Esperti ta’ Alla u esperti tal-bnedmin

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru 2022: Omelija tal-Isqof Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fil-Ftuħ tas-Sena tal-Formazzjoni. Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Fil-Vanġelu tal-lum (Lq11:15-26) Ġesù jagħmel miraklu, jagħmel xi ħaġa tajba: ifejjaq bniedem. Dawk li mingħalihom għandhom jew jixtiequ jkollhom l-awtorità, il-kittieba u l-Fariżej, mhux talli ma jifirħux, imma talli jippruvaw jeżaminaw u jistudjaw x’wassal lil Ġesù biex għamel il-ġid. Imma b’liema skop? Għalfejn jagħmluh? Forsi biex huma wkoll bħalu jidħlu f’intimità ma’ Alla ħalli jkollhom il-qawwa biex jagħmlu l-ġid? Jew inkella biex jiskwalifikawh, biex ikollhom x’jgħidu, xi jżommhom, lil dawn il-kittieba u l-Fariżej, milli jemmnu f’Ġesù?

Kemm tiġrilna fil-ħajja! Naraw lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa tajba, u flok nieħdu gost b’dak is-sabiħ, nippruvaw insibu raġuni, motivazzjoni, saħansitra nippruvaw nidħlu fil-moħħ ta’ dik il-persuna, fil-qalb tagħha, neżaminawha, nippretendu li nifhmuha u nafuha. Imma r-raġuni li jkun hemm wara dan kollu mhix is-sabiħ, imma biex ngħidu: ‘Iva, m’għamel xejn ta’ barra minn hawn… m’għamel xejn tajjeb’.

Din ħafna drabi hija l-isfortuna ta’ min jaħdem mal-Poplu ta’ Alla, xi drabi tagħna s-saċerdoti, meta ma niffukawx fuq l-essenzjal. Is-saċerdot jagħmel il-ġid lill-persuni, jgħin lill-persuni. Għeżież seminaristi, u aħna lkoll li ngħinukom fil-formazzjoni tagħkom, ejjew nimmiraw għall-essenzjal.

X’inhu l-essenzjal tas-saċerdot? L-essenzjal tas-saċerdot hu li jkun f’rabta intima ma’ Alla, marbut intimament ma’ Alla, imma mhux biss, għax dan mhux biżżejjed, għax inkella jkun saċerdot ta’ ġol-knisja, ta’ ġos-sagristija, tal-kulti, tal-ħwejjeġ, tal-ilbies sabiħ jekk ikun biss ta’ Alla. Irid ikun ukoll saċerdot tal-bnedmin, f’rabta intima mal-bnedmin.

Ippermettuli ngħid illi fid-dinja li qed ngħixu fiha aħna msejħin inkunu esperti tal-umanità, tal-bniedem, u esperti ta’ Alla, esperti tal-ħajja ta’ dejjem, biex inressquhom flimkien, biex ngħinu lill-bniedem jifhem li Alla jinteressa ruħu fih, biex nagħtu lill-bniedem l-isbaħ u l-ogħla rigal li nistgħu nagħtuh – lil Alla – u sabiex nagħtu lil Alla dak li hu tassew tiegħu; biex ngħinu lill-bniedem jersaq lejn Alla, għax Alla ma jafx joqgħod mingħajr il-bniedem kif il-bniedem mhux kapaċi joqgħod mingħajr Alla, tant li Kristu nnifsu sar bniedem!

Din hi l-libertà li jitkellem dwarha San Pawl fl-Ittra lill-Galatin (3:7-14). Meta jkun liberu l-bniedem? Meta jkun dak li hu. Is-siġra tal-larinġ meta tkun tassew siġra tal-larinġ? Meta tagħmel il-larinġ. Il-bniedem meta jkun tassew dak li hu, bniedem? Meta jidħol f’intimità ma’ Alla, meta jidħol f’intimità mal-bnedmin ħutu.

F’dan is-sens inħoss li l-irwol tagħkom seminaristi, l-irwol tagħna s-saċerdoti huwa mhux biss bżonnjuż imma indispensabbli, b’mod speċjali fid-dinja li qed ngħixu fiha. Ara ma jkunx hawn xi ħadd, jew minna s-saċerdoti jew minnkom is-seminaristi, li nħossuna redundant, irrilevanti… ara ma mmorrux naqgħu f’dan l-ingann tax-Xitan! Ara ma naħsbux li qed ngħixu f’dinja li tista’ tgħaddi mingħajr is-saċerdot, mingħajr dan l-espert fl-umanità u dan l-espert fid-divinità!

Ejjew nitolbu lill-Mulej fil-bidu ta’ din is-sena akkademika u formattiva biex ilkoll kemm aħna nimxu lejn l-essenzjal, biex inkunu sinċieri magħna nfusna lkoll kemm aħna. Jekk aħna nkunu sinċieri magħna nfusna, iktar ma nagħrfu lilna nfusna, iktar nagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina, iktar nimxu lejn din l-awtentiċità… Alla għandu bżonna, imma mhux biss: il-Poplu ta’ Alla għandu bżonna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading