Kristu jagħtina direzzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex. Katidral tal-Assunta, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-pontifikal-solenni-ta-jum-ghawdex-il-gimgha-28-ta-ottubru-2022?si=e384c5cfe392462aa513acb56c045510&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Eċċellenza, Sinjura Vella, għażiż Sindku, President Reġjonali, Onorevoli Ministri u Membri Parlamentari, għeżież Sindki, u intom ilkoll li qegħdin hawn illejla biex infakkru dan il-Jum għażiż għalina lkoll… għax Għawdex tagħna, din il-blata li ngħixu fuqha, hija għal qalbna ħafna.

Imma x’għandu x’jaqsam Jum Għawdex ma’ quddiesa? It-tradizzjoni, għax is-soltu nagħmlu hekk? Jekk inhu hekk, aħjar nużaw dan il-ħin mod ieħor! Għax missirijietna kienu dejjem jemmnu? Imma aħna nafu x’ġara wara l-pandemija, b’mod speċjali fl-għażiża gżira tagħna. Baqa’ ħin u post għall-quddiesa meta tiġi biex tiċċelebra okkażjonijiet bħal tal-lejla – Jum Għawdex?

L-Evanġelju jispiċċa b’vers li jolqotni ħafna: “Minn Ġesù kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd” (Lq 6:19). Il-kelma ‘kulħadd’ li juża San Luqa tfisser kull individwu, kull persuna. Bħallikieku jien, u kull wieħed u kull waħda minna, għandna bżonn xi ftit jew ħafna ta’ fejqan. Tgħiduli: ‘Uħħ, kemm għandi bżonnha! Għandi hawn juġagħni, hawnhekk hekk…’. Imma forsi dan hu fejqan iktar profond, iktar veru, iktar reali, iktar tal-qalb u tal-moħħ… fejqan iktar uman milli dak fiżiku.

Naħseb bħali ltqajtu ma’ ħafna traffiku intom u telgħin. Bdejt ngħid: ‘Kemm hawn traffiku!’, u nibda ninsa li jien nagħmel parti mill-problema, kważi kważi tispiċċa li ħtija ta’ ħaddieħor. Jew qatt ma tiġrilkom din fil-ħajja tagħkom? Inħarsu madwarna naraw bini tiela’, u Għawdex se jsir kollu ġebel u siment; imbagħad għandi roqgħa jien, u nara kif nagħmel ħa nibniha, u ma nippruvax nisfrutta l-ispazji li diġà għandi! Imma l-problema hija dejjem ta’ ħaddieħor… Ingergru u ngorru għall-korruzzjoni; imbagħad għandi bżonn ta’ professjonist jew għandi bżonn ninqeda, u ndaħħal idi fil-but, inkun l-ewwel wieħed li noħroġ il-flus u ndendel il-flus lil dak li jkun, biex jiena nibqa’ miexi… Imma ngerger, għax il-problema qiegħda barra minni!

Jien naħseb li hawn jagħmel sens l-Evanġelju, hawn jagħmel sens Ġesù, u hawn tagħmel sens il-Knisja sakemm tkun awtentika, sakemm verament tkun miexja fuq il-passi ta’ Ġesù. Għax dak li jgħid is-Salm: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna” (90:12). Għinni ngħoddhom. Għinni ma ninsiex li jiem ħajti mhumiex elf sena. Għax kieku niftakar li jiem ħajti mhumiex elf sena, m’għandix għalfejn intella’ blokk, tnejn, tlieta, erbgħa, ħamsa. Kieku ħajti naf ngħoddha – għax l-Evanġelju jgħinni ngħoddha – ma naħsibx li jkolli għalfejn nippreokkupa ruħi, jew nibqa’ għaddej minn fuq kulħadd, l-importanti li jkolli fil-but. Naħseb illi jekk ngħodd il-jiem ta’ ħajti, il-persuna ta’ maġenbi nirrispettha iktar, u nqisha bħala ħija, oħti, u mhux bħala xi ħadd li nista’ nisfrutta għalija.

Dawn il-ġranet, fejn noqgħod jien, ġie xi ħadd ikellimni u qalli: ‘Nisħet il-mument li writna’. Kemm hawn nies li jisħtu l-mument li wirtu, imma fl-istess ħin jibqgħu għaddejjin, għaliex il-flus, il-blokk, il-biċċa art saret iktar importanti mill-persuna! Meta l-oġġett isir iktar importanti mill-persuna, xi nkun qed nagħmel jien? Niżvaluta l-persuna tiegħi, lili nnifsi.

Dan hu l-Evanġelju tal-lum: Ġesù “ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob” (Lq 6:12). Għalfejn kien jitlob Ġesù? Kellu bżonn ta’ xi ħaġa? Le! Ġesù kien jitlob għaliex kull darba li inti tieqaf tirrifletti ftit, u tħares lejn il-Missier tas-Sema u tistaqsih, ikollok ħafna risposti u jagħtik ħafna direzzjonijiet. Jgħidlek: ‘Hemmhekk sejjer żmerċ; in-naħa l-oħra naħseb dieħel fil-ħajt; in-naħa l-oħra aħjar timxi mod ieħor’. Imma aħna tant dħalna f’magna ingranata, li meta nieqfu, naqgħu fi kriżi. Għandna dik li jgħidulha d-‘dipressjoni tal-weekend’, jew id-‘dipressjoni tal-vaganzi’. Kważi kważi, meta ma ssibx x’tagħmel, ħajtek tispiċċa bla sens, bla sinifikat. Tara x’tagħmel u tivvinta biex tara x’tagħmel. Għax mexjin, mexjin, mexjin, u d-direzzjoni ma nafux fejn hi. Mhux kulħadd, u skużawni jekk qed nitkellem bħallikieku qisu għandi xi risposta. Jien magħkom… ilkoll kemm aħna.

Għalhekk għandna bżonn tal-Kelma ta’ Ġesù. Ġesù jitla’ fuq il-muntanja biex jikseb direzzjoni għalih u għal dawk ta’ madwaru. Meta jinżel, mid-dixxipli tiegħu, minn dawk li jimxu warajh isejjaħ Appostli, u jgħidilhom: ‘Ejjew nagħmlu l-istess ħaġa’. Ejjew nitgħallmu naqraw il-jiem ta’ ħajjitna, biex id-deċiżjonijiet, l-għażliet tagħna, jirrispettaw l-ewwel u qabel kollox lill-bnedmin. Meta aħna niżvijaw, meta aħna npoġġu l-oġġett, il-proprjetà qabel il-persuna, min ibati? Aħna stess. Ma nibqgħu naraw xejn, ma nibqgħux inħarsu lejn il-ġid komuni. Xi ħaġa sintomatika ħafna: għandna d-djar sbieħ, għalkemm kif aħna sejrin, id-dar se tibqa’ sservina sabiex immorru norqdu fiha, sempliċiment karavan fejn ikollna post fejn norqdu, nieklu… forsi nieklu, għaliex lanqas għadna nieklu fid-dar… ninħaslu, biex immorru għax-xogħol. Imbagħad kultant nisirqu ġimgħa, ħmistax u nonfqu ħafna flus, biex ikollna ċ-ċans nistrieħu u nsiefru. ’L hemm sejrin!

Sintomatiku l-fatt li għandna djar sbieħ immens, imbagħad toħroġ barra fit-triq, u t-triq qisha mhux tagħna, mhi ta’ ħadd. Dan huwa s-sintomu tal-marda komunitarja li teżisti fina. Jew nipparkja fejn ġie ġie – x’jimpurtani minn dak li hemm fejni jew madwari! X’niġi naqa’ u nqum, l-aqwa li ninqeda jien! Jekk nista’ nidħol fil-ħanut bil-karozza, nibqa’ dieħel. Mhux importanti. Dan x’juri? Ir-regoli, il-liġijiet, il-pulizija, il-gwardjani lokali… dawn mhumiex se jsolvu l-problema. Għaliex għal kull implimentazzjoni tal-liġi se jkun hemm min jipprova jara kif jagħmel biex jgħaddi minn hawn u minn hemm, b’mod speċjali jekk jidħlu l-imberkin flus.

Darba kienu jgħidu li s-soċjetà hi mibnija fuq reliġjon, għax iżżomm in-nies fil-biża’: ir-re, is-sultan, għax dak hu li jikkmanda u jagħmel il-liġijiet, ir-regoli; u s-suldati jew il-pulizija, li jimplimentaw ir-regoli jew il-liġi. Illum ma għadhiex tiffunzjona hekk, u allaħares għadha tiffunzjona hekk. Imma llum, minbarra l-ekonomija, u minbarra min imexxi u jagħmel il-liġijiet, u forsi min jimplimenta l-liġi, għax dawn dejjem jonqsu, għandna bżonn iktar ta’ formazzjoni tal-kuxjenzi, tal-qalb tal-persuni, u allura għandna bżonn iktar tal-persuna ta’ Kristu.

Aħna naħsbu li qegħdin ngħixu fi żmien fejn il-Knisja, il-fidi f’Ġesù Kristu, twarrbu fil-ġenb, mhumiex relevanti. Hija assolutament bil-maqlub. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn għanda bżonnu. Mhux biss għandi fiduċja, imma konvintissmu li jekk aħna ma nqabbdux dawn il-valuri, se nispiċċaw iktar diżorjentati. Il-Mulej jagħtina li niċċelebraw Jum Għawdex proprju b’dawn is-sentimenti: mhux ta’ negattività, imma ta’ tama ta’ fiduċja, u ta’ ftuħ il-qalb għall-Kelma ta’ Ġesù, li tgħinna ngħoddu jiem ħajjitna. Meta int tagħraf tgħodd jiem ħajtek, id-deċiżjonijiet ikunu iktar bil-għaqal.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading