L-Assunta turina kif tkun parroċċa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 20 ta’ Awwissu 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Santa Marija. Santwarju arċipretali ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, Żebbuġ.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Nixtieq dalgħodu nirrifletti ftit magħkom, imma nixtieq li tkun riflessjoni tagħna kollha ma’ xulxin. X’jagħmel parroċċa? Il-knisja sabiħa? L-istatwa titulari? Ir-rikkezzi li hemm fil-knisja? Kieku l-parroċċa kienet il-knisja, konna ngħidu li l-parroċċa hi mużew, jew inkella esibizzjoni kontinwa, u fiż-żmien tal-Festa tilħaq il-quċċata tagħha. Mela x’jagħmel il-parroċċa? Il-banda tar-raħal flimkien mal-kor? Kieku l-parroċċa kienet il-banda u l-kor, konna ngħidu illi l-parroċċa hija skola mużikali, kumpanija tal-kant. X’jagħmel il-parroċċa? L-armar sabiħ li għandna fit-toroq? Kieku l-parroċċa hija l-armar sabiħ fit-toroq u l-ħwejjeġ sbieħ li għandna fil-knisja, konna ngħidu li l-parroċċa kienet gwardarobba li kull tant u tant toħroġ u turi x’għandha barra fit-triq. X’jagħmel il-parroċċa? In-nar li jsir fil-Festa? Kieku konna ngħidu li l-parroċċa hi ħafna storbju matul ġimgħa li mbagħad jgħaddi u jisparixxi. X’taħsbu li jagħmel il-parroċċa? Tgħiduli n-nies. Lanqas in-nies ma jagħmlu l-parroċċa. Il-qassis, il-kappillan. Lanqas il-kappillan ma jagħmel il-parroċċa. Il-qassisin. Lanqas il-qassisin ma jagħmlu l-parroċċa. Mela x’inhi din il-parroċċa?

Tgħiduli: ‘Qed tkellimna fuq il-parroċċa fil-Festa tal-Assunta?’. Iva, illum tassew f’loku li nitkellmu dwar x’inhi l-parroċċa. Ejja nippruvaw inħarsu ftit lejn il-ġrajja tal-Vanġelu li smajna (Lq 1:39-56) u niffukaw ftit fuq dak li qed niċċelebraw. Jekk dak kollu li nagħmlu fil-knisja, l-armar, il-banda, in-nar, aħna bħala bnedmin, jekk dak kollu li nagħmlu ma jorjentaniex lejn fejn hi miexja Marija, mela dan kollu ma jiswa għal xejn, jew jiswa għal affarijiet oħra, imma mhux biex inkunu parroċċa. Jiswa biex ngħidu: ‘Kellna festa sabiħa’, jiswa biex ngħidu: ‘Għandna knisja sabiħa’, jiswa biex ngħidu: ‘Għandna opri mużikali tal-ġenn’, sbieħ u fihom il-valur tagħhom, u tajbin, imma mhumiex parroċċa, ma jagħmlux parroċċa.

Ippruvaw iftħu ftit widnejkom dalgħodu, intom u aħna kleru – jien magħkom –, biex nippruvaw nilqgħu dik li hija l-aħbar ta’ Ġesù, l-aħbar ta’ Alla fuq il-parroċċa, u nippruvaw nifhmu x’inhi l-parroċċa, fid-dawl tal-Vanġelu li smajna. Il-Vanġelu beda hekk: “F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (v. 39). Tiftakruh dan il-vers? Liema kienu dawk il-ġranet? X’ġara qabel preċiż fil-Vanġelu ta’ San Luqa? Qabel preċiż Marija kellha l-esperjenza tas-smigħ tal-Kelma tal-anġlu (Lq 1:26-38), illi ħabbrilha li se ssir Omm Alla. Kif ngħidu ‘Omm Alla’ aħna mill-ewwel ninqatgħu mill-art u ngħidu: ‘Mhix biċċa tagħna dik’. Ejjew niftakru fil-fatt illi Alla kellem lil Marija u li meta semgħetu qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek” (v. 38). U hawn diġà tibda l-parroċċa, hawn nibdew nirraġunaw. Il-parroċċa l-ewwel u qabel kollox hi n-nies. Liema nies? Dawk li bħal Marija jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jippruvaw ipoġġuha fil-prattika. Dawk huma n-nies li nistgħu nsejħulhom parroċċa. Hawn hu l-bidu.

Mela diġà għandna punt importanti. Fil-parroċċa tagħna, fil-parroċċi l-oħra tad-Djoċesi, hemm realtajiet ta’ katekeżi taż-żgħar. Għandna l-katekiżmu tat-tfal għax bilfors! Ħafna minnhom għall-Ewwel Tqarbina għax bilfors! Mhux it-tfal għax bilfors; il-ġenituri għax bilfors, aħna l-kbar għax bilfors. ‘U għax flok żewġ lezzjonijiet ma jagħmlux waħda? U għax flok tlieta ma nġibuhomx darba?’. Aħna parroċċa jew m’aħniex? Il-parroċċa tinġabar madwar il-Kelma ta’ Alla u tismagħha. Il-katekiżmu tat-tfal, imma dak tat-tfal. L-adolexxenti, iż-żgħażagħ, dawk għandhom il-gruppi. U aħna l-adulti? Azzjoni Kattolika, Leġjun ta’ Marija, il-ftit li jmorru… u l-oħrajn? Ir-realtà tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla fejn hi? Le, m’aħniex parroċċa. Mhux qed ngħid għal din ir-realtà biss, imma għar-realtajiet kollha l-oħra tad-Djoċesi. Jekk aħna ma nisimgħux il-Kelma ta’ Alla, jekk m’aħniex f’realtà li bħal Marija tisma’ l-Kelma u tipprova tirrifletti fuqha u twettaqha fil-ħajja tagħha, m’aħniex parroċċa.

X’tagħmel Marija wara li tisma’ l-kelma tal-anġlu? Il-Vanġelu jgħidilna li hi tqum, tħaffef u tmur għand Eliżabetta. X’jiġifieri tqum, tħaffef u tmur għand Eliżabetta? Kif tmur għand Eliżabetta din Marija? Imqanqla mill-kelma li semgħet. Meta aħna nisimgħu l-Kelma, mill-ewwel titfagħna għand l-oħrajn, mill-ewwel iddaħħalna f’relazzjoni tajba mal-oħrajn. San Luqa jsemmi li Marija u Eliżabetta mtlew it-tnejn bl-Ispirtu s-Santu, bi spirtu ta’ ferħ kbir. Dawn kienu ferħanin, relazzjoni mimlija bil-ferħ. Mela kif Marija tisma’ l-Kelma ta’ Alla, b’Ġesù fiha, bil-Kelma ta’ Alla fiha, kif jiġrilna aħna meta nisimgħuha tassew… bil-Kelma ta’ Alla fija wara li smajtha, jien immur u ma nistax niġġieled, jien immur nipprova nagħmel mhux biss paċi, imma nipprova ngħin, inħobb, naqdi, inferraħ.

Mela l-parroċċa hi l-komunità ta’ nies illi semgħu l-Kelma ta’ Alla u jippruvaw jgħixu bejniethom bħal aħwa, f’komunjoni, jippruvaw iżommu bejniethom l-ispirtu tal-imħabba ta’ Ġesù. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” (Ġw 13:35)… Minn kemm għandkom knejjes sbieħ? Minn kemm tagħmlu Festa kbira? Ma qalx hekk Ġesù, imma “minn kemm tħobbu lil xulxin”, mill-imħabba ta’ bejnietkom. Ir-riskju xi jkun meta ma nismax il-Kelma ta’ Alla? Ir-riskju jkun li l-gruppi kollha li aħna ngħidulhom parti mill-parroċċa jispiċċaw f’kunflitt wieħed mal-ieħor. Il-membri tal-gruppi li jkollna fil-parroċċa, billi m’hemmx is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u l-ispirtu ta’ Alla bejnietna, allura se nidħlu f’kunflitt. U ħafna drabi dawn il-kunflitti nibqgħu nkaxkruhom. Mhix parroċċa għax m’hemmx is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, m’hemmx l-Ispirtu ta’ Alla li fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jorbotna, jagħmilna komunità, jagħmilna familja.

Imma x’jagħmlu iktar Marija u Eliżabetta? U kif jagħtuna dawl fuq kif għandha tkun il-parroċċa? Marija u Eliżabetta jibdew jifirħu b’xulxin. Diġà semmejnieha l-komunjoni, imma dawn jibdew ifaħħru lil Alla. U hawn tiġi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, dak li qegħdin nagħmlu. Il-quddiesa li qegħdin nagħmlu suppost mhix għajr festa, espressjoni tal-komunjoni ta’ bejnietna u tar-risposta tagħna lil Alla wara li smajnieh ikellimna. Imma x’jiġri meta ma nkunx smajt il-Kelma ta’ Alla jien u meta ma jkunx hemm komunjoni bejnietna? Il-quddiesa x’tibda tfisser? Maġija. Ħa mmur il-quddiesa nitlob grazzja. Ħa mmur il-quddiesa biex inkun qdejt dmiri. Ħa mmur il-quddiesa għax imdorri mmur il-quddies. Le, fqira wisq hekk il-quddiesa! Il-quddiesa mhix għajr meta flimkien – Marija u Eliżabetta ma’ xulxin jifirħu, l-Ispirtu ta’ Alla bejniethom – infaħħru lil Alla għal dak kollu li qed jagħmel magħna, b’mod speċjali għall-Kelma tiegħu li kontinwament jagħtina, li tagħtina l-ħajja biex ngħixu.

Aħna għandna bżonn tal-Kelma ta’ Alla biex ngħixu, inkella ngħixu kontinwament fil-problemi tagħna, fid-dwejjaq tagħna, fid-diskussjonijiet tagħna, fil-ħmerijiet tagħna, jekk ma tkunx il-Kelma ta’ Alla li terfagħna ’l fuq. Allura l-Ewkaristija, iċ-ċelebrazzjoni – għandna l-Magnificat, ir-radd ta’ ħajr u t-tifħir lil Alla – tfisser ringrazzjament, dak li qed nagħmlu dalgħodu. Imma dak li jsir kull nhar ta’ Ħadd, dak li jsir kuljum. Għalhekk il-komunità Nisranija tiltaqa’, tiċċelebra kuljum, biex twieġeb lil Alla għas-sejħat tiegħu li jagħmel permezz tal-Kelma.

Imma x’tagħmel iktar Marija, jgħidilna l-Vanġelu? Marija toqgħod ma’ Eliżabetta għal tliet xhur biex taqdiha. Il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu, bħal Marija li tisma’ lill-anġlu, tpoġġina f’komunjoni, f’għaqda, f’rabta sħiħa ma’ xulxin, tgħinna, tqanqalna biex niċċelebraw l-Ewkaristija u nifirħu flimkien. Iva, għandna dritt nifirħu flimkien u nfaħħru lil Alla flimkien, imma wkoll tagħmilna qaddejja ta’ xulxin. Il-parroċċa hi dik il-komunità ta’ nies li ħsiebha f’dawk in-nies li għandhom il-problemi, mhux biex ittaqtaq fuqhom, mhux biex inħossuna aħjar għax dawk għandhom il-problemi u tagħna mhumiex kbar daqs tagħhom; imma biex tgħin, biex taqdi, biex tmur tgħinhom, biex tmur issostnihom, isservihom. Marija tibqa’ ma’ Eliżabetta għal tliet xhur.

Mela l-parroċċa hija komunità li tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tintrabat iktar ma’ xulxin, f’komunjoni ma’ xulxin bis-sens, tfaħħar lil Alla fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewkaristija, fil-Liturġija, u mbagħad taqdi lil xulxin, b’mod speċjali lil dawk li huma l-iktar batuti. Jekk ma jkollniex dan l-orjentament, allura ma nistgħux ngħidu li hemm parroċċa. Nistgħu ngħidu li hemm raħal, imma mhux parroċċa. X’differenza tagħmel meta l-banda, tan-nar, tal-armar, tal-kumitat tal-Festa, is-saċerdoti, ngħaddu kollha kemm aħna minn dan il-proċess – mhux darba, imma kontinwament – tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u l-komunjoni kontinwa bejnietna! Għiduli intom dik il-koppja li tkun tisma’ kontinwament il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħha, il-kunflitti li jinqalgħu fid-dar kif tgħixhom, b’liema ħila kapaċi ssolvi l-problemi, għax hemm Alla f’nofshom! Għiduli intom liema liema kumitati bejniethom ma jiftehmux, jekk hemm il-Kelma ta’ Alla, ta’ veru! Noqogħdu naqra attenti. Ara ma nimmaġinax jien, Isqof, jew aħna l-qassisin, illi aħna għandna l-Kelma ta’ Alla u intom m’għandkomx! Ara naħsbu jew nimmaġinaw aħna l-qassisin li l-Kelma ta’ Alla aħna nisimgħuha u nippruvaw ngħixuha, u intom le! Għax kollha qegħdin f’baħar wieħed, fl-istess ilma. Dan li qed ngħid, qed ngħidu l-ewwel u qabel kollox għalija, għalina illi l-Mulej sejħilna biex inkunu ragħajja.

Il-kelma parroċċa hi kelma sabiħa ħafna, ġejja mill-kelma li juża San Luqa fil-Vanġelu ta’ Għemmaws (Lq 24:13-35), meta jgħid li waqt li kienu mexjin dawk fit-triq, daħal wieħed barrani f’nofshom. U biex jgħid il-kelma barrani, San Luqa juża żewġ kelmiet Griegi, para u ikon. Diġà hemm il-kelma parroċċa ddoqq fihom: para u ikon. Il-parroċċa hi l-para u ikon:dak il-barrani huwa xi ħadd li qiegħed ġo nofshom imma jirraġuna b’mod differenti, jaħseb b’mod differenti, iħoss b’mod differenti. Hu barrani, qiegħed ġo nofshom, para – fil-qrib; imma ikon –barrani għalihom. Fil-qrib u barrani għalihom! Inkella x’jiġrilha l-parroċċa? Tispiċċa tintgħaġen mal-bqija tar-realtajiet l-oħra tal-ħajja u ssir kumpanija finanzjarja, issir azjenda li trid tagħmel il-performance ’l hawn u ’l hemm… jekk ma jkunx hemm dawn l-elementi: smigħ tal-Kelma ta’ Alla, komunjoni ta’ bejnietna, ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ta’ veru, imma dawn kollha jridu jkunu hemm għall-qadi tal-foqra.

Imma dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-Assunta, ma’ Marija mtellgħa fis-Sema? L-Assunta lilna taqbadna minn xagħarna kollha kemm aħna llum u tgħidilna: ‘Intrefgħu naqra ’l fuq!’. Mhix kwistjoni tal-Parroċċa taż-Żebbuġ, imma kwistjoni ta’ Għawdex kollu u forsi ta’ bnadi oħra wkoll, imma jiena minn Għawdex tagħna jinteressani l-iktar. Kemm għandna bżonnu dan l-ispirtu tal-Assunta li jerfagħna ’l fuq, għax kultant aħna mingħalina li qed nagħmlu parroċċa, imma ma nkunux għajr fl-ingranaġġi u fid-dinamiċi tal-materjaliżmu, fil-loġika tar-raġunament tad-dinja li ngħixu ġo fiha! U nibdew nirraġunaw bl-istess mod: ‘Għax dak għamel hekk u jien nagħmel hekk’, u għax ‘trid tpattihielu’…

Ejjew nitolbu lil Marija biex tgħinna. Din hi l-aħħar Festa ta’ Santa Marija li qed niċċelebra din is-sena, imma nixtieq nitlobhielha verament, għad-Djoċesi kollha tagħna, biex tgħinna ninqalgħu ftit mill-materjaliżmu, minn din il-loġika azjendali ta’ kumpanija li kultant il-parroċċi tagħna jsibu ruħhom fiha, b’ħafna sforzi sintendi. Jien ma nistax hawnhekk ma nirrikonoxxix il-ħafna sforzi tal-kappillani, tal-qassisin u tal-ħafna voluntiera li jippruvaw jgħinu, imma naħseb li importanti nkunu ffukati, inkunu nafu x’aħna nagħmlu, għax nistgħu nsibu ruħna qed nagħmlu ħaġa mingħalina li hi tajba u fil-fatt ma tkunx. Marija Mtellgħa s-Sema, idħol għalina lkoll.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading