Preżentazzjoni fid-Dar tal-Providenza

Print Friendly, PDF & Email

“Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi,” ippreżentat tlil Fr Martin Micallef

Michael Caruana, l-awtur tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi, ippreżenta lil Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, numru ta’ kotba tiegħu biex jingħataw lill-voluntiera li dan l-aħħar kienu ma’ residenti tad-Dar f’pellegrinaġġi f’Lourdes.

Xi residenti tad-Dar tal-Providenza għadhom kif kienu fost 175 pellegrin f’pellegrinaġġ organizzat mill‑Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes. Aktar qabel, xi residenti oħra tad‑Dar kienu fost 185 pellegrin f’pellegrinaġġ ieħor f’Lourdes mill-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.

Fr Martin Micallef akkumpanja lir-residenti u lill-voluntiera tul dawn il-pellegrinaġġi.

Michael Caruana qal lil Fr Martin li seta’ jagħtih dawn il-kotba għall-voluntiera li akkumpanjaw lir-residenti tad-Dar tal-Providenza f’dawn iż-żewġ pellegrinaġġi grazzi għall-għajnuna li sab mill-APS Bank. Qallu li kien qed jagħti dawn il-kotba bħala apprezzament tal-Bank u tiegħu tax-xogħol li dawn il-voluntiera jagħtu kull sena lil anzjani u persuni morda u b’diżabbiltà tul il-pellegrinaġġ tagħhom f’Lourdes. Michael Caruana qal li fid-diversi drabi li jkun Lourdes jammira l-ġenerożità ta’ dawn il-voluntiera, uħud minnhom żgħażagħ, li minflok ma jqattgħu l-vaganzi tagħhom mal-familja u l-ħbieb, b’sagrifiċċju, jakkumpanjaw minn flushom lill-anzjani u persuni morda u b’diżabbiltà tul il-ġranet li jqattgħu Lourdes. Dan jagħmilha possibbli biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jsegwu l-programm tal-organizzaturi f’Lourdes.

Fr Martin Micallef irringrazzja lil Michael Caruana għall-ġest tiegħu li jiftakar fil-voluntiera li jakkumpnajaw anzjani u persuni morda u b’diżabbiltà f’Lourdes b’tant impenn u ġenerożità.  Hu qal li dawk kollha li akkumpanjaw lir-residenti tad-Dar tal-Providenza f’dawn iż-żewġ pellegrinaġġi żgur li se japprezzaw l-għoti ta’ dan il-ktieb mimli tagħrif u esperejenzu dwar Lourdes.

Din kienet it-tieni donazzjoni tal-kotba Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi li Michael Caruana ppreżenta lill- voluntiera. L-ewwel donazzjoni, grazzi għall-għajnuna li ngħata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, saret lill-voluntiera tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.

L-awtur tal-ktieb għadu kemm ippubblika t-tielet edizzjoni aġġornata ta’ dan il-ktieb li qed jingħata għal donazzjoni ta’ €10 mill-Libreriji Preca fi Blata l-Bajda u Emmaus f’Birkirkara u Victoria Għawdex u mill-bookshop tas-Santwarju ta’ Lourdes. Wieħed jista’ jirċievi kopja d-dar bil-posta billi jibgħat €12.60 b’Revolut lil Michael Caruana fuq 79233264.

%d bloggers like this: