Persekuzzjoni pulita kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika

Print Friendly, PDF & Email

Il-“persekuzzjoni pulita”, li fl-2016 il-Papa Franġisku ddeskrivieha li hi “imlibbsa bħala kultura, imlibbsa bħala modernità, imlibbsa bħala progress”, illum tinsab magħna daqs qatt qabel. Il-Papa Franġisku kien uża l-espressjoni “persekuzzjoni pulita” għal meta xi ħadd hu persegwitat, mhux għax qed jistqarr isem Kristu, imma għax jistqarr il-valuri tal-Vanġelu.

Pajjiżi sinjuri qed jimbuttaw policies li l-Knisja Kattolika tqishom bħala kuntrarji għad-dinjità tal-bniedem u jesiġu rabtiet mal-għajnuna li jagħtu lill-pajjiżi fil-bżonn. Dawn il-policies, li ma jaqblux mat-tagħlim tal-Knisja, huma spiss moħbija taħt il-kappa ta’ protezzjoni lill-popli foqra, ngħidu aħna f’każ ta’ omm quddiem tqala li ma tridx, jew xi ħadd li hu miġbud lejn l-istess sess u minħabba f’hekk għaddej minn vjolenza jew minn diskriminazzjoni. Il-midja tinqeda b’sitwazzjonijiet infeliċi ta’ dawn n-nies biex tiġġustifika li hemm intenzjoni tajba fl-għajnuna li qed tingħata.

Nistaqsu: min ma jaqbilx li nies vulnerabbli u marġinati għandhom jiġu protetti? Dan hu li tħaddan u tgħallem il-Knisja Kattolika, bħal ħafna oħrajn li jemmnu, li kull bniedem hu maħluq fuq ix-xbiha ta’Alla u għandu dinjità invjolabbli. Il-vjolenza, ta’ kull għamla, għandha tkun tkun ikkundannata.

Għajnuna b’kundizzjoni

Raġunar sottili

Imma qegħdin naraw raġunar sottili, u xi drabi mhux daqshekk sottili, bejn li tipproteġi n-nies mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni tkun favur ideat li jmorru kontra l-morali. Dak li jmur kuntrarju d-dinjità li jixraqlu l-bniedem, imur kontra n-natura u kontra l-iskop tal-familja umana. Rajna, u qed naraw iktar, reġimi li mill-protezzjoni jaqbżu għal li jippromwovu ideat ġodda tan-natura tal-persuna u tas-sesswalità umana.

Din l-imbuttatura mhijiex ġdida, imma issa qed terfa’ rasha, qed tikber u qed tkun inqas moħbija. Niltaqgħu ma’ linji-gwida fejn organizzazzjonijiet mhux governattivi qed jimplimentaw programmi edukattivi li jorjentaw mill-ġdid il-materjal edukattiv, fosthom li jaffermaw it-teorija tal-ġeneru. Fl-2016 il-Papa Franġisku kien qal li: “fl-iskola, it-tfal huma mgħallma dan: li kulħadd jista’ jagħżel is-sess tiegħu. U għaliex ngħallmu dan? Għaliex il-kotba huma tan-nies u tal-istituzzjonijiet li jagħtuk il-flus.  Dawn huma ideoloġiji ta’ kolonizzazzjoni, megħjuna wkoll minn pajjiżi influwenti ħafna.”

Jinkuraġġixxu lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jikkunsidraw li jaġġornaw dak li jqisu bħala antikwat fil-liġijiet dwar il-ħajja. Jinkludu fil-kurrikulu aspetti tas-saħħa sesswali li ma jaqblux mat-tagħlim konsistenti tal-Knisja.

Direttivi bħal dawn ma jaqblux mal-iktar tagħrif rudimentali tan-natura u tad-dinjità umana. Hemm il-periklu li dawn l-ideat imorru kontra dak li suppost ikun protett, li ċertament ikunu kontra ħafna reliġjonijiet, kulturi u tradizzjonijiet li l-pajjiżi sinjuri qed ifittxu li jgħinu.

Dan hu li qed jiffaċċjaw dawn il-komunitajiet f’pajjiżi foqra. Qed jippruvaw jitimgħu komunitajiet li huma-f’xifer il-ġuħ u l-insigurtà, popli li qed iħabbtu wiċċhom ma’ klima li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Imma mal-għajnuna jkun hemm marbut pakkett b’dan it-tip ta’ spag. Hu diffiċli ħafna biex timbotta kontra.

L-abort fil-Bolivja

Pajjiż li ħass l-influwenza ta’ pressjoni minn barra biex jibdel il-liġijiet tal-abort hi l-Bolivja. Organizzazzjonijiet mhux governattivi kellhom sehem qawwi biex jiġi faċilizzat l-abort, minkejja l-protezzjoni għat-tarbija fil-kostituzzjoni tal-pajjiż. L-NGO’s għamlu pressjoni fuq il-gvern biex japprova l-abort.

Familja fil-Bolivja

In-nies tal-Bolivja huma foqra, u jħobbu l-familja. Il-familji tal-bdiewa ma jridux l-abort, imma l-NGO’s imorru għandhom u jitkellmu magħhom. Jgħallmuhom: “Intom għandkom bżonn l-abort; dan hu importanti”. Waslu biex f’każ ta’ stupru, mhemmx għalfejn jiġi ppreżentat l-ilment. Biex mara jkollha aċċess għall-abort, id-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li t-tqala ġiet minn stupru, hi biżżejjed. B’hekk biss it-tobba jkollhom prova li tiġġustifika l-proċedura tal-abort.

Dan il-proċess hu msejjaħ “l-interruzzjoni legali tat-tqala”, li japplika f’każi ta’ akkużi ta’ stupru jew fejn hemm risku għall-ħajja tal-omm. Imma fil-fatt hu abort liberu, għax l-eċċezzjoni tas-saħħa tal-omm hi wiesgħa biżżejjed biex tinkludi s-saħħa bijoloġika, mentali jew soċjali tal-omm. Dan wassal biex f’xi każi fejn sar l-abort it-trabi nħarġu mill-ġuf ħajjin u tħallew imutu. F’xi sptarijiet kien hemm tentattivi biex jittieħdu passi kriminali kontra persuni fl-amministrazzjoni li ma ħallewx li jsir l-abort.

Storja ta’ tifla

Hemm storja li ngħatat attenzjoni internazzjonali, ta’ tifla ta’ 11-il sena li ma riditx tneħħi t-tarbija imma ġiet imġiegħla mill-uffiċċju tal-ombudsman biex twettaq abort f’24 ġimgħa ta’ tqala. Il-femministi akkużaw lill-Isqfijiet Bolivjani li influwenzaw id-deċiżjoni tat-tifla, meta din ma kienet għamlet l-ebda kuntatt mad-delegat tal-Konferenza Episkopali.

Kienu l-ombudsman u l-gruppi femministi li kellhom aċċess għat-tifla u għall-familja tagħha, u għamlu pressjoni enormi biex it-tifla tmur għall-abort. Wara allegazzjonijiet li l-Isqfijiet Kattoliċi ppruvaw jagħmlu pressjoni fuq it-tifla biex iżżomm it-tarbija, l’ombudsman u oħrajn mill-uffiċċju tiegħu mexxew marċ fejn xi individwi vandalizzaw l-uffiċini tal-Isqfijiet.

L-Isqfijiet qalu li, minħabba l-ħidma tagħhom favur il-ħajja, l-attakki fuq il-Knisja Kattolika fil-Bolivja huma “qawwijin ħafna” u “l-insulti lejn il-Knisja” minn femministi u gruppi favur l-abort huma għaddejjin il-ħin kollu fil-midja. L-Isqfijiet iddikjaraw li madankollu l-Knisja se tkompli taħdem għall-kura tan-nisa foqra li jkunu fi kriżi tat-tqala. “M’għandniex flus, imma għandna mħabba lejn il-ħajja, u qed naħdmu bl-isforsi kollha tagħna.”

Joe Galea

Familja fil-Bolivja

In-nies tal-Bolivja huma foqra, u jħobbu l-familja. Il-familji tal-bdiewa ma jridux l-abort, imma l-NGO’s imorru għandhom u jitkellmu magħhom. Jgħallmuhom: “Intom għandkom bżonn l-abort; dan hu importanti”. Waslu biex f’każ ta’ stupru, mhemmx għalfejn jiġi ppreżentat l-ilment. Biex mara jkollha aċċess għall-abort, id-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li t-tqala tirriżulta minn stupru, hi biżżejjed. B’hekk biss it-tobba jkollhom prova li tiġġustifika l-proċedura tal-abort.

Dan il-proċess hu msejjaħ “l-interruzzjoni legali tat-tqala”, li japplika f’każi ta’ akkużi ta’ stupru jew fejn hemm risku għall-ħajja tal-omm. Imma fil-fatt hu abort liberu, għax l-eċċezzjoni tas-saħħa tal-omm hi wiesgħa biżżejjed biex tinkludi s-saħħa bijoloġika, mentali jew soċjali tal-omm. Dan wassal biex f’xi każi fejn sar l-abort it-trabi nħarġu mill-ġuf ħajjin u tħallew imutu. F’xi sptarijiet kien hemm tentattivi biex jittieħdu passi kriminali kontra d-diretturi ta’ sptarijiet li ma ħallewx li jsir l-abort.

Storja ta’ tifla

Hemm storja li ngħatat attenzjoni internazzjonali, ta’ tifla ta’ 11-il sena li ma riditx tneħħi t-tarbija imma ġiet imġiegħla mill-uffiċċju tal-ombudsman biex twettaq abort f’24 ġimgħa ta’ tqala. Il-femministi akkużaw lill-Isqfijiet Bolivjani li influwenzaw id-deċiżjoni tat-tifla, meta din ma kienet għamlet l-ebda kuntatt mad-delegat tal-Konferenza Episkopali.

Kienu l-ombudsman u l-gruppi femministi li kellhom aċċess għat-tifla u għall-familja tagħha, u għamlu pressjoni enormi biex it-tifla tmur għall-abort. Wara allegazzjonijiet li l-Isqfijiet Kattoliċi ppruvaw jagħmlu pressjoni lit-tifla biex iżżomm it-tarbija, l’ombudsman u oħrajn mill-uffiċċju tiegħu mexxew marċ fejn xi individwi vandalizzaw l-uffiċini tal-Isqfijiet.

L-Isqfijiet qalu li, minħabba l-ħidma tagħhom favur il-ħajja, l-attakki fuq il-Knisja Kattolika fil-Bolivja huma “qawwijin ħafna” u “l-insulti lejn il-Knisja” minn femministi u gruppi favur l-abort huma għaddejjin il-ħin kollu fil-midja. L-Isqfijiet iddikjaraw li madankollu l-Knisja se tkompli taħdem għall-kura tan-nisa foqra li jkunu fi kriżi tat-tqala. “M’għandniex flus, imma għandna mħabba lejn il-ħajja, u qed naħdmu bl-isforsi kollha tagħna.”

Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading