Ġwanni Pawlu II f’Nicaragua. Quddiesa

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
QUDDIESA F’MANAGUA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Managua (Nicaragua),
4 ta’ Marzu 1983

Maħbubin ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.

1. Ninsabu hawn miġbura qrib l-altar tal-Mulej. X’ferħ li ninsab fostkom, għeżież tiegħi saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, seminaristi u lajċi – miġbura madwar ir-Rgħajja tagħkom – ta’ din l-art għażiża tan-Nicaragua hekk ippruvata, hekk erojka quddiem il-kalamitajiet naturali li laqtuha, hekk vigoruża biex twieġeb għall-isfidi tal-istorja u fit-tiftix li tibni soċjetà adattata perfettament għall-bżonnijiet materjali u d-dimensjonijiet traxxendenti tal-bniedem!

Insellem qabel kollox, b’imħabba sinċiera, lir-Ragħaj u Arċisqof ta’ din il-belt ta’ Managua, imbagħad lill-Isqfijiet l-oħra, anzjani u żgħażagħ, għonja u foqra, ħaddiema u mprendituri, għaliex fikom ilkoll huwa preżenti Ġesù Kristu “il-kbir fost ħafna aħwa” (Rm 8, 29); minnu “”kontu mlibbsa mill-ġdid” fil-magħmudija tagħkom(cf. Gal 3, 27); hekk “intom ilkoll intom ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3, 28).

2. It-testi bibbliċi li għadhom kemm ġew imxandra f’din l-Ewkaristija ikellmuna dwar Għaqda. Din hija, qabel kollox, l-għaqda tal-Knisja, tal-Poplu ta’ Alla, tal-“merħla” tal-uniku Ragħaj, imma wkoll bħalma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “l-għaqda tal-ġeneru uman kollu” li tiegħu, bħall-“għaqda intima ta’ kull bniedem” “ma Alla”, il-Knisja hija “bħal sagrament u sinjal” (cf. Lumen Gentium, 1).

Il-wirt li jweġġà tal-firda bejn il-bnedmin, imqanqla mid-dnub tas-suppervja (cf. Ġen 4, 4. 9), għadu jippersisti fis-sekli. Il-konsegwenzi huma l-gwerer, l-oppressjonijiet, il-mibegħda, il-konflitti ta kull tip.

Ġesù Kristu, bil-maqlub, ġie biex jirristabilixxi l-għaqda mitlufa, sabiex ikun hemm “merħla waħda” u “ragħaj wieħed”(Ġw 10, 16), ragħaj li leħnu in-nagħaġ “jafuh”, waqt li ma jafux dak tal-barranin (Ġw 10, 4-5); hu li hu l-uniku “bieb, li minnu hemm bżonn jidħlu” (Gv 10, 1).

Sa tali punt l-għaqda hija għan tal-ministeru ta’ Ġesù, li ġie biex imut “ħalli jgħaqqad flimkien l-ulied ta’ Alla li kienu mferrxa” (Ġw 11, 52). Hekk jgħallimna l-evanġelista Ġwanni, waqt li jurina lil Kristu li jitlob lil Missier għall-għaqda tal-komunità li kien qed jafda lill-Appostli tiegħu (Ġw 17, 11-12).

Ġesù Kristu, bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu u bid-don tal-Ispirtu tiegħu, irristabilixxa l-għaqda fost il-bnedmin, taha lill-Knisja tiegħu u għamel minn din, skont dak li jgħid il-Konċilju, “bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu” (Lumen Gentium, 1).

3. Il-Knisja hija l-familja ta’ Alla (cf. Puebla, 238-249), u bħal f’familja waħda għandha ssaltan l-għaqda fl-ordni, hekk ukoll fil-Knisja. Fiha ħadd m’għandu dritt maġġur ta’ ċittadinanza minn ieħor; la Lhud, la Griegi, la skjavi, la liberi, la rġiel, la nisa, la foqra, linqas għonja, għaliex ilkoll “aħna ħaġa waħda f’Ġesù Kristu” (cf. Gal 3, 28).

Din l-għaqda hija bbażata f’ “Mulej wieħed, f’fidi waħda, f’magħmudija waħda. Alla u Missier wieħed ta’ kulħadd, li huwa ‘l fuq minn kulħadd, jaġixxi permezz ta’ kulħadd u huwa preżenti f’kulħadd” kif jgħid it-test tal-ittra lill-Efesin li għadna kemm smajna (Ef 4, 5-6), u kif intom mdorrijin tkantaw fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħkom.

Hemm bżonn li napprezzaw il-profondità u s-solidità tas-sisien ta’ din l-għaqda li ngawdu fil-Knisja universali, f’dik tal-Amerika Ċentrali kollha, u li għaliha għandha taspira din il-Knisja lokali tan-Nicaragua. Propju għal dan għandna nagħtu l-valur ġust ukoll għall-perikli li jhedduha u għall-esiġenza li nżommu u napprofomdixxu din l-għaqda, don ta’ Alla fi Kristu Ġesù.

Għaliex, bħalma ktibt fl-ittra lill-Isqfijiet tan-Nicaragua fix-xahar ta’ Awissu li għadda (cf. Ġwanni Pawlu II, Epistula ad Episcopos Nicaraguenses, 6 agosto 1982Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 172 ss.), dan id-don huwa forsi iktar prezzjuż għaliex huwa fraġli u huwa mhedded.

4. Effettivament l-għaqda tal-Knisja hija kkontestata meta l-fatturi qawwija li jikkostitwixxuha u jżommuha – il-fidi nfisha, il-Kelma rivelata, is-sagramenti, l-ubbidjenza lill-Isqfijiet u lill-Papa, is-sens ta’ vokazzjoni u ta’ responsabiltà komuni fil-missjoni ta’ Kristu fid-dinja – jingħataw prijorità konsiderazzjonijiet terreni, impenji ideoloġiċi inaċċettabbli, għażliet temporali saħansitra kunċetti tal-Knisja li jieħdu post dawk veri.

Iva, għeżież ħuti Ċentroamerikani u Nikaragwanensi: meta n-nisrani, tkun xi tkun il-kundizzjoni tiegħu, jippreferi kwalunkwè duttrina jew idejoloġija oħra għat-tagħlim tal-Appostli u tal-Knisja, meta jagħmel minn dawn id-duttrini il-kriterju tal-vokazzjoni tagħna, meta jipprova jinterpreta mill-ġdid skont il-kategoriji tagħhom il-katekeżi, it-tagħlim reliġjuż, il-predikazzjoni, meta jinstawraw “maġisteri paralleli” bħalma għidt fl-indirizz inawgurali tiegħi tal-Konferenza ta’ Puebla (Eiusdem Allocutio ad Episcopos in urbe “Puebla” aperiens III Coetum Generalem Episcoporum Americae Latinae habita, 28 gennaio 1979Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 188 ss.), allura tiddebolixxi ruħha l-għaqda tal-Knisja, jirrendi ruħu iktar diffiċli l-eżerċizzju tal-missjoni tagħha li tkun “sagrament ta’ għaqda” għall-bnedmin kollha.

L-għaqda tal-Knisja tfisser u tesiġi minna s-superament radikali ta’ dawn it-tendenzi kollha għad diżassoċjazzjoni; tfisser u tesiġi r-reviżjoni tal-iskala tagħna tal-valuri; tfisser u tesiġi s-sottomissjoni tal-konċezzjonijiet duttrinali tagħna u tal-proġetti pastorali tagħna għall-Maġisteru tal-Knisja, irrapreżentat mill-Papa u mill-Isqfijiet. Dan japplika ruħu wkoll għall-qasam tat-tagħlim soċjali tal-Knisja elaborat mill-predeċessuri tiegħi u minni stess.

Ebda nisrani, u wisq inqas kwalunkwè persuna li għandha titolu speċjali ta’ konsagrazzjoni fil-Knisja, ma jistà jagħmel lilu nnifsu responsabbli tal-qasma ta’ din l-għaqda, billi jaġixxi barra jew kontra r-rieda tal-Isqfijiet “imqegħda mill-Ispirtu Santu biex jirgħu l-Knisja ta’ Alla” (At 20, 28).

Dan huwa validu fi kwalunkwè sitwazzjoni u Pajjiż, mingħajr ma kwalunkwè process ta’ żvilupp jew ta’ elevazzjoni soċjali li jkun sar, ikun jistà leġittament jikkomprimetti l-identità u l-libertà reliġjuża ta’ poplu, id-dimensjoni traxxendenti tal-persuna umana u l-karattru sagru tal-missjoni tal-Knisja u tal-ministri tagħha.

5.L-għaqda tal-Knisja hija opra u don ta’ Kristu. Din tinbena b’riferenza għaliħ u madwaru. Madankollu Kristu afda lill-Isqfijiet ministeru mportantissmu ta’ għaqda fil-Knejjes lokali tagħhom (cf. Lumen Gentium, 26). Lilhom, f’komunjoni mal-Papa u qatt mingħajru (cf. Ivi 22), imiss li jippromwovu l-għaqda tal-Knisja u, b’tali mod, jibnu f’din l-għaqda l-komunitajiet, il-gruppi, id-diversi tendenzi u l-kategoriji ta’ persuni li jeżistu fil-Knisja lokali u fil-komunità il-kbira tal-Knisja universali. Jiena nsostnikom f’dan l-isforz unitarju li se jqawwikom fiż-żjara “ad limina” li jmiss.

Prova tal-għaqda tal-Knisja f’post determinat hija r-rispett għall-orjentamenti pastorali mogħtija mill-Isqfijiet lill-kleru propju u lill-fidili. Din l-azzoni pastorali organika hija garanzija kbira tal-għaqda ekkleżjali: dmir li speċjalment jgħabbi lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u l-aġenti l-oħra tal-pastorali.

Imma d-dmir tal-bini u tal-manteniment tal-għaqda huwa wkoll responsabiltà tal-membri kollha tal-Knisja, marbutin mill-unika Magħmudija, fl-istess professjoni tal-fidi, fl-ubbidjenza lejn il-propju Isqof u fidili lejn is-suċċessur ta’ Pietru.

Għeżież ħuti: żommu preżenti sewwa li hemm każijiet li fihom l-għaqda ssalva biss meta kull wieħed u waħda huma kapaċi li jiċħdu ideat, pjanijiet u impenji propji, ukoll jekk tajbin – wisq iktar meta neqsin mir-riferenza ekkleżjali meħtieġa! – għall-ġid superjuri tal-komunjoni mal-Isqof, mal-Papa, mal-Knisja kollha  .

Effettivament Knisja mifruda, kif għidt diġa fl-ittra tiegħi lill-Isqfijiet tagħkom, ma tistax twettaq il-missjoni tagħha “ta’ sagrament, jiġifieri sinjal u strument tal-għaqda fil-Pajjiż”. Għalhekk wissejt fuq dak li huwa “assurd u perikoluż timmaġinaw” maġemb – biex ma ngħidx kontra – il-Knisja mibnija madwar l-Isqof, Knisja oħra ddisinjata biss bħala “kariżmatika” u mhux istituzzjonali, “ġdida” u mhux tradizzjonali, alternattiva u, kif ultimament rakkomandata, Knisja popolari.

Illum irrid nerġà nasserixxi hawn dan il-kliem, quddiemkom. Il-Knisja għandha żżomm ruħha magħquda biex tkun tistà tikkuntrasta l-forom differenti, diretti jew indiretti, ta’ materjaliżmu li magħhom tiltaqà l-missjoni tagħha fid-dinja. Hemm bżonn li tibqà magħquda biex tħabbar l-messaġġ veru tal-Vanġelu – skont in-normi tat-Tradizzjoni u tal-Maġisteru – u tkun libera mit-tensjonijiet imqanqla minn kwalunkwè idejoloġija umana jew program politku.

Il-Vangelu hekk mifhum iwassal għall-ispirtu tal-verità u tal-libertà ta’ wlied Alla, sabiex ma jħallux lilhom infushom jiġu mċajpra minn propagandi disedukatriċi jew moderati, u fl-istess ħin jeduka lill-bniedem għall-ħajja eterna.

6. L-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw hija fiha nfisha sinjal u kawża ta’ għaqda. Aħna lkoll aħna ħaġa waħda minkejja li aħna ħafna, “infatti lkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10, 17) li hija l-Ġisem ta’ Kristu. Fit-talba ewkaristika li se nippronunzjaw minn hawn u ftit ieħor, se nitolbu lill-Missier li, bis-sehem fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, jagħmel minna “Ġisem wieħed u spirtu wieħed” (Prex eucharistica III).

Biex niksbu dan neħtieġu mpenn serju u ċar li nirrispettaw il-karattru fundamentali tal-Ewkaristija bħala sinjal ta’ għaqda u rabta ta’ karità. Għalhekk l-Ewkaristija ma tkunx iċċelebrata mingħajr l-Isqof (jew il-ministru leġittimu, jiġifieri s-saċerdot) li fid-dijoċesi tiegħu huwa dak li b’titlu ġust jippresiedi għal ċelebrazzjoni ewkaristika denja ta’ tali isem (cf. Sacrosanctum Concilium, 41). Linqas ma tkun iċcelebrata b’mod adegwat, meta din ir-referenza ekkleżjali titlef jew tikkorrompi ruħha għaliex ma tirrispettax l-istruttura liturġika taċ-ċelebrazzjoni, minn kif tkun ġiet stabbilita mill-predeċessuri tiegħi u minni stess.  L-Ewkaristija   li titqiegħed għas-servizz tal-ideat propji, jew opinjonijiet, jew bi skop barrani għaliha mhix iktar Ewkaristija tal-Knisja. Minflok ma tgħaqqad, tifred.

Jalla din l-Ewkaristija li jiena stess, suċċessur ta’ San Pietru u “sies tal-għaqda viżibbli” (cf. Lumen Gentium, 18) qiegħed nippresiedi, u li għaliha qegħdin jieħdu sehem l-Isqfijiet tagħkom madwar il-Papa, isservikom ta’ mudell u impuls imġedded fl-imġieba tagħkom ta’ nsara.

Għeżież saċerdoti, ġeddu b’dan il-mod l-għaqda bejnietkom u mal-Isqfijiet tagħkom bl-iskop li tikkonservawha u tkabbruha fil-komunitajiet tagħkom. U intom, reliġjużi, kunu dejjem magħqudin mal-persuna u mad-direttivi tal-Isqfijiet tagħkom. Jalla s-servizz ta’kulħadd għall-għaqda ikun servizz tassew pastorali għall-merħla ta’ Ġesù Kristu u f’ismu. U intom, Isqfijiet, kunu dejjem qrib ħafna tas-saċerdoti tagħkom.

7. F’dan il-kuntest wieħed għandu jinserixxi bl-istess mod l-ekumeniżmu veru, jiġifieri l-impenn għall-għaqda bejn l-insara kollha u bejn il-komunitajiet insara kollha. Mill-ġdid għal darb’oħra ngħidilkom li din l-għaqda tistà biss tibbaża ruħha fuq Ġesù Kristu, fuq l-unika magħmudija (cf. Ef 4, 5) u fuq il-professjoni ta’ fidi komuni. Id-dmir li nibnu mill-ġdid il-komunjoni sħiħa bejn l-insara kollha ma jistax ikollha referenza oħra u kriterji oħra u trid dejjem tuża metodi ta’ kollaborazzjoni u riċerka lejali. Ma jistà jservi għal xejn iktar għajr biex tingħata xhieda lil Ġesù Kristu “sabiex id-dinja temmen” (cf. Ġw 17, 21).

Skopijiet oħra jew użu ieħor tal-impenn ekumeniku ma jistax iwassal għal xi ħaġa oħra għajr biex joħolqu għaqdiet illużorji u, fl-aħħar minn l-aħħar, biex jikkawżaw firdiet ġodda. Kemm tkun ħaġa li tweġġà jekk dak li għandu jgħin biex tinbena mill-ġdid l-għaqda nisranija u li jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet pastorali tal-Knisja f’dan il-waqt storiku, jinbidel, minħabba n-nuqqas ta’ viżjoni tal-bnedmin, minħabba fi kriterji żbaljati, f’sors ta’ qsim ġdid u agħar!

San Pawl iħeġġiġna fis-silta li għadna kemm qrajna, biex “inżommu l-għaqda tal-Ispirtu permezz tar-rabta tal-paċi (Ef 4, 3). Jiena ntennilkom din l-eżortazzjoni u nindikalkom, mill-ġdid għal darb’oħra, il-bażijiet u l-iskop ta’ tali għaqda. “Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li jsaltan fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Ef 4, 4-6).

8. Ħuti l-għeżież, kellimtkom b’qalb miftuħa. Nirrakkomandalkom ħafna din il-vokazzjoni u din il-missjoni tal-għaqda ekkleżjali. Jiena ċert li intom, il-poplu tan-Nicaragua, li dejjem kontu fidili lejn il-Knisja, biex tkomplu tkunu hekk ukoll fil-ġejjieni.

Il-Papa, il-Knisja, jistennew dan minnkom. Dan nitlob lil Alla għalikom,  b’imħabba kbira u b’fiduċja. Jalla l-interċessjoni ta’ Marija, il-Purissma, kif issejħula bl-isbaħ isem, hi li hi l-Patruna tan-Nikaragua, tgħinkom biex tkunu dejjem kostanti f’din il-vokazzjoni ta’ għaqda u fedeltà ekkleżjali. Hekk ikun.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading