It-Teoloġija tal-Ewkaristija u aktar mirakli

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar

Fl-artiklu ta’ qabel tkellimna fil-qosor dwar il-terminu Ewkaristiku Transustanzjazzjoni, u konna tajna ukoll it-tagħlim tal-Knisja Kattolika Rumana dwar dat-terminu. F’dan il-kuntest semmejna it-terminu aċċidenti. Dwar dan nixtieq inkompli ngħid xi ħaġa fil-qosor:

1. L-Essenzja u l-Aċċidenti fl-Ewkaristija

Il-magħruf filosofu Grieg Aristotli (384-322 QK) jagħmel distinzjoni bejn il-proprjetajiet essenzjali u aċċidentali ta’ xi ħaġa, xi  oġġett. Hekk pereżemju, siġġu jista’ jkun magħmul mill-injam jew mill-metall, iżda dawn huwa aċċidentali għan-natura u l-essenzja tiegħu bħala li hu siġġu, jiġifieri hu siġġu irrispettivament u indipendentement mill-materjal li minnu hu magħmul.

Teoloġi kattoliċi fosthom San Tumas ta’ Akwinu (1225 – 7 ta’ Marzu  1274) użaw il-kunċetti Aristoteliċi ta’ sustanza u aċċident fl-artikolazzjoni tagħhom tat-teoloġija tal-Ewkaristija,partikolarmenti t-transustanzjazzjoni tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. F’dan il-kuntest,il-ħobż u l-inbid huma kkunsidrat bħala aċċidenti peress li mat-transustanzjazzjoni isiru aċċidentali għas-sustanza u l-essenza tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Skont dit-tradizzjoni, l-aċċidenti  (jew speċi) tad-dehra, kulur, togħma, kwalità, kwantità,tal-ħobż u l-inbid ma jinbidlux,iżda s-sustanza,l-essenzja,tinbidel intrinsikament u effettivament mill-ħobż u  l-inbid għall-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.

2. Il-Prezenża ta’ Kristu fil-partijiet (frammenti) kollha tal-Ewkaristija

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jagħmel referenza għat-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trentu u jgħid: “Il-Preżenza Ewkaristika ta’ Kristu tibda mill-mument tal-Konsagrazzjonni u tibqa’ sakemm jibqgħu l-ispeċi Ewkaristiċi. Kristu hu kollu kemm hu preżenti taħt kull speċi u kollu kemm hu wkoll taħt il-partijiet kollha tagħhom,hekk li l-qsim tal-ħobż ma jaqsmux lil Kristu” (Il-KKK para. 1377)

Hawnhekk nikkwota lil San Tumas ta’ Akwinu (Summa Theologica, III, q.77, art.1-8) : Il-qsim jew divizjoni tal-ispeċi mhijiex qsim jew divizzjoni ta’ Kristu.Hija bidla fil-kwantità li hija aċċidentali tal-ispeċi, u mhux aċċidentali tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu.Kristu hu preżenti, sħiħ u kollu kemm hu, mhux mibdul u mhux imnaqqas, f’kull parti tal-Ostja miksura, (bil-Latin: in omni parte hostiae fractae) u f’kull ammont separt tal-likwidu kkonsagrat fil-kalċi ( bil-Latin: et in omni copia liquoris in calice consecrato).

Il-Mirakli Ewkaristiċi fis-seklu Erbatax

Il-Miraklu f’San Georenberg-Fiecht,l-Awstrija Dar-raħal żgħir fil-wied tal-Inn hu magħruf ħafna għall-Miraklu Ewkaristiku li seħħ hemmhekk fl-1310.

Ħdejn l-artal tal-ġenb tal-knisja tal-monasteru hemm tabella dokumentarja li tgħid hekk: Fis-sena tal-Grazzja 1310, taħt l-Abbati Rupert,  saċerdot kien qiegħed jiċċelebra quddiesa  f’din il-knisja  ddedikata lill-qaddis martri Ġorġ u lill-appostlu Ġakbu.  Wara li kkonsagra l-inbid, kien maqbud b’dubju dwar jekk id-Demm ta’ Kristu kienx verament preżenti taħt l-ispeċi tal-Inbid. F’daqqa waħda,  l-Inbid inbidelf’Demm li beda jagħli fil-kalċi u jfur. L-Abbati Rupert u l-patrijiet tiegħu, li nzertaw fil-kor, u l-pellegrini numerużi li kienu preżenti għaċ-ċelebrazzjoni, resqu lejn l-artal  u ndunaw x’ġara. Is-saċerdot, imwerwer, ma setax jixrob id-Demm Imqaddes kollu, u għalhekk l-Abbati poġġa l-bqija tad-Demm f’reċipjent fit-Tabernaklu tal-artal maġġur ħdejn id-drapp li bih kien jintmesaħ il-kalċi. Hekk kif bdiet tinfirex l-aħbar ta’ dil-ġrajja Mirakoluża, bdew jaslu dejjem aktar pellegrin biex jaduraw id-Demm Imqaddes. Tant kien kbir in-numru tad-devoti tad-Demm Imqaddes li fl-1472 l-Isqof Georg von Brixen bagħat lill-Abbati ta’ Wilten,Joahannes Lösch u lill-kappillani Sigmund Thaur u Kaspar ta’ Absam  biex jistudjaw aħjar il-fenomenu. B’riżultat tal-investigazzjoni ġiet imħeġġa aktar l-adorazzjoni tad-Demm Imbierek u l-Miraklu ġie ddikjarat awtentiku. Fost id-devoti kien hemm personalitajiet importanti tal-Knisja, bħal Ġwanni, Isqof ta’ Trieste; Ġorġ Isqof ta’ Brixen; Rupert, Arċisqof ta’ Cologne u Duka tal-Bavarja u Federiku, Isqof ta’ Chiemsee.

It-tieni tabella dokumentata tirrakkonta kif ir-relikwa tad-Demm Imqaddes għenet biex tiġi ppreservata l-Fidi Kattolika matul ix-xiżma Protestanta: Meta fl-1593, it-tagħlim ta’ Luteru kien qed jinfirex kullimkien fit-Tirol, il-patrijiet ta’ San Georgenberg intalbu jippriedkaw il-Fidi Kattolika kullimkien. L-Abbati Michael Geisser kien qed jipprietka b’suċċess kbir quddiem folla kbira fil-knisja parrokkjali ta’ Schwaz u ma qagħadx lura biex ifakkar il-Miraklu Qaddis tad-Demm bħala prova tal-eżistenza tal-Preżenza Reali ta’ Ġesù Kristu fis-Santissimu Sagrament tal-Artal. Huwa kien qed jikkontesta b’tali mod konvinċenti li l-avversarji kienu obbligati jitilqu minn dan il-post. Din ir-rebħa totali kontra t-tagħlim falz kienet meqjusa minn dawk li jemmnu bħala grazzja speċjali li l-Mulej kien qed jagħti lill-fidili Tiegħu, dawk li jaduraw id-Demm Prezzjuż.’’

Id-Demm Prezzjuz hu ppreservat intatt sal-lum u jinsab fir-Relikwarju fil-monasterju ta’ San Georgenberg.

Fl-1480, wara 170 sena, id-Demm Sagru kien “għadu frisk bħallikieku ħiereġ minn ferita” kiteb il-kronista  ta’ dak iż-żmien.

Miraklu f’Herkenrode-Hasselt,Belġju Fil-25 ta’ Lulju 1317, il-kappillan ta’ Viversel mar f’dar ta’ wieħed parruċċjan  marid ħafna biex iqarru u jqarbnu. Kif wasal id-dar il-kappillan serraħ l-basket li kien fih l-Ewkaristija fuq komodina  fid-daħla tad-dar u mar  jisma’ l-qrara tal-marid f’kamra oħra. Wieħed mill-membri tal-familja kurjuż x’kien fih il-basket fetħu u minnu ħareġ il-pissidi, fetaħ l-għatu tiegħu u daħħal idu fih. Malli nduna li fih kien hemm l-Ostja, inkwietat għalaq il-pissidi minnufih u ħallih f’postu. Sadanittant, is-saċerdot ħareġ mill-kamra tal-marid biex iġib l-Ewkaristija. Meta fetaħ il-pissidi ra li l-Ostja kienet imtebbgħa bid-Demm. Is-saċerdot inkwieta u bl-iskuża li nesa xi ħaġa ħareġ b’ħeffa mid-dar tal-marid  u mar jirrapporta l-inċident lill-kappillan f’Lumen fil-viċin li tah parir biex jieħu l-Ostja fil-knisja tas-sorijiet Benedettini f’Herkenrode.  

Hekk kif wara vjaġġ kemxejn twil wasal fil-monasterju, fl-1 ta’ Awwissu 1317, wera lis-sorijiet l-Ostja mtebbgħa bid-Demm. B’mod mirakoluż  deher  wiċċ Kristu inkurunat bix-xewk fuq l-Ostja. Is-sorijiet kollha kienu xhieda ta’ dan.  Saru bosta testijiet fuq din l-Ostja min-Nunzju Appostoliku Carafa, l-Isqof ta’ Liege u l-Arċisqof ta’ Malines u kienet iddikjarata bħala Miraklu Ewkaristiku. Inbniet kappella f’post imsejjaħ Sacramentsburg bħala tifkira dejjiema, u minn dak iż-żmien is-“Sagrament Imqaddes tal-Miraklu,” kif għadu jissejjaħ sal-lum, tqiegħed għall-qima ta’ kulħadd. Jingħad li l-Ostja Sagra kemm-il darba pproteġiet il-monasteru ta’ Herkenrode-Hasselt min-nar.  

L-Ostja Sagra baqgħet għand is-sorijiet fil-monasterju sal-1796 meta is-sorijiet tkeċċew mill-monasteju tagħhom matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Iżda qabel, l-Ostja tpoġġiet f’postijiet moħbija. Filfatt, l-Ostja Sagra ġiet moħbija minn familji differenti li żammewha f’kaxxa tal-metall fi djarhom

 Fl-1804 l-Ostja ttieħdet f’purċisssjoni solenni mill-postijiet moħbija fejn kienet miżmuma fil-Knisja ta’ San Quintinus li tinsab f’Vismarkt, Hasselt, il-Belġju, li tinsab erba’ mili fin-nofsinhar tal-monasterju   u tpoġġiet f’relikwarju. Hija ppreservata perfettament  għall-qima ta’ kulħadd.  Fl-1967, il-Knisja ta’ San Quintinus ġiet elevata għal Katidral. F’dal-Katidral insibu bosta pitturi li juru dal-Miraklu Ewkaristiku, xogħol tal-pittur magħruf Jan van Boeckhorst        

Miraklu Ewkaristiku f’Cascia, l-Italja  Fis-sena 1330, saċerdot li kien tilef kull rispett lejn l-Ewkaristija kien mitlub iqarben marid f’subborg ta’ Siena. Huwa laqa’ dit-talba iżda b’mod irriverenti poġġa l-Ostja Kkonsagrata bejn il-paġni tal-brevjar tiegħu minflok ma mexa mal-proċedura korretta li jpoġġiha f’pissidi, jew teka, u ġġorha qrib qalbu. Meta wasal id-dar tal-marid u fetaħ il-brevjar biex iqarben lill-marid sab li mill-Ostja kien ħiereġ id-Demm u kien hemm tbajja’ tondi ta’ Demm fuq iż-żewġ paġni tal-brevjar li bejniethom kienet tpoġġiet l-Ewkaristija.

Is-saċerdot ippanikja u ġera lejn il-monasterju Agostinjan  f’Siena biex jistqarr dal-inċident lil Patri Simone Fidati ta’ Cascia (1295-1348), li kien magħruf ħafna għal qdusija tiegħu, tant li fl-1833 kien ddikjarat Beatu mill-Papa Gregorju XVI.  Wara li s-saċerdot sogħbien  stqarr ħtijietu, Patri Fidati tah l-assoluzzjoni u ħa ż-żewġ paġni u  poġġa waħda f’tabernaklu f’Peruġja u l-oħra fil-monasterju Agostinjan ta’ Cascia u poġġieha f’Relikwarju. Minn hemmhekk il-relikwa Ewkaristika ittieħdet fil-Bażilka ta’ Santa Rita. Iż-żewġ paġni ġew ippreservati u saru bosta testijiet fuqhom li jikkonfermaw li dak id-Demm kien tabilħaqq Demm uman. Fl-1389 il-Papa Bonifaċju IX  ikkonferma l-awtentiċità tal-Miraklu. L-għarfien tar-Relikwa ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku  u ta’ dal-Miraklu huwa ddokumentat uffiċjalmet fl-Istatuti Komunali ta’ Cascia.    

Issa, ir-Relikwarju f’Cascia ilu meqjum mill-insara għal sekli sħaħ. Diversi Papiet ippromwovew il-qima ta’ din ir-Relikwa b’indulġenzi speċjali, fosthom dik tal-Portiunkula mill-Papa Bonifaċju IX fl-1401. Din il-ġrajja mirakoluża tiġi mfakkra wkoll kull sena fil-festa ta’ Corpus Christi, meta r-Relikwja tinġarr solennement f’purċissjoni.

Fis-sena 1930, fl-okkażjoni tas-Sitt Mitt sena Anniversarju minn dal-Miraklu Ewkaristiku ġie ċċelebrat Kungress Ewkaristiku f’Cascia għad-djoċesi kollha ta’ Norcia, li matulu  sfera Ewkaristika prezzjuża u artistika ġiet ikkonsagrata. Għal din l-okkażjoni ġiet ippubblikata wkoll dokumentazzjoni storika sħiħa ta’ dal-Miraklu. 

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Walldürn,Ġermanja  Wieħed mill-aktar dokumenti komplut dwar il-Miraklu Ewkaristiku li seħħ f’Walldürn fis-sena 1330 inkiteb mill-monaku Hoffius fl-1589. Waqt il-quddiesa saċerdot, Heinrich Otta, aċċidentalment qaleb l-ispeċi Sagra tal-Inbid ikkonsagrat fuq il-korporal. Id-Demm Imqaddes ifforma  xbieha ta’ Kristu Msallab fuq il-korporal imdawwar bi ħdax-il xbieha identiċi tar-Ras ta’ Kristu inkurunat bix-xewk (ritratt). Imbeżża’ li wettaq xi sagrileġġ s-saċerdot iddeċieda li jaħbi l-korporal f’ post sikur taħt l-artal. Iżda,ftit qabel mewtu huwa stqarr l-għemil tiegħu lill-konfessur u indika l-post fejn kien heba l-korporal. Minnufih instab il-Korporal Mirakoluż u ftit wara tqiegħed f’Reliwarju.  

Wara investigazzjoni intensa,fl-1445, dal-Miraklu Ewkaristiku ġie rikonoxxut bħala awtentiku mill-Papa Ewġenju IV li ta diversi indulġenzi għal kull iqimu .

Illum il-Relikwarju dal-Korporal imċappas bid-Demm ta’ Kristu jinsab fuq l-artal ta’ Kristu Imsallab fil-knisja ta’ San Ġorg u Demm Prezzjuż f’Walldürn. Fl-1962, il-Papa Ġwanni XXIII eleva dil-knisja għal Bażilka.

Sfortunatament, wara mijiet ta’ snin, ix-xbieha mirakoluża m’għadhiex tidher. Tista’ tidher biss taħt dawl ultravjola.

Madanakollu, eluf ta’ pellegrini minn diversi partijiet tal-Ġermanja jagħmlu pellegrinaġġ lejn   dil-Bażilka biex iqimu t-Relikwja Sagra.  Filfatt, hawnhekk, ta’ kull sena jsir pellegrinaġġ  msejjaħ “Il-Pellegrinaġġ għad-Demm Imqaddes” li jibda nhar il-Ħadd tat-Trinità (il-Ħadd wara Pentekoste) u jdum erba’ ġimgħat. Kien hemm u għad hemm bosta rapporti ta’ fejqan u konverżjonijiet b’riżultat ta’ dawn il-pellegrinaġġi annwali. Dal-Miraklu kien sar magħruf fl-Ewropa kollha u għal ħafna sekli baqa’ jiġi mpitter minn bosta artisti.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading