Il-Papa: Il-qaddisin huma perli prezzjużi, dejjem ħajjin u f’waqthom

Print Friendly, PDF & Email

Simpożju promoss mid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin qed jiffoka fuq is-suġġett tal-“Qdusija llum”, u “jirrappreżenta strateġija” magħżula mid-Dikasteru “biex tapprofondixxi t-toroq għall-attwalizzazzjoni u l-aġġornament tal-qdusija llum”. Il-konferenza ta’ tlett ijiem hija maħsuba biex tidentifika “min u kif” biex jiġu kanonizzati lil dawk il-fidili li għandhom ċerta reputazzjoni ta’ qdusija fil-Poplu ta’ Alla.

“It-tema magħżula għas-Simpożju tirrifletti x-xewqa tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et exsultate’ biex nipproponu mill-ġdid is-sejħa għall-qdusija b’mod prattiku għal żmienna”, qal il-Papa Franġisku waqt udjenza mal-parteċipanti li qed jieħdu sehem fis-Simpożju.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa fakkar lis-“sejħa universali għall-qdusija” kienet tagħlim ċentrali tal-Konċilju Vatikan II, u nnota li huwa mportanti li “napprezzaw il-qdusija preżenti” fil-ħajja ta’ kuljum tal-“poplu qaddis ta’ Alla”. Minn fost din il-“qdusija tal-klassi tan-nofs”, il-Knisja tippreżenta lill-qaddisin beatifikati u kanonizzati bħala “mudelli, interċessuri, u għalliema”, u tfakkarna li ngħixu l-Evanġelju bis-sħiħ mhux biss huwa possibbli, imma ta’ premju.

Il-Papa Franġisku enfasizza li l-qdusija hija “l-ewwel u qabel kollox… ir-realizzazzjoni li aħna maħbubin minn Alla u nirċievu liberament l-imħabba u l-ħniena Tiegħu”, realizzazzjoni li twassal għall-ferħ li mmarkat il-ħajja tal-qaddisin u l-beati bħal Ġwanni Pawlu I, Carlo Acutis, u Franġisku ta’ Assisi.

Il-qdusija, qal il-Papa, tqum fil-ħajja konkreta tal-komunitajiet Insara, u hija rikonoxxuta mill-Poplu ta’ Alla, “li minn dejjem kellu ‘istint’ partikolari biex jagħraf dawn il-mudelli ta’ qdusija u xhieda li jispikkaw għall-Evanġelju”. Din il-fama ‘sanctitatis’, jew ir-reputazzjoni tal-qdusija, hija element importanti biex tiġi rikonoxxuta l-qdusija tal-qaddisin prospettivi.

Madankollu, kompla l-Papa Franġisku, “għad hemm bżonn li jiġi vverifikat li din ir-reputazzjoni ta’ qdusija hija spontanja, stabbli, dejjiema, u mifruxa ma’ parti sinifikanti tal-komunità Nisranija”. Ir-riskju ta’ esaġerazzjoni jew rappreżentazzjoni ħażina fid-dinja moderna jagħmilha meħtieġa għal “dixxerniment għaqli min-naħa ta’ dawk kollha li jeżaminaw il-profil ta’ reputazzjoni ta’ qdusija,” dixxerniment li jinkludi l-evidenza tal-mirakli.

Il-Papa Franġsiku insista li “l-qaddisin huma perli prezzjużi; huma dejjem ħajjin u f’waqthom,” u “qatt ma jitilfu l-importanza tagħhom”. Il-Papa esprima t-tama tiegħu li “l-eżemoju tagħhom idawwal l-imħuħ tan-nisa u l-irġiel ta’ żmienna, iqajmu l-fidi, iqajmu t-tama u jqanqlu l-karità, biex kulħadd iħossu miġbud lejn is-sbuħija tal-Evanġelju, u ħadd ma jdur qalb id-dalma ta’ bla sens u disprament”.

Temm id-diskors tiegħu bit-“tama fit-talb li l-għarfein u l-proposti tas-Simpożju tagħkom jgħinu lill-Knisja, u lis-soċjetà kollha kemm hi, biex jipperċepixxu s-sinjali tal-qdusija li l-Mulej qatt ma jieqaf iqajjem, xi drabi anke fl-aktar modi li l-moħħ ma jistax jifhem”.        

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-saints-are-precious-pearls-always-alive-and-timely.html

%d bloggers like this: