‘L-Instruemntum laboris’ jappella biex nilqgħu Knisja li tħaddan id-diversità

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tlieta filgħodu, s-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu ppubblika l-“Instrumentum laboris”, id-dokument li se jiggwida l-ħidma tal-Assemblea Ġenerali  tas-Sinodu dwar is-Sinodalità, li se jiltaqa’ f’Ruma f’Ottubru 2023 u jispiċċa bit-tieni Assemblea f’Ottubru 2024.

Dokument ta’ xi sittin paġna li jinkopora l-esperjenzi ta’ Knejjes lokali f’kull reġjun tad-dinja – Knejjes li qed jesperjenzaw gwerer, tibdil fil-klima, sistemi ekonomiċi li jipproduċu “sfruttament, inugwaljanza, u ‘ħela’”. Knejjes li l-fidili tagħhom qed isofru l-martirju, f’pajjiżi fejn huma minoranza jew fejn qed ikunu “mmexxija b’sekularizzazzjoni, li kultant hi aggressiva.”

“Knejjes midruba minn abbuż sesswali, jew abbużi tal-poter u tal-kuxjenza,” sew jekk ekonomiċi u istituzzjonali – feriti li jitolbu tweġibiet u “konverżjoni”. Knejjes li bla biża’ qed jiffaċċjaw l-isfidi billi jimpenjaw ruħhom fid-dixxerniment sinodali, mingħajr ma jippruvaw “isolvuhom akkost ta’ kollox”: “B’hekk biss jistgħu dawn it-tensjonijiet isiru sorsi ta’ enerġija u ma jispiċċawx f’polarizzazzjonijiet distruttivi”.

Deliberatament maħsub bħala punt tat-tluq u mhux punt tal-wasla, l-Instrumentum laboris jiġbor flimkien l-esperjenzi tad-djoċesijiet madwar id-dinja matul l-aħħar sentejn, li bdew mill-10 ta’ Ottubru 2021, meta l-Papa Franġisku beda l-vjaġġ biex jagħraf x’passi għandu jieħu “biex tikber bħala Knisja sinodali”.

L-Instrumentum laboris, huwa maħsub bħala għajnuna għad-dixxerniment “matul” l-Assemblea Ġenerali, filwaqt li fl-istess ħin iservi bħala meżż ta’ tħejjija għall-parteċipanti hekk kif iħarsu ‘l quddiem lejn il-laqgħa. “Tabilħaqq, l-iskop tal-proċess sinodali” jgħid id-dokument, hu li filwaqt li jtenni l-kliem tad-Dokument ta’ qabel għall-istudju Kontinentali, “mhuwiex li jipproduċi dokumenti imma li jiftaħ orizzont ta’ tama għat-twettiq tal-missjoni tal-Knisja”.

L-Instrumentum laboris huwa magħmul minn test ta’ spjegazzjoni u ħmistax-il worksheet li jiżvelaw il-viżjoni dinamika tal-kunċett ta’ “sinodalità”. Speċifikament, hemm żewġ taqsimiet ewlenin:

Taqsima A tenfasizza l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar sentejn u tindika t-triq ‘il quddiem biex issir Knisja dejjem aktar sinodali;

Taqsima B – bl-isem “Kommunjoni, Missjoni, Parteċipazzjoni” – tiffoka fuq it-“tliet kwistjonijiet ta’ prijorità” fil-qalba tal-ħidma li għandha ssir f’Ottubru 2023. Dawn huma elaborati fi tliet temi ewlenin: Tkabbir fil-komunjoni billi tilaqa’ lil kulħadd, u ma teskludi l-ebda waħda; li jagħrfu u jistmaw il-kontribut ta’ kull persuna mgħammda fid-dawl tal-missjoni; u l-identifikazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza u dinamika li permezz tagħhom tiġi artikolata l-parteċipazzjoni u l-awtorità maż-żmien fi Knisja sinodali missjunarja.

“F’dan l-għarfien”, jafferma d-dokument, “hemm ix-xewqa għal Knisja li hija wkoll dejjem aktar sinodali fl-istituzzjonijiet, fl-istrutturi u fil-proċeduri tagħha”. Jinnota li Knisja sinodali hija l-ewwel u qabel kollox “Knisja li tisma’” u għalhekk “tixtieq li tkun umli, u taf li trid titlob maħfra u għandha ħafna x’titgħallem”. Ikompli, “l-wiċċ tal-Knisja llum iġorr is-sinjali ta’ kriżijiet serji ta’ sfiduċja u nuqqas ta’ kredibbiltà. F’ħafna kuntesti, kriżijiet relatati ma’ abbuż sesswali, u abbuż ta’ poter, flus, u kuxjenza, mbuttaw lill-Knisja biex tagħmel eżami tal-kuxjenza impenjattiv biex ‘imqanqla mill-Ispirtu s-Santu’, l-Knisja ‘ma tieqaf qatt tiġġedded’, fi vjaġġ ta’ ndiema u konverżjoni li tiftaħ mogħdijiet ta’ rikonċiljazzjoni, fejqan u ġustizzja”.

Knisja sinodali hija wkoll “Knisja ta’ laqgħa u djalogu” ma’ dawk li jemmnu f’reliġjonijiet oħra u ma’ kulturi u soċjetajiet oħra. Hija Knisja li “ma tibżax mill-varjetà li ġġorr”, imma għall-kuntrarju, “tqiesha mingħajr ma ġġiegħelha fl-uniformità”. L-Knisja hija sinodali meta titrawwem bla waqfien mill-misteru li tiċċelebra fil-liturġija, li matulha kuljum tesperjenza “għaqda radikali” fl-istess talb, f’nofs “diversità ta’ lingwi u riti”.

Siltiet oħra sinifikanti oħra jikkonċernaw il-kwistjonijiet tal-awtorità (“L-awtorità tqum bħala forma ta’ poter imnissla mill-mudelli offruti mid-dinja, jew għandha l-għeruq fis-servizz?” hija waħda mill-mistoqsijiet); il-ħtieġa ta’ “formazzjoni integrali, inizjali u kontinwa” għall-Poplu ta’ Alla; kif ukoll il-ħtieġa ta’ “sforz simili” mmirat lejn it-tiġdid tal-lingwa użata fil-“liturġija, fil-predikazzjoni, fil-katekeżi, fl-arti sagra, kif ukoll f’kull forma ta’ komunikazzjoni indirizzata lill-Fidili u lill-pubbliku aktar wiesa’, inkluż permezz ta’ forom ġodda jew tradizzjonali ta’ midja”. It-tiġdid tal-lingwa, jgħid it-test, irid “jimmira li jagħmel dan l-għana aċċessibbli u attraenti għall-irġiel u n-nisa ta’ żmienna, aktar milli ostaklu li jżommhom ‘il bogħod”.    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2023-06/instrumentum-laboris-calls-welcoming-yet-diverse-church.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading