Kelma li tfejjaq

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 12 ta’ Settembru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-erbgħa u għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Iżda int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Lq 6:8). Dan kien il-messaġġ li ċ-ċenturjun bagħat ma’ xi ħbieb tiegħu lil Ġesù. Ftit qabel, kien bagħat ukoll lil xi nies biex lil Ġesù jgħidulu li għandu l-qaddej, li marid ħafna, qiegħed ħażin ħafna, u jitolbuh biex imur id-dar biex ifejqu. U Ġesù beda miexi lejn id-dar taċ-ċenturjun. Imma meta kien mhux wisq ’il bogħod, iċ-ċenturjun bagħat xi nies oħra biex jgħidulu: “toqgħodx tinqala’, għax ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi…iżda int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Lq 6:6.8).

Dan iċ-ċenturjun kien bniedem li kellu għal qalbu n-nies tiegħu. Hawnhekk isemmu li kien “jgħożż il-ġens tagħna” (Lq 6:5) imma speċjalment ukoll lil dan il-qadddej li kien marid, li kien għażiż ħafna għalih. Innutaw kif iċ-ċenturjun ma jibgħatx jistaqsi xi ħaġa għalih innifsu, imma għall-qaddej tiegħu. Kien bniedem ukoll ta’ fidi kbira f’Ġesù. Kien jemmen li Ġesù għandu l-qawwa li jfejjaq, u li jista’ jagħmel dan anke b’kelma waħda. Iċ-ċenturjun kien imdorri f’ambjent ta’ awtorità u ordni, kemm ma’ ta’ fuqu, kif ukoll ma’ dawk li hu kien responsabbli għalihom; għalhekk jgħid kelma u din tkun ordni. F’Ġesù ra wkoll din il-qawwa li jgħid kelma u l-fejqan iseħħ.  

Hawn naraw il-kuntrast kbir bejn dan iċ-ċenturjun, li kien pagan, u wħud mill-kittieba u l-Fariżej, li kienu jemmnu u li kienu nies reliġjużi. Dan iċ-ċenturjun emmen f’Ġesù, u emmen li lanqas kellu bżonn jarah, jiġi u jara l-fejqan iseħħ, imma b’kelma Ġesù kien ifejjaq. Il-kittieba u l-Fariżej, uħud minnhom, lanqas meta kienu jaraw lil Ġesù jfejjaq ma kienu jemmnu; anzi kienu joqogħdu jgħassulu biex jikkritikawh u jilmentaw fuqu. Ma emmnux anke meta rawh jagħmel is-sinjali.

Hu għalhekk li Ġesù, f’din is-silta, baqa’ mistagħġeb bil-fidi ta’ dan iċ-ċenturjun. U qalha din. Qal: “…anqas f’Israel ma sibt fidi bħal din!” (Lq 6:9) Kienet fidi ta’ xi ħadd li verament emmen fil-qawwa ta’ Ġesù u fil-kelma tiegħu. U nafu li, fil-fatt, il-kelma kienet kelma qawwija, u li dak li emmen iċ-ċenturjun seħħ, għax ftit wara, dawk in-nies li bagħat iċ-ċenturjun marru lura d-dar u sabu li l-qaddej kien qawwi u sħiħ. 

X’inhu l-messaġġ għalina f’din il-kelma ta’ Alla? Lilna tħeġġiġna biex ikollna fidi sħiħa f’Ġesù u fil-qawwa tiegħu. Ġesù għandu kelma li dejjem tagħmel il-ġid, kelma li hija qawwija li tista’ wkoll iġġib il-fejqan fina. Jista’ jkun fejqan fiżiku – kif diversi, bir-raġun, jitolbuh lil Ġesù. Imma wkoll fejqan minn ġewwa, u ħafna drabi dan hu l-fejqan li jagħtina Ġesù. Jagħtina l-fejqan minn ġewwa biex aħna nkunu nistgħu ngħixu tassew fil-paċi u l-ferħ tiegħu.

Nitolbu llum lill-Mulej f’din il-quddies biex isaħħaħ il-fidi tagħna, jgħinna biex ikollna fidi qawwija bħal dik taċ-ċenturjun. Nitolbuh biex dejjem nemmnu fil-qawwa tal-kelma tiegħu, li hija kelma li lilna tagħmlilna l-ġid. U nitolbuh b’dik it-talba sabiħa, li fil-fatt ngħiduha f’kull quddiesa, u li hi ispirata minn din il-ġrajja – meta aħna, qabel it-tqarbin ngħidu, fi kliem iċ-ċenturjun stess: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; iżda għid kelma waħda u ruħi tkun  imfejqa”.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju 

Leave a Reply

%d bloggers like this: