Ġwanni Pawlu II f’Costa Rica. Laqgħa ta’ Talb

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
LAQGĦA TA’ TALB FIL-PARK METROPOLITAN TAS-SABANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
San José (Costa Rica), 3 ta’ Marzu 1983

Għeżież ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.

1. B’ferħ profond qed nieħu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb fil-park metropolitran tas-Sabana, biex niltaqà magħkom, fidili tal-belt sabiħa ta’ San José, tal-Costa Rica kollha u tar-repubbliki aħwa l-oħra ta’ dan il-qasam ġeografiku, tant numerużi u entużjasti li huwa ċar li qegħdin tilqgħu bi mħabba l-preżenza tal-Papa f’dan il-pajjiż sabiħ u nobbli.

Ġejt inżurkom bħala ħukom il-kbir lil ħutu; bħalma l-missier fil-fidi jżur lil uliedu; bħalma s-suċċessur ta’ Pietru jżur il-merħla afdata lilu bħalma l-pellegrin apostoliku jżur lil dawk li magħhom huwa midjun (cf. Rm 1, 14) ta’ kelmtu u ta’ mħabbtu.

Irċievu qabel xejn it-tislima kordjali tiegħi, li jiena nindirizza lir-Ragħaj u Arċisqof ta’ din il-belt, lill-Isqfijiet l-oħra, lill-persuni kkonsagrati u lill-ulied maskili u femminili tal-Knisja. Insellem ukoll lis-Sinjur President u lill-awtoritajiet hawn preżenti.

2. “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha (Ef 5, 25). Għadna kemm smajna din is-sentenza fl-ewwel test bibbliku ta’ din il-Quddiesa, Dan il-kliem jiġbor fih in-natura u l-għanijiet taż-żjara apostolika tiegħi: li nxandar il-messaġġ tal-Vanġelu u li nsaħħaħ l-imħabba lejn Kristu u lejn il-Knisja.

Iva, ħuti: f’din il-laqgħa nixtieq li nħossuna mill-ġdid imsejħin biex inxandru u nkabbru imħabbitna lejn il-Knisja Mqaddsa Kattolika, għarusa ta’ Kristu li huwa ħabb “sal-mewt”. Din il-laqgħa ta’ fidi madwar l-altar hija diġa prova ta’ mħabba lejn il-Knisja.

Infatti, jekk intom miġburin hawn f’isem Kristu; jekk ġejtu minn Ruma fl-Amerka Ċentrali u f’dan il-Pajjiż maħbub; jekk l-Isqfijiet tagħkom, li b’mod fratern stednuni, huma jipproponu li jagħmlu minn din iż-żjara u mit-tweġiba ġeneruża tagħkom għaliha, punt tat-tluq għal tiġdid kabbari tal-ħajja nisranija,  u sabiex inħobbu l-Knisja billi nsegwu l-eżempju ta’ Kristu li ħabbha sal-mewt.

Ġesù Kristu huwa, bla dubju, l-uniku sies (cf. 1 Kor 3, 12), ir-Ragħaj Suprem  (cf. Ġw 10; 1 Pt 5, 4) u r-Ras tal-Knisja (cf. 1 Kor 12, 12; Kol 1, 18). Huwa waqqafha fuq Pietru u s-suċċessuri tiegħu. Huwa jmexxiha u jtiha l-ħajja b’mod kostanti.

Il-Knisja hija l-opra tiegħu, li fiha huwa jirrifletti lilu nnifsu u huwa dejjem preżenti fid-dinja. Hija hi l-għarusa, u lilha ddedika lilu nnifsu kompletament, għażilha għalih, waqqafha u jżommha dejjem ħajja. Iktar minn hekk: ta ħajtu sabiex hija tgħix. Minħabba dan, fil-kustat miftuħ ta’ Ġesù fuq is-salib – bħal ma għadna kemm smajna fil-Vanġelu – jidher l-bidu tal-Knisja, bħalma Eva tnisslet mill-kustat ta’ Adam.

Ħuti, hemm bżonn li nkunu konxji sewwa ta’ din il-verità: Ġesù Kristu “ħabb” u jħobb il-Knisja. Fir-realtà, din hi l-istess imħabba tal-Missier għad-“Dinja”, għall-bnedmin, għalina, li qanqlitu b’mod misterjuż biex joffri lill-uniku Ibnu “għall-mewt, biex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). Għaldaqstant, ladarba Ġesù ħabb lill-Knisja sa ma miet għaliha, dan ifisser li hija hi denja li tkun maħbuba wkoll minna.

3. Bdanakollu xi nsara jħarsu kultant lejn il-Knisja bħallikieku jinsabu barra, fit-truf tagħha, Jikkritikawha bħallikieku m’għandhom xejn x’jaqsmu magħha. Jiddistakkaw ruħhom mill-Knisja bħallikieku ir-rapport tagħha ma’ Kristu, il-fundatur tagħha, kien aċċidentali u hija kienet speċi bħal sempliċi konsegwenza okkażjonali ta’ ħajtu u ta’ mewtu: bħallikieku hu mhux ħaj fil-Knisja, fit-tagħlim tagħha u fl-azzjoni sagramentali tagħha; bħallikieku hi ma hix il-misteru stess ta’ Kristu afdat lill-bnedmin.

Għal oħrajn il-Knisja tirriżulta indifferenti barranija. Bil-maqlub, għall-insara konxji, li jafu “ta’ liema spirtu huma (cf. Lq 9, 55), il-Knisja hija omm.

Iva, għeżież ħuti: il-Knisja hija ommkom; hija omm l-insara kollha. Hija ġġeneratna għall-ħajja eterna permezz tal-Magħmudija, is-sagrament tat-twelid ġdid (cf. Ġw 3, 5). Wasslitna għall-maturità ta’ wlied Alla fis-sagrament tal-Griżma. Titmagħna kostantament bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, meta tiċċelebra l-misteru tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej. Hija, permezz tas-sagrament tal-Penitenza, tirrikonċiljana mal-Missier u magħha stess, bis-saħħa tar-rikonċiljazzjoni operata minn Kristu bil-mewt tiegħu (cf. 2 Kor 5, 19).

B’dan il-mod il-Knisja tqegħdna fit-triq li twassal għand il-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu; takkumpanja l-passi tagħna bil-maġisteru tagħha, bil-predikazzjoni tagħha u l-azzjoni tal-ministri tagħha.

Il-Knisja hija wkoll ommkom, ulied il-Costa Rica u tal-Pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, għaliex il-kultura tagħkom u ċ-ċiviltà tagħkom raw id-dawl u żviluppaw ruħhom taħt il-preżenza u l-azzjoni tagħha. Hija setgħet tintegra b’mod armonjuż il-wirt għani tat-tradizzjonijiet indiġeni mal-Vanġelu u hekk b’dan il-mod ħolqot familja ġdida, il-familja ta’ Alla fil-Knisja tiegħu.

4. Din il-Knisja, bid-duttrina u bl-eżempju tagħha, b’dak tal-qaddisin u l-għalliema tagħha, tħeġġiġna biex nieħdu ħsieb mhux biss il-ħwejjeġ tal-ispirtu, imma wkoll dawk tar-realtajiet ta’ din id-dinja u tas-soċjetà li minnha aħna parti. Tħeġġiġna biex nimpennjaw lilna nfusna fl-eliminazzjoni tal-inġustizzja, biex naħdmu għall-paċi u s-superament tal-mibegħda u tal-vjolenza, biex nippromwovu d-dinjità tal-bniedem, biex inħossuna responsabbli tal-foqra, tal-morda, tal-imwarrbin u tal-maħqurin, tar-rifuġjati, tal-eżiljati u tal-ispustati, kif ukoll ta’ tant oħrajn li lilhom għandha tilħaq is-solidarjetà tagħna.

Naf l-ambjent tax-xogħol u ta’ paċi li jiddistingwikom, għeżież uliedi tal-Costa Rica. Il-Knisja, b’quddiemnett l-Isqfijiet tagħkom, is-saċerdoti tagħkom, ir-reliġjużi rġiel u nisa tagħkom, kienet kontinwament eżempju li għandu jkun segwit.

Komplu hekk, la taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet, la tinsewx il-valuri nsara li jiddistingwukom u li għinukom sa issa. Kunu fidili lejn it-tradizzjoni tagħkom u aspiraw li tkunu mudell ta’ organizzazzjoni soċjali ġusta, f’waqtiet ta’ bidliet profondi u ta’ sfidi kbar.

5. Iżda hemm bżonn li naħsbu wkoll dwar id-dmirijiet li għandna mal-Knisja, Fl-ewwel post, ilkoll aħna responsabbli tal-Knisja. Aħna nfatti il-membri tagħha u wliedha, u billi aħna membri ħajjin tal-ġisem ta’ Kristu, ilkoll irridu noffru l-kontribut tagħna għat-tkabbir ta’ dan il-ġisem. Għal dan jistedinna t-tagħlim ta’ San Pawl (cf. 1 Kor 12, 15-16), ibbażat fuq ix-xbiha suġġestiva tal-ġisem u tal-membri tiegħu.

Kull membru, huwa veru, għandu fil-Knisja l-funzjoni speċifika tiegħu, ir-responsabiltà propja tiegħu: “Jewwilla lkoll huma appostli, jew ilkoll profeti jew ilkoll għalliema”? jistaqsi San Pawl. Le, kull wieħed għandu u jeżerċita l-funzjoni propja, fir-rigward tal-oħrajn, tal-għaqda u tal-istruttura ġerarkika tal-Knisja.

Iżda ħadd ma jistà jgħid: il-Knisja, il-qdusija tagħha, il-missjoni tagħha fid-dinja, il-kult tagħha lil Alla, ma jikkonċernawnix. Lil kulħadd, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi, kull wieħed u waħda bil-mod tagħna, mistennija li nibnu l-Knisja, jew aħjar, naqdu bħala strumenti attivi lill-Mulej li jibniha permezz tal-Ispirtu tiegħu (cf. Ef 2, 20-21). Imma kif tinbena l-Knisja?

6. Jibni l-Knisja min, fidil lejn il-Magħmudija tiegħu, jgħix b’mod qaddis, jiċħad id-dnub, iġorr salibu ma’ Kristu, juri lil ħutu b’imġiebtu r-realtà esiġenti u ferrieħa tal-Vanġelu.

Jibnu l-Knisja dawk li, magħqudin bħall-miżżewġin permezz tas sagrament taż-żwieġ, jagħmlu mill-familja tagħhom knisja domestika tassew, ta’ eżempju għal kulħadd, stabbli fl-għaqda tagħha, fidili għall-impenji miksuba ta’ għaqda u fedeltà, ta’ rispett assolut lejn il-ħajja mill-waqt tal-konċepiment tagħha, u għalhekk ta’ rifjut tad-delitt tal-abort; fidili lejn l-impenn tat-trażmissjoni tal-fidi u tal-edukazzjoni nisranija ta’ wliedhom.

Jibnu l-Knisja dawk li jieħdu ħsieb il-proxxmu, speċjalment ta’ dak fqir u abbandunat, ta’ dak emarġinat u oppress; dawk li huma fidili lejn id-dmir ta’ solidarjetà, b’mod speċjali fil-kriżijiet ekonomiċi li attwalment iħawdu lis-soċjetà.

Jibnu l-Knisja dawk li jimpenjaw ruħhom biex itejbu jew jibdlu dak li jfixkel jew jifga l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tal-bnedmin kollha.

Jibnu l-Knisja dawk li jeżerċitaw fedelment il-ministeri u s-servizzi afdati lilhom mill-Isqfijiet tagħhom. Qiegħed naħseb dwar il-katekisti, il-ministri straordinarji tal-Ewkaristija, id-delegati tal-Kelma u dawk li jħejju lil ħuthom għar-riċevimenr dehen tas-sagramenti u dawk li jimpenjaw ruħhom fid-diversi movimenti ta’ apostolat.

Jibnu l-Knisja ż-żgħażagħ li għalihom Kristu huwa l-ideal, u b’ġenerożità, entużjażmu u purezza tal-qalb jiddedikaw ruħhom għas-servizz tal-oħrajn, u huma ħmira li ġġedded soċjeta spiss imxejħa u mdejqa.

F’kelma waħda: nibnu l-Knisja, meta nisfurzaw lilna nfusna biex insiru qaddisin, li nwettqu dejjem u f’kollox ir-rieda ta’ Alla sabiex il-Knisja, għalkemm magħmula minn bnedmin midimbin, tkun dejjem iktar fidila lejn il-vokazzjoni tagħha għall-qdusija. Din hija l-aħjar prova ta’ mħabbitna lejn il-Knisja.

7. Għeżież ħuti: inħobbu dejjem il-Knisja; inħossuna responsabbli tagħha, tal-fedeltà tagħha lejn il-Kelma ta’ Alla, lejn il-missjoni afdata lilha minn Kristu, lejn il-vokazzjoni biex tkun “bħal sagrament, jew aħjar sinjal u strument” tal-għaqda ntima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman” (cf. Lumen Gentium, 1). Ħobbuha bħalma tħobbu lil Ommna, Marija Santissma, li intom issejħu bl-isem affettiv ta’ (“Negrita de los Angeles) fis-santwarju tagħha ta’ Cartago. Ħobbuha b’mod speċjali kif ħabbha Kristu, sa ma ta għaliha ħajtu stess. U ejjew nitolbuh f’din l-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw, li l-imħabba lejn il-Knisja tkun il-karatteristika tal-ħajja nisranija tagħkom, ulied fidili tal-Costa Rica u tal-Amerka Ċentrali. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading