Is-sabiħ tal-akkoljenza

Print Friendly, PDF & Email

L’’Acqueil’, il-merħba

Mhux l-ewwel darba li fid-daħla ta’ knisja f’belt kbira ssib kamra b’sinjal li jgħid ‘Acqueil’, jiġifieri ‘Merħba’. X’aktarx li din il-merħba tingħata l-ġurnata kollha għax il-ħinijiet tal-knejjes fil-qalba ta’ belt mhumiex neċessarjament marbutin ma’ dak tal-Quddiesa. Wieħed jifhem dan għax fil-bliet kosmopolitani, fil-knisja jkun hemm iktar barranin milli nies tal-post, kemm jidħlu għal ftit filwaqt li waħdiet jibqgħu għall-Quddiesa li jinzertaw f’dak il-ħin.

Min ikun jixtieq, jista’ jgħaddi f’din il-kamra tal-‘Acqueil’, fejn f’xi ħinijiet ikun hemm persuna li tilqa’ lil min jidħol u fejn jista’ jsib informazzjoni bil-fuljetti b’lingwi differenti. Fi knisja kbira, l-‘Acqueil’ hi rokna tassew utli – minbarra l-kappella tas-Sagrament – u tlaqqa’ lill-vjaġġatur ma’ persuna li jista’ jkellem, jistaqsi u jagħmel konoxxenza tiegħu. Tista’ tkun l-ewwel u l-aħħar jidħol f’dik il-knisja, imma fl-‘Acqueil’ isib lil min jilqgħu u jagħti kasu.

Aħna mhux hekk; fi knisja ta’ komunità fejn niltaqgħu mal-istess nies, li jfittxu s-siġġu jew il-bank li qisu riservat għalihom, ma nħossux il-bżonn ta’ dan is-servizz, għalkemm fil-fatt inkunu qed nagħtu merħba kuljum, bħal meta nsellmu b’xi mod lil xulxin. X’aktarx li meta mmorru l-Knisja ta’ fejn noqogħdu, il-Kappillan, is-Saċerdoti, is-sagristan u nies midħla tal-knisja jkunu jafuna hekk li l-merħba ssir b’mod l-iktar naturali. Mhemmx għalfejn avviżi bħalma semmejna ‘l fuq. U meta t-temp jippermetti, il-merħba ddum xi ftit. Imma din il-merħba rridu nikkultivawha.

Nieħdu meta l-parroċċa tistieden għal xi laqgħa partikulari. Kif tkun l-akkoljenza? Dan l-aħħar, laqgħat bħal dawn kienu jkunu online u l-mod kif nilqgħu lil xulxin meta nidhru fuq l-iskrin rajna li hu differenti minn kif aħna mdorrija. Indunajna s-sabiħ li nifirħu b’xulxin u napprezzaw lil kulmin ingħaqad magħna fil-laqgħa virtwali. Issa, filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għal laqgħat ta’ preżenza vera, tajjeb nitgħallmu nilqgħu u nisimgħu lil xulxin bl-aħjar mod. Irridu nkunu attenti għal dawk l-element ta’ karità li jagħtu valur lil-laqgħat tagħna u nħaddnu spirtu ta’ akkoljenza, li fiha diversi aspetti.

Min qed jilqa’ ‘ l min

F’ambjent ta’ persuni li jiltaqgħu flimkien diversi drabi hu mistenni li l-individwi jrawmu fihom kultura ta’ akkoljenza u jagħmlu l-almu tagħhom biex iħarsu dan il-valur. Jekk dan  jonqos, il-grupp ma jistax ikun miftuħ għall-oħrajn li hu msejjaħ biex jilqa’. Jibqa’ ċirku magħluq. U min hu afdat bil-grupp għandu responsabbiltà għal dan, li toħroġ mill-kariga li ngħata. Min imexxi għandu r-rwol li jikko-ordina u jibni, jgħin lill-membri tal-grupp biex jindunaw x’inhuma l-preokkupazzjonijiet u l-ħtigijiet ta’ xulxin u jara li l-grupp miexi flimkien lejn l-iskop tiegħu. Għandu d-dmir li jassigura għall-għaqda, iqajjem l-interess fl-attivitajiet li jsiru u jħeġġeg biex il-persuni jaħdmu id f’id għall-aħjar tal-grupp, filwaqt li jieħu ħsieb li jitwettaq dak li jkun ftiehem il-grupp b’mod kollettiv. Tgħin ukoll il-ħila li jagħraf, sa fejn jista’, it-temperamenti differenti u s-sinjali ta’ dgħufija ta’ min jeħtieġ l-għajnuna u l-inkuraġġiment. Ma jridx jinsa t-temperament u d-dgħufija tiegħu stess. Jgħin ħafna li jkun jaf jisma’ u dejjem lest biex jilqa’ lil sħabu bil-ħlewwa u li jkollu l-għaqal li bih jifred dak li hu essenzjali minn dak li mhux daqshekk neċessarju. Mhux bilfors li min imexxi jkun jifhem f’kollox.

Ikollna nammettu li, f’min jingħata kariga ta’ treġija, f’doża żgħira jew kbira hemm reqdin fih kemm dittatur ċkejken kif ukoll ġenwinità u qalb li tħoss u tagħder. Xi drabi titla’ fil-wiċċ ix-xewqa li jrid jikkmanda lil dawk afdati f’idejh u li jafferma l-pożizzjoni tiegħu filwaqt li min-naħa l-oħra jibqa’ attent biex l-oħrajn ma jħossux li huma kkmandati. Ikun hemm deċiżjonijiet li jistgħu ma jingħoġbux u li min imexxi jagħmilhom b’għafsa ta’ qalb. Fil-waqtiet diffiċli, aħjar li wieħed ma jistrieħx fuq il-ħila tiegħu imma jipprova jsib l-aħjar bilanċ, anke b’parir mill-individwi ta’ madwaru, li jafu l-karattru tiegħu. Lanqas ma jistrieħ fuq id-diplomazija li, forsi mingħalih għandu, għax anke jekk hu mħarreġ fiha, faċli jiżbalja għar-raġuni li kull persuna hi differenti u mhux kull riċetta, tajba kemm hi tajba u li ħadmet tajjeb qabel, tista’ taqbel għal kulħadd u dejjem.

Ambjent ta’ akkoljenza

L-akkoljenza hi iktar milli wieħed jagħti merħba. F’laqgħat ta’ mexxejja ta’ pajjiżi, jieħdu b’idejn xulxin u ġieli iktar minn hekk, qabel ma jgħaddu għal-laqgħat fejn malajr tintesa l-merħba li taw lil xulxin. L-akkoljenza trid timmarka l-laqgħat tagħna. L-ambjent ta’ fejn niltaqgħu jgħodd ukoll. Xi knejjes u kappelli jilqgħuk iktar minn oħrajn. L-ambjent hu importanti aktar milli forsi naħsbu. Il-kamra li niltaqgħu fiha la trid tkun kbira ħafna u lanqas żgħira; ħadd ma jlaqqa’ ħafna nies f’salott normali, jew tmienja min-nies ġo sala kbira. Trid tkun komda, anke f’dak li huma siġġijiet u hemm dettalji li mhux ta’ min iwarrab, bħad-dawl tal-kmamar, li jrid ikun pjaċevoli, la qawwi żżejjed u lanqas baxx. Jekk kamra fiha notice board jew whiteboard, wieħed jara li huma f’posthom u puliti. Il-kamra li l-aktar tintuża trid tkun b’arja xierqa, tinfetaħ ħin qabel ma tibda l-laqgħa u mhux qisha post ta’ dar fejn ma jabita ħadd.

Eliżabetta tilqa’ b’imħabba lil Marija – Arcabas

L-akkoljenza waqt il-laqgħat

Kull individwu jrid iħoss li hu aċċettat f’kull waqt u mingħajr eċċezzjoni. Jingħata spazju biex wieħed juri l-fehma tiegħu, jiġi apprezzat dak li jgħid u jingħata id-dritt li jista’ jiżbalja f’dak li jgħid, għax l-iżball hu parti mill-proċess tat-tagħlim. Nafu li kull min hu mġiegħel li jbiddel il-fehma tiegħu, iħossu mbuttat biex jiddefendi l-personalità tiegħu. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent li ma jimblukkax is-sehem tal-ieħor u jħallih iżomm il-valuri tiegħu. B’hekk l-individwi jitħajru li jinfetħu għall-ġdid mingħajr ma huma sfurzati. Min imexxi jrid jifhem li t-treġija mhix il-privileġġ ta’ wieħed; aħjar tmexxija kollettiva li hi tal-grupp kollu kemm hu, li titwieled fil-grupp u kull attività tinbena bil-ftehim ta’ bejn il-membri. Ilkoll għandhom xi ħaga x’jagħtu lil xulxin għax f’kull grupp hemm il-varjetà; min jirsisti ħafna, min jibqa’ lura, min jaħdem b’enerġija, saħansitra bil-goff, min b’ġentilezza u min jirraġuna kif jiġih f’moħħu dak il-ħin. Kull persuna trid tħossha milqugħa, mingħajr distinzjoni. Hu importanti li nkunu sensittivi għal xiħadd li ma kellux ġurnata tajba, li għandu l-mard fil-familja jew li hu nieqes mis-saħħa. Meta jaslu l-membri għandhom jiġu milqugħa b’imħabba.

Ikun hemm min, mill-karattru tiegħu, hu leader naturali, imbuttat mill-personalità qawwija li hu mogħni biha. Dan jista’ joffri problema, l-aktar jekk iħobb jitkellem ħafna. Min ikun imexxi jista’ jiġbor fi ftit kliem dak li dan ikun qal, biex jinduna li qed jieħu l-ħin ta’ sħabu. Jekk din it-tattika ma taħdimx, wieħed jistiednu biex ma jeħux il-ħin tal-oħrajn għax dawn jiddejqu jisimgħu lill-istess wieħed. Ikun hemm ukoll min ma jħobbx jitkellem. Dan għandu jiġi mħajjar biex jidħol fl-argument, imma b’ġentilezza u mingħajr sfurzar, għalkemm min ma tantx jitkellem jista’ jkun qed jieħu sehem aktar minn dak li jgħid ħafna. Importanti li ħadd ma jiġi mwarrab jew li dak li jgħid jittieħed biċ-ċajt. Niftakar li f’konfernza ta’ diversi nies minn pajjiżi differenti, reppreżentant minn pajjiż li qabel kienu msejħa ‘tat-tielet dinja’ tkellem fuq punt tekniku b’mod tat-tfal. Min kien qed imexxi ġabar is-sitwazzjoni hekk li ħadd ma daħak jew għadda xi kumment minn taħt.

Xi ħaġa li tista’ ttellef id-djalogu hi meta l-grupp jiltaqa’ ma’ punt delikat jew li jolqot lill- membri mill-qrib. Meta hemm tensjoni, ikun għaqal li l-laqgħa tkompli f’okkażjoni oħra. Il-kwistjonijiet bla bżonn ma jgħinux għal ambjent akkoljenti.

U, fl-aħħarnett, min hu li jgħin għall-akkoljenza? Forsi naħsbu li hu l-leader tal-grupp jew il-Kappillan fil-kas tal-knisja. Mhux bilfors, għax jistgħu jkunu dik il-persuna li mhix l-aqwa waħda fil-kelma, imma fis-sempliċità u fil-limitazzjoni tagħha jkollha fiha dik ix-xiħaġa li mqar bil-preżenza tagħha, tnissel madwarha kultura ta’ akkoljenza li tant hemm bżonnha llum. J’Alla lkoll kemm aħna naspiraw għal din il-kariżma.

Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading