L-erba’ ħitan tad-dar tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari tal-Madonna ta’ Loreto. Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

X’inhi r-raġuni li minħabba fiha nagħmlu Festa lil Marija u lid-dar tagħha? Għax kellha xi villa kbira bis-swimming pool? Għaliex min jaf kemm ħadmet u stinkat u daħħlet flus biex xtratha? Għaliex kellha f’moħħha li tagħmel biċċa negozju minnha? Għaliex kienet dar li fiha kulħadd kien jinġabar, in-nies tat-triq, in-nies tar-raħal, biex jagħmlu xi barbikju kbir jew xi festa kbira? Għax kienet ikbar minn tal-oħrajn, għax kienet l-isbaħ waħda li kien hemm fil-belt ta’ Nazaret? Għal liema raġuni nagħmlu festa lil din id-dar ta’ Marija? Għal raġuni waħda biss: għax f’din id-dar Marija semgħet lil Alla jkellimha u weġbitu. F’din id-dar Alla kien wieħed minn ta’ ġewwa. Dawk li kienu jgħix f’din id-dar kienu mdorrijin jitkellmu, jisimgħu u jwieġbu lil Alla.

Kieku kellu jiġi l-anġlu tal-Mulej fid-djar tagħna llum, xi jsib? Isib diffikultajiet ta’ mard, ta’ saħħa, problemi kemm li jmissu mal-moħħ u kemm li jmissu mal-ġisem. Isib diffikultajiet ta’ relazzjonijiet: nies ma jitkellmux ma’ xulxin; ġenituri ma jitkellmux mal-ulied; ulied ma jridux jafu bil-ġenituri tagħhom; aħwa li għandhom xi jgħidu ma’ xulxin fuq il-wirt. Ma jsibx biss negattiv, imma jsib ukoll nies li qegħdin jitħabtu, jippruvaw u jistinkaw, biex jagħmlu mid-dar tagħhom familja; biex jagħmlu mid-dar tagħhom relazzjonijiet awtentiċi, relazzjonijiet veri, relazzjonijiet maturi, raġel u mara li jirrispettaw tassew lil xulxin, ġenituri li ħsiebhom fl-interess, fil-maturità ta’ wliedhom, fl-iżvilupp veru u ġenwin tal-ulied. Jekk jiġi l-Ispirtu ta’ Alla, jekk jiġi l-anġlu ta’ Alla llum fid-dar tiegħi, fid-dar tiegħek, fid-dar tagħna, fejn sejjer int issa wara li tlesti minn din iċ-ċelebrazzjoni, xi jsib? X’hemm ġewwa d-dar tiegħek? Fuqiex tixtiequ jkellmek l-anġlu ta’ Alla fid-dar tiegħek?

Jekk ma nagħmlux dan l-eżerċizzju dalgħodu, nirriskjaw li nagħmlu festa lill-Madonna għalxejn. Għax il-Madonna m’għandhiex bżonn il-festi tagħna. Ara ma mmorrux nimlew rasna jew naħsbu li xi ħadd fis-sular ta’ fuq għandu bżonn il-festi u l-kummiedji tagħna! Ara taħsbuha din, għax inkunu qegħdin niżbaljaw! Anzi, nispiċċaw li ninqdew bihom biex niġġustifikaw, biex ngħidu li hu tajjeb dak li fil-fatt mhux tajjeb, dak li fil-fatt huwa ħażin, anki fil-festi tagħna. Ninqdew bihom biex nagħtu raġuni għalfejn nistgħu nagħmlu dak li fil-fatt Alla ma jridux. Dan hu ingann kbir, huwa żball kbir li żgur li ma jagħtix gost la lil Alla u lanqas lil Ommu Marija. Għandna bżonn li nkunu rġiel u nisa ta’ veru, irġiel u nisa maturi li jirraġunaw b’moħħhom, u li dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb, u dak li hu ħażin jibqa’ dejjem ħażin.

Meta jiġi l-anġlu tal-Mulej fid-dar tagħna, kif mar fid-dar ta’ Marija, x’jixtieq isib? Jixtieq l-ewwel u qabel kollox isib li ġewwa l-familja tagħna, bejn l-erba’ ħitan tal-familja tagħna, ikun hemm il-ferħ. Fil-fatt, l-ewwel kelma li l-anġlu jgħid lil Marija kienet: “Ifraħ, Marija” (Lq 1:28); aħna ttraduċejnieha bil-kliem “Sliem għalik”, imma t-traduzzjoni preċiża hija “Ifraħ”. Meta jidħol Alla fid-dar tagħna, jixtieq li jkun hemm il-ferħ. Meta jidħol tassew fid-dar tagħna, Alla jġib miegħu l-ferħ. Allura l-ewwel mistoqsija tagħna dalgħodu tkun: Imma fid-dar tagħna hemm jew m’hemmx il-ferħ? Jekk m’hemmx il-ferħ, jista’ jkun li, anki jekk mingħalija s’issa jien fittixt lil Alla, kont qrib ta’ Alla, u Alla kien qrib tiegħi, Alla jrid jidħol iktar fil-ħajja tiegħek; jekk m’hemmx il-ferħ ifisser li inti trid tiftaħlu iktar qalbek lil Alla, għax għadek ma dħaltx fil-profondità tar-relazzjoni vera u matura miegħu. Alla hu Alla tal-ferħ.

Kif jiġi l-ferħ? Kif iġibu miegħu l-ferħ Alla? Ma jiġix awtomatiku, ma jiġix b’xi maġija, jew b’xi miraklu; imma jiġi billi nsaħħu tassew l-erba’ ħitan ta’ djarna, l-erba’ ħitan tal-kmamar tagħna.

Nies tax-xogħol

L-ewwel u qabel kollox id-dar tagħna trid tkun dar li fiha hemm nies li jaħdmu, nies tax-xogħol. Tgħiduli: “Aħna sirna qisna magna, kulħadd għaddej, bl-addoċċ, ħadd m’għandu ħin għal xejn u għal ħadd… u inti qed tgħidilna li d-djar tagħna jridu jkunu djar li fihom hemm nies li jaħdmu!”. Iva, naf x’qed ngħid. Fid-djar tagħna għandna bżonn ta’ nies li jaħdmu u li jaħdmu ta’ veru.

Hemm ħaddiema f’Għawdex tagħna li jitħallsu ta’ xogħol li ma jagħmlux. Hemm ħaddiema f’Għawdex tagħna li jmorru fuq ix-xogħol għal ftit minuti, jew biex ma ngħaġġibhiex, għal ftit sigħat, u jmorru jagħmlu xi ħaġa oħra. Tgħiduli: “Mhux xogħol?”. Mhux xogħol kif jixtiequ Alla, u huwa qerq. Ikisser u jwaqqa’ wieħed mill-ħitan tad-djar tagħna, għax mingħajr ma nkunu nafu, jien ġenitur, jien missier jew omm ta’ familja li nipprova nqarraq, li nipprova nitħallas ta’ dak li ma nagħmilx, qiegħed ngħaddi dan id-diżvalur jew dan il-vizzju lil uliedi. Jien Alla jbierek trankwill u moħħi mistrieħ għax deħlin il-flus, u ma nkunx qed ninduna li qiegħed ngħawwar, qiegħed ngħarraq il-moħħ u l-qalb ta’ dawk iż-żgħar li għandi quddiemi. Taħdem ifisser tipparteċipa, tieħu sehem, tkompli tgħin lil Alla fil-ħolqien; tagħmel parti minn sistema ta’ belt, ta’ raħal, ta’ pajjiż fejn wieħed jgħin lill-ieħor, wieħed joħroġ għonqu għall-ieħor. Għandi dritt nitħallas tal-fatt li jien noħroġ għonqi għalik, tal-fatt li jien qiegħed għas-servizz tiegħek. Imma m’għandix dritt nitħallas ta’ meta jien, flok li naqdik, nipprova ninqeda bik. M’għandix dritt nitħallas ta’ dak li ma naħdimx għalih, ta’ dak li jien ksibt b’qerq. Inkunu qegħdin inwaqqgħu wieħed mill-ħitan f’saħħithom tad-dar ta’ Nazaret u tad-dar tagħna.

Ma jistax ikun hemm ferħ u paċi f’dik id-dar fejn m’hemmx xogħol dinjituż. Wieħed jaħdem, u x-xogħol huwa servizz, huwa qadi lil ħuti. Anki jekk jien qiegħed wara skrivanija, anki jekk jien qiegħed f’kamra waħdi xi mkien, li ħadd ma jaf bija, jien qiegħed naqdi lil ħuti, liċ-ċittadini l-oħra ta’ pajjiżi. Jekk jien ma nidħolx f’din il-mentalità, ix-xogħol jispiċċa sempliċiment mezz biex nistagħna, biex nieħu biss ħsieb tiegħi nnifsi, u niġi naqa’ u nqum jekk il-flus li qed nieħu humiex tiegħi, għandix dritt għalihom, jew jekk iniex nisraqhom. Tgħidulix: “Ta’ fuqna hekk jagħmlu”. Tgħidulix hekk! L-argument ma jreġix. Jekk jagħmlu hekk ta’ fuqna, jagħmlu ħażin; u aħna ma nistgħux nagħmlu bħal ta’ fuqna, għax niġġustifikaw li huma jagħmlu dak li aħna nagħmlu b’rata inqas, jew b’mod iktar pulit, b’mod iktar żgħir.

Ir-relazzjonijiet

Imma hemm ħajt ieħor fid-djar tagħna li aħna rridu nieħdu ħsiebu u noqgħodu attenti għalih: huwa l-ħajt tar-relazzjonijiet. Araw x’jiġri meta l-flus, allura taparsi x-xogħol, isiru l-ewwel valur tal-familja. Id-dar tagħna ma tibqax biżżejjed, nibdew irridu djar oħra. Illum il-proprjetà tagħmel il-flus. U djar oħra x’jagħmlu? Jagħmlu iktar flus. Dan xi jġiegħel lill-membri tal-familja jagħmlu fir-relazzjoni tagħhom? Ir-relazzjoni bil-mod il-mod titherra, titnawwar. L-iktar ħaġa importanti għar-raġel u għall-mara jsiru l-flus. Ma jibqgħux isibuha f’xulxin. Għar-raġel ma tibqax il-mara, għall-mara ma tibqax għar-raġel, imma dak li l-mara kapaċi tgħaddilu, dak li r-raġel kapaċi jaqla’. Meta jiġri hekk, ir-relazzjoni bil-mod il-mod tibda tispiċċa.

Kemm hawn minna, bl-iskuża tax-xogħol, bl-iskuża li qed naħdmu għall-familja, imma b’intenzjoni konxja jew inkonxja li naqilgħu iktar flus, biex ikollna iktar flus, u forsi biex inkunu weħidna mingħajr ir-responsabbiltà tat-tfal… l-ewwel ħaġa li nagħmlu kif it-tfal jitfarfru ftit, wara li nkunu fraħna ftit bihom, ta’ erba’, ħames, sitt xhur, naraw kif nipparkjawhom xi mkien ’l hawn u ’l hemm! Ejjew nagħmlu riflessjoni profonda, b’mod speċjali l-ġenituri żgħar. Aħna nġibu t-tfal fid-dinja biex isiru parti mill-familja, mhux biex jagħtuna status ta’ ġenituri u nħossni omm għax għandi tarbija, inħossni missier għax twelidli tifel jew tifla, u nieqaf hemm; imbagħad mal-ewwel ċans li jkolli nipparkjah: jew il-futbol, jew il-pool, jew iż-żfin, jew ’l hawn jew ’l hemm. Aħna ħafna drabi nibdew ngħidu: imma għalfejn niġru dan il-ġiri tagħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? Għalfejn m’għandna ċans għal xejn? Għax jien aħjar nieħu battikata u mmur inwassal it-tifel jew it-tifla tiegħi xi mkien, nipparkjahom xi mkien, u noqgħod bi kwieti għal ftit minuti. Għax tifel jew tifla huwa responsabbiltà, tifel jew tifla ħdejk huwa impenn, tifel jew tifla ħdejja jinterpellani, jistaqsini, jagħmilli domandi kontinwi l-ħin kollu, u jċedini u jegħjini. U għandkom raġun, hija verità. Imma s-soluzzjoni mhix li nipparkjah, mhix li nibagħtu ’l hawn jew ’l hemm.

Imbagħad jibdew jiżviluppaw diversi disturbi tat-tfal tagħna: għax dak mhux kapaċi joqgħod attent, għax l-ieħor ADHD, għax l-oħra hekk u għax l-ieħor hekk, u erħilna ħa nwaħħlulhom it-tikketti wara daharhom. Nibqgħu xorta waħda neħilsu mir-responsabbiltà, billi nsibu speċjalisti, speech therapists, play psychologists, u l-bqija, biex aħna neħilsu mir-responsabbiltà tagħna, u ngħidu: “Iva, sibtlu lil xi ħadd li jgħinu”. Biex ma nsemmux il-privatijiet, minflok noqgħod jien bilqiegħda ħdejh, mhux tant biex ngħinu għall-iskola, imma biex inkun ħdejh, għax iridni ħdejh, għandu bżonni ħdejh. Insejnieha l-idea tad-dar tar-relazzjonijiet.

Dan mhux biss bejn il-ġenituri u t-tfal, imma anki l-ġenituri bejniethom. Ippruvaw ikkalkulaw kemm naraw lil xulxin, kemm hu l-ħin li fih inkunu ma’ xulxin, u kemm inkunu ma’ xulxin bi kwietna. Għax jiena nibża’ li meta jien niġi mgħobbi bix-xogħol, bit-tensjonijiet ta’ ġurnata xogħol warajja, u int ukoll l-istess, meta niltaqgħu, flok noqogħdu bi kwietna u nistrieħu, nibdew nisparkjaw, nibdew mill-ewwel ikollna fuq xiex ngħidu, għax int kellek tagħmel dik u ma għamilthiex, għax dik l-oħra m’għamilthiex sew…

It-tieni ħajt li fuqu tinbena d-dar ta’ Nazaret u d-dar tagħna huwa l-ħajt tar-relazzjonijiet. Noqgħodu attenti, għax kull darba li npoġġu l-flus fuq nett, aħna għaddejjin minn dan l-ingann, kollha kemm aħna. Irridu nammettu. Jekk ma nammettix, ma nagħmilx pass ’il quddiem; jekk ma nammettix, dak kollu li qegħdin ngħidu, minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. Jekk ma nammettix, se nibqgħu l-istess. Naf li mhux faċli li tbiddel, anki jekk tinsab ħażin, anki jekk ġo qalbek qed tgħid: “Iva, dan jgħodd għalija”. Imma diffiċli biex tbiddel. Trid il-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla biex tbiddel; trid l-aħħar ħajt, ir-raba’ ħajt li dalwaqt nitkellmu fuqu.

Il-mistrieħ

It-tielet ħajt huwa l-ħajt tal-mistrieħ ta’ veru. Ma ninsewx li meta Alla ħalaq id-dinja f’sebat ijiem, fis-seba’ jum Alla strieħ. Mhux strieħ għax ħeles mix-xogħol, għax ħeles mill-opra tiegħu. Inkunu ninterpretaw il-kelma “Alla strieħ fis-seba’ jum” (Ġen 2:2) b’mod żbaljat. Il-mistrieħ jagħmel parti mill-opra kollha tal-ħolqien, mill-opra tal-ħajja. Il-mistrieħ huwa fundamentali għall-eżistenza ta’ kull wieħed u kull waħda minna.

Jiena nixtieq nirrifletti ftit magħkom dwar il-mistrieħ. Kemm qegħdin nistrieħu? Għalfejn m’aħniex nistrieħu? Għalfejn m’għandniex ħin għar-relazzjonijiet? Għalfejn m’għandniex ħin biex nistrieħu flimkien? X’inhi r-raġuni? Liema huma l-għażliet li lilna qegħdin ifixkluna milli nirrilassaw flimkien? Lanqas kultant ħin biex norqdu ma għandna. L-irqad huwa bżonn u mhux mistrieħ. Jiena nerġa’ ngħid li mmorru għal raġuni waħda: nindunaw jew ma nindunawx, aħna ma nistriħux għax irridu l-flus, irridu nsiru sinjuri malajr, irridu malajr inkunu komdi. Ma nistriħux għax, kważi kważi, jekk nieqfu, naqgħu fi kriżi.

Noqogħdu ftit attenti. Għax x’jiġrilu l-bniedem li jkun sejjer fit-triq żbaljata? Il-bniedem li jkun sejjer fit-triq żbaljata joqgħod attent li qatt ma jieqaf jaħseb, biex ma jindunax fejn miexi, lejn fejn sejjer. Qatt ma jieqaf, għax jekk jieqaf, se jaffaċċja lilu nnifsu mad-diffikultà, mal-problema li għaddej minnha. Jiena ngħidilkom li waħda mir-raġunijiet għalfejn ma nafux nistrieħu – biex nistrieħ irrid nagħmel xi ħaġa; biex nistrieħ irrid nivvinta xi ħaġa; biex nistrieħ irrid norganizza xi ħaġa – għax jekk nieqaf u naħseb, jien se ninduna li hemm xi nbiddel, hemm xi kriżi. Nidħol fi kriżi, imma dik il-kriżi hija salutari, hija neċessarja, għandi bżonnha, inkella l-ħajja tgħaddi u ma nindunax.

Ejjew noqogħodu ftit attenti, għax faċli jiġrilna li nagħmlu ħajjitna naħdmu u nistinkaw biex ikollna l-flus, u mmorru bl-idea li xi darba se ngawduhom. U iva, ħa nistinka, biex imbagħad xi darba ngawdihom! Meta niġi biex ingawdihom, ma jkollix saħħa lanqas biex nimxi fuq saqajja! Moħħi ma jkunx għadu jaħdem, jew bid-dimensja jew bl-Alzheimer, jew b’xi ħaġa oħra. Nispiċċa miġġieled ma’ kważi nofs il-familja tiegħi, għax il-flus hekk jagħmlulek, il-flus ikissruk fir-relazzjonijiet. Il-flus huma meħtieġa u importanti, imma jibqgħu mezz, qatt ma jsiru skop. Jekk isiru skop il-flus, il-ħajja tagħna kollha kemm hi tiġi mhedda. Il-mistrieħ, il-kapaċità li nistrieħu, il-kapaċità li nkun kuntent bija nnifsi, kultant waqt li jiena qed nirrilassa, naċċetta lili nnifsi kif jien… dan huwa ħajt importanti ħafna fil-binja tal-familja.

Il-fidi

L-aħħar ħajt, ir-raba’ wieħed, hu l-iktar importanti. Inħossu li jżomm it-tliet ħitan ta’ qabel: il-ħajt tal-fidi, tal-fiduċja f’Alla. Hija l-fiduċja f’Alla, hija t-telqa f’Alla, hija l-kapaċità li nieqfu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, kif qegħdin tagħmlu intom dalgħodu, hija din li lilna tpoġġina f’postna, lilna turina fejn aħna u lejn fejn irridu nimxu. Mhux il-ġenn u l-moħħ tagħna, u l-iskopijiet ekonomiċi tagħna, mhux dawk jagħtuna dawl u ħajja; imma hija l-Kelma ta’ Alla, li lilek tgħinek tħossok realizzat u kuntent bħala bniedem.

Għax jien u int l-ewwel u qabel kollox imsejħin biex ngħixu dak li aħna, l-identità tagħna: inti iben ta’ Alla! Kemm hawn fostna li huma miżżewġin? Ħafna, imma mhux kollha. Kemm hawn fostna li għandhom aħwa? Ħafna, imma mhux kollha. Kemm hawn fostna li għandhom tfal? Ħafna, imma mhux kollha. Kemm hawn fostna li huma nanniet? Ħafna, imma mhux kollha. Kemm hawn fostna li huma wlied? Kollha kemm aħna wlied. M’hawn ħadd fostna li mhux iben jew bint. U iben, l-ewwel u qabel kollox, mhux ta’ ommu u missieru; imma l-ewwel u qabel kollox iben ta’ dak li riedek. Forsi ġejt bi żball, forsi ħrabtilhom wara ż-żmien, forsi qatt ma stennewk u riduk; imma Dak ta’ hemm fuq lilek riedek, lilek iħobbok, int għalih importanti. Allura jekk l-oriġni tiegħi huwa Alla, għidli int kif ħajti tista’ żżomm bilanċ, kif jien nista’ ma nitlifx it-triq, kif jien nista’ ma nitfixkilx meta nwarrab lil Alla minn quddiemi u minn ħajti? Meta nibda ngħid: “U iva, quddiesa tal-Ħadd… meta konna fil-Covid ma għaddejniex! Mhux xorta nisma’ biċċa fuq it-televiżjoni, waqt li nqaxxar il-basal u l-patata biex insajjar! Mhux xorta waħda, xi problema hemm?”. Hemm problema, mela le! Inti altru tara lil min jiekol f’ristorant fuq it-televiżjoni, u altru int tkun tiekol fir-ristorant, u dduq minn dak l-ikel, u tieħu minn dak l-ikel tal-Kelma u tal-Ewkaristija! Altru tkun qed tara ġemgħa miġbura flimkien, tara partita futbol mill-bogħod – u naf li ħafna minnkom għandhom esperjenza – u altru tmur fil-grawnd int waqt partita futbol, u tara u tgħix dik l-esperjenza. X’differenza tagħmel! Tant tkun qawwija li meta terġa’ taraha minn fuq it-televiżjoni, ma tgħidx: “Ara qed naraha aħjar illum”. Le, imma tgħid: “Kemm nixtieq li kont hemm! Kemm nixtieq li qiegħed magħhom nifraħ, għax it-tim tiegħi rebaħ”.

Ejjew nieħdu ħsieb l-Ewkaristija, il-Quddiesa tal-Ħadd; imma mhux biss. Ejjew nieħdu ħsieb is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Dalwaqt, jekk Alla jrid, jgħaddi dan is-Sajf u tgħaddi din is-sħana, u nerġgħu nibdew ninġabru u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Tikkuntentawx ruħkom bil-quddiesa, tikkuntentawx ruħkom bil-ftit. Aħna bil-ftit ngħixu, imma kemm hu aħjar li tgħix bħala sinjur fil-fidi; kemm hu aħjar li jkollok id-dawl tal-Kelma ta’ Alla li tmexxik f’ħajtek; kemm tiffrankalek inkwiet! Ara taħseb int li meta tmur laqgħa, meta taċċetta sejħa li jagħmillek l-Arċipriet jew xi saċerdot biex tmur laqgħa, se tagħmel xi pjaċir lil Alla, jew lill-Arċipriet jew lill-qassisin. Le! Imma qiegħed sempliċiment tagħti ċans lil Alla jdawwarlek ħajtek, qiegħed sempliċiment tgħidlu lill-Mulej: “Hawn jien il-qaddej tiegħek: ħa jsir minni skont kelmtek!”.

Din il-Festa tal-lum ma tibqax darba f’sena, imma ssir il-ħajja kollha tiegħek. Id-dar ta’ Nazaret ma tkunx biss id-dar tal-Madonna, imma d-dar ta’ Nazaret tkun tiegħi u tiegħek. Għax fl-aħħar mill-aħħar, id-dar x’inhi? Id-dar mhix għajr stepping stone, it-tarġa ta’ qabel is-Sema. Jekk ma tkunx sew fid-dar, minħabba problemi ta’ relazzjonijiet, minħabba li l-flus ikunu kollox, minħabba l-mod ta’ kif tieħu l-mard, għax ma tafx tieħu l-mard kif ħadu hu, kif għallmek ta’ hemm fuq; jekk ma nkunux sew fid-dar, jiena nibża’ li ma nkunux imħejjija sew biex imbagħad meta niltaqgħu miegħu wkoll inkunu sew. Il-ħajja tal-ferħ, il-ħajja tal-Ġenna għan-Nisrani tibda minn hawn. Il-Madonna ta’ Loretu, il-Madonna tad-dar, tidħol għalina.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading