Sacrosanctum Concilium fuq l-Ewkaristija

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb dwar paragrafu 47 tal-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium.

F’paragrafu 47 tal-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium – hemm li “L-Ewkaristija hija “sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ unità, rabta ta’ karità, l-ikla tal-Għid li fiha nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena”.

“Miġburin miegħu it-Tnax” hi frażi f’talba sabiħa ta’ San Ġorġ Preca li jisimha ‘Coram Domino’, ‘Quddiem il-Mulej’’. Hi maħsuba għall-viżta li mdorrijin nagħmlu fil-knisja quddiem Ġesù Sagramentat, iż-żjara lil Ġesù. F’din it-talba ngħidu: “Is-sinjur tagħna Ġesu Kristu, miġburin miegħu it-Tnax, awl il-lejl qabel ma miet, ħa l-ħobs fl-idejn imqaddsa u venerabbli tiegħu, u wara li refa’ għajnejh lejn Alla l-Missier tiegħu, bierek u qasam u ta lid-dixxipli tiegħu.” U jkompli r-rakkont fil-qosor tal-aħħar Ċena. Il-kelma “Miġburin” turi element ta’ għaqda, ta’ unità.

L-ewwel Ewkaristija saret f’atmosfera ta’ għaqda, ta’ intimità, meta’ Ġesù fetaħ qalbu mal-appostli tieħu proprju ftit qabel ma ħallihom għall-Passjoni. U meta wieħed minnhom kien qed jagħmel ix-xogħol ta’ dak li jifred, nafu min hu, dak li jkisser l-għaqda. Ġesù xorta jibqa’ għaddej bl-istedina għall-għaqda. “Minn dan jagħrafkom kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom imħabba lejn xulxin.”

Ġesù jagħlaq it-talba tiegħu billi għal aktar minn darba jitlob għalina lkoll, aħna li nemmnu, billi jgħid: “… nitlob, biex ikunu lkoll ħaġa waħda, bħalma aħna ħaġa waħda.” Diġà Ġesù, meta jitkellem dwar ir-ragħaj u n-nagħaġ, kien stieden biex ikun hemm “merħla waħda u ragħaj wieħed.” Kemm hi sabiħa din il-karba ta’ Ġesù għall-għaqda bejn ir-reliġjonijiet.

Imma “miġburin” mhix kollox; irridu nkunu miġburin fl-imħabba. Għax nistgħu nkunu flimkien imma ma nkunux qalb waħda. Bħala Nsara aħna msejħin biex inkunu ħaġa waħda fil-fidi u fl-imħabba. Għalhekk li l-knisja fil-komunità fejn noqogħdu hi msejħa ‘komunità’. Nies li jiltaqgħu flimkien, jitolbu flimkien, u fuq kollox jieħdu sehem mill-Ewkaristija.

Ikun hemm min ma fehemx dan is-sabiħ ta’ unità u ta’ għaqda fil-Knisja, ta’ komunità, li nkunu flimkien f’isem Ġesù. Kien hemm messaġġ fil-facebook, minn magazine li jarawh ħafna. Tikteb attriċi tat-television, li tgħid: “Jiena nemmen f’Ġesù, inħobbu lil Ġesù, imma ma mmurx il-Knisja”. Kien hemm xi ftit li qablu magħha, imma ħafna oħrajn tawha pariri għaqlin, l-aktar waħda li qaltilha: “Inti kif tgħid li tħobb lil Ġesù u ma tridx iżżommu ġo fik?” Xi drabi jkunu skużi, għax is-sħana, jew il-bard, jew għax għandna ħafna x’nagħmlu.

Sabiħ l-eżempju ta’ San Domenico Savio, tifel li ħallielna erba’ proponimenti li kiteb meta ta’ 10 snin rċieva l-Ewwel Tqarbina. Hemm stampa li turi lil Domenico, filgħodu kmieni, għarkupptejh barra l-knisja, fit-triq nieżla l-borra f’Turin, jittawwal mit-toqba tal-muftieħ lejn it-tabernaklu għax il-kappillan ikun għadu ma fetaħx il-Knisja.

Biex tħobb, trid sagrifiċċju. Rajna nies mill-Ukrajna, bil-bombi neżlin u xorta waħda jmorru għall-Quddies, b’riskju kbir ta’ ħajjithom. Jibqgħu magħqudin, speċjalment f’dan l-aktar bżonn.

Ġesù jitkellem fuq l-għaqda u l-imħabba meta ftit ‘il bogħod minnu kien hemm ftehim kontrieh. Qiegħed fiċ-ċena. Kif tiekol meta hemm sħab iswed madwarek? Ikollok aptit? Hekk kienet l-ikla tal-Għid ta’ Ġesù. Imma Ġesù rebaħ fuqu nnifsu u xorta tkellem mal-appostli b’imħabba kbira u dwar l-ikbar imħabba, li wieħed iħalli ħajtu għal ħbiebu.

Trid tħobb tassew. Jekk le, ma tħossx li għandek tmur il-Quddies. Anzi l-ħajja tagħna ta’ kuljum trid tlestina għall-Quddiesa. L-Ewkaristija trid tkun magħna l-ħin kollu. Mill-mejda tad-dar għall-mejda tal-Ewkaristija. Mill-għaqda tal-familja u ma’ dawk ta’ madwarna għall-unità li toffri l-Ewkaristija.

Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading