Il-ħarsien tal-wirt nisrani fi Franza

Print Friendly, PDF & Email

Minn Joe Galea

Il-Knisja fi Franza laqgħet b’sodisfazzjon il-wegħda li għamel fil-5 ta’ Ġunju l-President Emmanuel Macron biex mingħajr dewmien jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġu protetti eluf ta’ binjiet storiċi reliġjużi fil-pajjiż kollu. Il-President iddikjara b’mod ċar l-importanza tal-wirt reliġjuż tal-pajjiż u l-bżonn li jiġi protett.

Se tkun inizjattiva ġdida biex jiġu mħarsa l-knejjes antiki tal-pajjiż. Fi Franza hemm mal-100,000 binja reliġjuża, li jinkludu 42,000 kappelli u katidrali Kattoliċi, patrimonju vast li sawwar ukoll il-kampanja Franċiża. Storikament il-villaġġi fi Franza nbnew madwar il-knejjes, hekk li l-manutensjoni tal-knejjes tfisser ukoll kura tal-pajjiż.

In-nar li kważi qered il-Katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi f’April tal-2019 kien qajjem kuxjenza, mgħejun minn rapport imniedi mis-Senat Franċiż f’Lulju tal-2022 li wissa li ħafna binjiet storiċi reliġjużi se jaslu li jitwaqqgħu jekk mhux se jkunu mħarsa.

Kemm kif inħaraq il-katidral ta’ Notre Dame kif ukoll fis-sena ta’ wara, ġiet studjata l-kundizzjoni ta’ 190 katidrali storiċi, wara sejħa minn ħafna li għandhom għal qalbhom il-patrimonju reliġjuż, hekk fraġli, tal-pajjiż. Ħaġa pożittiva hi li kemm is-senaturi tal-lemin estrem kif ukoll il-komunisti qablu dwar il bzonn urġenti ta’ protezzjoni għal dawn il-binjiet, xewqa li kellha eku nazzjonali. Il-mexxejja ta’ Franza raw li jekk il-partiti jaħdmu flimkien għal dan, tista’ tinstab soluzzjoni għall-problema.

Il-knejjes Kattolici, il-monasteri u l-kunventi, li ħafna minnhom ġarrbu ħsarat kbar matul u wara r-rivoluzzjoni tal-1789 sal-1799, ittieħdu mill-istat fl 1905 bil-liġi ta’ separazzjoni bejn il-Knisja u l-istat. Uffiċjali lokali bdew jieħdu ħsiebhom bi spejjeż pubbliċi filwaqt li l-kleru seta’ jużahom għall-Quddies. Illum, bin-nuqqas ta’ nteress u attendenza fil-knejjes, issib kunsilli lokali, l-aktar f’żoni rurali, li jilmentaw li dan jimponi fuqhom piż finanzjarju.

Ir-rapport tas-Senat sab li l-amministrazzjoni tal-knejjes kienet imfixkla minn serq u vandaliżmu, kif ukoll minn konflitti bejn is-sindki lokali u r-retturi tal-parroċċi. Dan wassal biex tal-inqas 7 dipartimenti amministrattivi abbandunaw id-dmir tagħhom ta’ manutensjoni.

Fil-5 ta’ Ġunju, fiċ-ċelebrazzjoni tal-elf sena anniversarju tal-monasteru ta’ Mont-Saint-Michel, fin-Normandija, il-President Macron qal li 10,500 biss mis-siti reliġjużi huma meqjusa bħala monumenti storiċi, bi dritt għall għajnuna finanzjarja mill-Ministeru tal-Kultura. Qal li hemm bżonn miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata l-kura tagħhom. Macron ħabbar li kien ordna miżuri b’seħħ minn Settembru, li jinkludu nuqqas ta’ taxxa fuq donazzjoniiet, simili għall-istrateġija li ntużat għall-bini mill-ġdid ta’ Notre Dame. Dan sar wara ittra lil Macron minn 131 parlamentari taċ-ċentru-lemin, iħeġġu l-protezzjoni għal knejjes tal-kampanja li, skont huma, jiffurmaw “ir-ruħ ta’ Franza”.

L-istqarrija ta’ Macron ġiet milqugħa tajjeb minn Edouard de Lamaze, il-President tal-Osservatorju tal-Wirt Reliġjuż ta’ Franza, li qal li dan jevita lill-knejjes milli jiġu desakrati minn żviluppaturi ta’ propjetà u spekulaturi. Iċ-ċittadini Franċiżi huma marbutin b’mod kulturali mal-patrimonju reliġjuż ta’ pajjiżhom u minkejja n-nuqqas ta’ sehem fil-knejjes, lesti li jikkontribwixxu b’mod ġeneruż hekk kif tidħol il-miżura ta’ taxxa mnaqqsa. Jafu li mill-inqas 500 knejjes storiċi dalwaqt jaqgħu jekk ma jittieħdux miżuri strutturali b’mod urġenti. Ir-rapport tas-Senat tal-2022 wissa li madwar 5,000 knisja, ħafna minnhom li jwasslu sal-Medju Evu, jistgħu jinbiegħu jew jitwaqqgħu sal-2030 jekk ma jkunx hemm allokati riżorsi biex jinżammu fi stat tajjeb.

Id-diffikultà ta’ manutensjoni tal-knejjes storiċi tinħass f’diversi pajjiżi tal-Ewropa. Fl-Olanda, il-katidral Gotiku tas-seklu 16, dak ta’ Santa Katerina, f’Utrecht, tqiegħed għall-bejgħ fl-2019 u hemm il-periklu li żewġ terzi tal-knejjes fl-istess djoċesi se jkunu mġiegħla jagħlqu sal-2050 minħabba li kiber in-numru ta’ dawk li m’għadhom imorru l-knisja.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet, ir-rapport tas-Senat Franċiż isejjaħ għal miżura biex ma jħallux traffikar illegali ta’ oġġetti reliġjużi u biex tiġi miġġielda l-indifferenza ġenerali u ssir risoċjalizzazzjoni tal-postijiet ta’ qima. Huwa biss jekk dawn il-binjiet jibqagħlhom sens u jkunu ta’ utilità għal aktar nies tista’ li l-patrimonju reliġjuż ikun garantit. Bħal kull ġid komuni, dawn il-binjiet ma fihomx biss vslur spiritwali, imma wkoll storiku, kulturali, artistiku u arkitettoniku. Jistrutturaw ix-xenarju, jiddefinixxu identitajiet territorjali u jipprovdu wisa’ biex jiġu trasmessi l-memorji lokali u nazzjonali, kif ukoll jikkontribwixxu għall kwalità ta’ ħajja ambjentali.

Ir-rapport kien sar  wara l-ġbir ta’ iktar minn 932 miljun dollaru f’donazzjoniiet għall-bidi mill-ġdid ta’ Notre Dame li hu mistenni li jerġa jiftaħ għall qima reliġjuża f’ April tal-2024 qabel il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading