħawdulhomx moħħhom. Allura, jew tajba jew mhix! Ma ngerfxuhomx, b’mod speċjali f’din l-età hekk delikata. Qed nitkellmu fuq San Ġorġ, żagħżugħ ta’ għoxrin sena illi għaraf jibqa’ magħqud mad-dielja, għaraf jibqa’ magħqud ma’ Ġesù Kristu.

Kif ser ningħaqdu ma’ Ġesù Kristu? Għax jista’ jkun li lanqas aħna m’aħna magħqudin miegħu. Ara ma nimlewx rasna li billi qegħdin hawn, jew forsi għax ġejna l-Festa one off ta’ San Ġorġ, forsi niġu fil-Milied u fl-Għid, qed nagħmlu xi frott! Ara ma nimmaġinawhiex! L-ewwel wieħed jien. Kif inkun magħqud ma’ Ġesù Kristu? Fl-Evanġelju tal-lum, għal disa’ darbiet, insibu l-verb toqgħod – tibqa’. Kif ser noqogħdu ma’ Ġesù Kristu? B’żewġ modi.

Ġesù nnifsu qalilna fl-Evanġelju: id-dielja tista’ tiġi ppurifikata permezz tal-Kelma ta’ Alla. Meta l-Kelma ta’ Alla tismagħha ta’ veru, x’tagħmillek? Teħilsek, toħroġ b’nifs ġdid, toħroġ tieħu nifs aħjar. Il-Kelma ta’ Alla mhix għajr dik il-verità li qiegħda fil-fond tal-fond tal-qalb tagħna; u aħna m’aħniex kapaċi noħorġu weħidna. Ġo fija, ġo fik, ġo kull wieħed u kull waħda minna, hemm xewqa kbira taħraq biex tiltaqa’ ma’ din il-verità. Meta tiltaqa’ magħha, tgħid: ‘Iva, issa jien, issa qiegħed insib lili nnifsi’. Dan li tagħmel il-Kelma ta’ Alla, jekk aħna magħqudin maz-zokk li huwa Ġesù Kristu, mad-dielja vera, li hija Ġesù Kristu.

Il-mod l-ieħor. Ma nixtieqx li tkun oratorija din tal-lum u tibqa’ hawnhekk. Ejjew neħduha bis-serjetà. Jien ħadt gost li ħadtu bis-serjetà l-Beatitudnijiet f’din il-parroċċa [il-Proġett Fejn hu ħuk?]. Jalla ma jibqgħux imwaħħlin mas-saqaf dawn il-Beatitudnijiet. Jalla ma tibqax okkażjoni ta’ darba, imma trid issir id-DNA tal-persuna tagħna, il-frott tiegħi, il-frott tiegħek, ta’ kull wieħed u kull waħda minna fil-ħajja Nisranija. Imma kif ser isir dan? Mhux b’impożizzjoni, imma billi jien nibqa’ magħqud ma’ Ġesù Kristu, permezz tas-smigħ tal-Kelma u tal-Ewkaristija. Tlifnieha l-Ewkaristija ta’ kuljum; imma b’xorti ħażina qed nitilfu l-Ewkaristija tal-Ħadd. Skużawni ngħidilkom – u aċċettawha – għalxejn qegħdin hawn illum, jekk il-Ħadd m’aħniex niġu għall-quddiesa! Jekk il-Ħadd mhux qed immorru l-quddiesa, illum għalxejn qed niċċelebraw lil San Ġorġ!

Ma ninsewx x’għamel Ġorġi f’Nikomedja, meta Djoklezjanu waħħal mal-bibien tal-belt digriet li ordna permezz tiegħu li jinqerdu l-Kotba Mqaddsa, li jingħalqu l-knejjes. Ma ninsewx x’għamel! Minħabba f’hekk hu sofra l-martirju. Imma għaliex? Għax kien magħqud mad-dielja, ma’ Ġesù Kristu. Mar u qalagħhom kollha, wieħed wieħed u waħda waħda, dawn id-digrieti. Għaliex? Għax il-Kelma ta’ Alla kienet il-ħajja ta’ San Ġorġ. Ejjew nitolbuh lil San Ġorġ, biex filwaqt li nieħdu ħsieb l-għalqa tad-dwieli, nieħdu ħsieb is-sbuħija: is-sbuħija tal-għajnejn, tal-widnejn. Imma mhix biżżejjed, għax hemm sbuħija oħra li lilna tagħmilna nies ta’ veru, bnedmin: hija sbuħija li tiġi meta jiena u int nibdew nagħmlu l-frott, għax magħqudin mal-persuna ta’ Ġesù Kristu, bħalma kien San Ġorġ.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading