Ġwanni Pawlu II fil-Panama. Quddiesa mal-Familji.

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITILAQGĦA MAL-FAMILJI NSARA TAL-PANAMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Panama, 5 ta’ Marzu 1983

Maħbubin ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.

Grazzja u paċi lilkom! B’dan il-kliem ta’ San Pawl insellem fl-imħabba ta’ Kristu r-Ragħaj tal-Knisja lokali li llum tilqà lili, l-Isqfijiet ħuti l-oħra u lill-Poplu kollu ta’ Alla miġbur f’dan il-post jew hawn spiritwalment preżenti.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tilqà llum hawn tant familji nsara tal-Panama, li jirrapreżentaw ukoll dawk tal-Pajjiżi l-oħra tal-Amerka Ċentrali, il-Belize u l-Ħaiti. Għalihom niġi, f’dan il-pellegrinaġġ apostoliku, biex inxandar il-Bxara t-Tajba tal-proġett ta’ Alla dwar il-familja li tant tinteressa l-Knisja u lis-soċjetà.

Kull Ewkaristija ġġedded dan il-patt ta’ mħabba ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu li San Pawl jindika bħala mudell tal-imħabba konjugali tal-insara (cf. Ef 5, 25. 29. 32). Din il-Quddiesa li jistà jkun li tfakkarkom fil-jum taż-żwieġ tagħkom, irrid li ġġeddu l-wegħda ta’ fedeltà lil xulxin fil-grazzja taż-żwieġ nisrani.

2. Il-Patt matrimonjali huwa misteru ta’ traxxendenza profonda; huwa proġett oriġinarju tal-Ħallieq, afdat lil-libertà fraġli umana. Il-qari mill-ktieb tal-Ġenesi wassalna idejalment sas-sors tal-misteru tal-ħajja u tal-imħabba konjugali: “Ejjew nagħmlu l-bniedem xbiha tagħna, xebħ tagħna (Ġen 1, 26-27).

Alla ħalaq ir-raġel u l-mara xbiha tiegħu u naqax fihom il-misteru tal-imħabba fertili li għandu l-oriġni tiegħu f’Alla stess. Id-differenza tas-sessi tippermetti l-komplimentarjetà u l-komunjoni fertili tal-persuni: “Intom fertili u immultiplikaw, imlew d-dinja: rażżnuha” (Ġen 1, 28).

Alla afda lill-bniedem: afdalu l-għejjun tal-ħajja; sejjaħ lir-raġel u lill-mara biex jikkollaboraw fl-opra ħallieqa tiegħu. Stampa għal dejjem fil-kuxjenza umana x-xewqa tiegħu ta’ fertilità fil-kwadru ta’ għaqda esklussiva u stabbli: “Għalhekk ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u it-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

3. Il-kliem tal-Mulej li qrajna fil-Vanġelu jwettaq il-barka oriġinarja tal-Ħallieq dwar il-żwieġ: “Minħabba f’hekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed . . .  Dak mela li għaqqad Alla, ma jistax iħollu l-bniedem” (Mt 19, 5-6).

Dan it-tagħlim tal-Imgħallem dwar iż-żwieġ kien milqugħ mill-komunità primittiva nisranija bħala impenn ta’ fedeltà lejn Kristu f’nofs id-devjazzjonijiet ta’ dinja pagana. Il-formula ta’ Ġesù hija sollenni u mandatorja: “Dak li jorbot Alla, ma jifirdux il-bniedem” (Mt 19, 6). Kliem validu għal kull kuntratt matrimonjali leġittimu, b’mod speċjali bejn l-insara li għalihom iż-żwieġ huwa sagrament.

Dak li Alla rabat, ma jħollux il-bniedem. Ma jistax, m’għandhiex l-awtorità ċivili tifred dak li Alla ssiġilla, M’għandhomx u linqas jistgħu jifirduh il-miżżewġin insara li quddiem l-altar ikkuntrattaw patt irrevokabbli ta’ mħabba, imwettaq minn Alla bil-grazzja sagramentali.

4. Fir-rieda ta’ Kristu, riflessa fi kliemu, għandna niskopru xi ħaġa iktar minn liġi esterna; fiha hemm id-disinn misterjuż ta’ Alla fuq il-miżżewġin. Iż-żwieġ huwa storja ta’ mħabba mutwa, mixja ta’ maturità umana u nisranija. Fil-wiri progressiv tal-persuni biss tistà tikkonsolida ruħha relazzjoni ta’ mħabba li tinvolvi t-totalità tal-ħajja tal-miżżewġin.

Il-mixja hija diffiċli, imma mhux impossibbli. U l-grazzja taż-żwieġ tinkludi wkoll l-għajnuna meħtieġa għall-għelbien ta’ dawn id-diffikultajiet inevitabbli. Bil-maqlub, il-ksur tal-patt matrimonjali mhux biss jhedded il-liġi ta’ Alla, imma jimblokka l-proċess ta’ maturazzjoni, it-twettiq tal-persuni.

Mhijiex, għalhekk, aċċettabbli ċerta mentalità li tinfiltra ruħha fis-soċjetà u li tinkuraġġixxi l-instabilità matrimonjali u l-egoiżmu, favur libertà sesswali inkondizzjonata. L-imħabba nisranija tal-miżżewġin għandha l-eżempju tagħha fi Kristu, li jagħti lilu nnifs totalment lill-Knisja, u huwa rreġistrat fil-misteru paskwali tiegħu ta’ mewt u qawmien mill-imwiet, ta’ sagrifiċċju ta’ mħabba, ta’ ferħ u ta’ tama.

Ukoll meta jiżdiedu d-diffikuktajiet, is-soluzzjoni mhijiex il-ħarba, it-tifrik taż-żwieġ, imma l-perseveranza tal-miżżewġin. Dan tafuh per esperjenza intom, maħbubin irġiel u nisa miżżewġin; il-fedeltà konjugali tifforma u timmatura; tirrivela l-enerġiji tal-imħabba nisranija; toħloq familja ġdida, bin-novità ta’ mħabba li għaddiet mill-mewt u mill-qawmien mill-imwiet; u l-prova ta’ relazzjoni għal kollox nisranija bejn il-miżżewġin, li jitgħallmu jinħabbu bl-imħabba ta’ Kristu; hija l-garanzija ta’ ambjent stabbli għall-formazzjoni u l- armonija tal-ulied.

5. L-appostlu San Pawl fakkarna s-sors u l-mudell ta’ din l-imħabba konjugali, li tinbidel fi ħlewwa u attenzjoni reċiproka min-naħa tal-miżżewġin: “Dan il-misteru huwa kbir: qiegħed ngħid għal  Kristu u għall-Knisja!  F’kelma waħda, intom ukoll, kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha (Ef 5, 31-33).

B’ħarsitna fissa fi Kristu, tqawwi l-imħabba tal-miżewġin f’din l-ekonomija misterjuża tal-grazzja. “Qatt ħadd ma bagħad ‘il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja (Ef 5, 29). Hekk il-miżżewġin jitgħallmu jħarsu bi mħabba vera li tittraduċi ruħha f’delikatezza, ħlewwa, attenzjoni lejn xulxin.  Jiskopru li kull wieħed u waħda huma marbuta ma’ Alla b’relazzjoni personali; u t-tnejn huma magħqudin mill-preżenza ta’ Kristu u tal-grazzja tal-Ispirtu biex jgħixu għal xulxin; f’ekonomija ta’ ħajja li għandħa tikkonverti ruħha f’donazzjoni għall-ulied u li għandha tkun mixja ta’ qdusija fil-familja. Huwa għalhekk li, diġa fl-antikità nisranija, din id-dimensjoni ta’ grazzja kient mifhuma, billi jpittru x-xbiha ta’ Kristu f’nofa il-miżżewġin.

6. Imma din il-grazzja m’għandhiex tirrifletti ruħha biss fl-intern tal-familja. Hija għandha tkun sors ta’ fertilità apostolika. Iva, il-miżżewġin insara għandhom jiftħu ruħhom għad-dmir ta’ evanġelizzazzjoni fil-qasam speċifiku tal-familja. Iffurmati mill-esperjenza, imqawwija mill-komunjoni ma’ familji oħra, huma evanġelizzati u għandhom jibdlu lilhom infushom f’evanġelizzaturi tal-familja nisranija, f’ċentri ta’ lqugħ, fi mbuttaturi ta’ promozzjoni soċjali.

Għalhekk hemm bżonn li tkun ittrattata b’attenzjoni l-pastorali tal-familja, li fiha l-miżżewġin jipprovdu għajnuna ġeneruża u essenzjali lir-rgħajja. Multipli huma d-dmirijiet li dawk li jkunu jistgħu jwettqu f’din il-pastorali familjari, kif indikajt fil-Familiaris Consortio (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 65-85). Jistgħu jikkontribwixxu ħafna f’dan il-qasam il-movimenti u l-gruppi ta’ spiritwalità matrimonjali, li huma numerużi u attivi f’dawn il-Pajjiżi, u li kordjalment ninkuraġġixxi fix-xogħol tagħhom.

7. Aspett important tal-ħajja familjari huwa dak tar-rapporti bejn: ġenituri u wlied.  Infatti, l-awtorità u l-ubbidjenza li jgħixu fil-familja nisranija għandhom ikunu misqija mill-imħabba ta’ Kristu u orjentati għat-twettiq tal-persuni. San Pawl jissentetizza dan f’sentenza sfiqa b’kontenut:taġixxi fil-Mulej (cf. Ef 6, 1-4), jiġifieri skont ir-rieda tiegħu, fil-preżenza tiegħu, ladarba huwa jippresiedi l-Knisja domestika li hija l-familja (cf. Lumen Gentium, 11). Fil-prova tal-imħabba biss jintgħelbu l-konflitti li jqumu bejn il-ġenerazzjonijiet. Fil-paċenzja, fit-tiftix tal-verità, jistgħu jintegraw ruħhom dawk il-valuri addizzjonali li tagħhom kull ġenerazzjoni hija portatriċi.

Għal dan, li ma tonqosx fil-familji l-orazzjoni flimkien, skont l-aħjar tradizzjonijiet tal-popli tagħkom, biex iġeddu ruħhom b’mod kostanti fit-tajjeb u fis sens ta’ Alla. F’din il-klima jistgħu jiffjorixxu l-vokazzjonijiet meħtieġa għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża, li huma sinjal ta’ barka u ta’ preferenza min-naħa ta’ Alla.

8. Maħbubin miżżewġin: ġeddu f’din l-Ewkaristija l-wegħda tagħkom ta’ fedeltà mutwa, Assunu bħala servizz speċifiku fil-Knisja l-edukazzjoni ntegrali ta’ wlidkom. Ikkollaboraw mal-Isqfijiet u s-saċerdoti tagħkom fl-evanġelizzazzjoni tal-familja.

U ftakru dejjem li n-nisrani awtentiku, ukoll b’sogru li jsir “sinjal ta’ kontradizzjoni”, għandu jkun jaf iwettaq sewwa l-prattiċi magħżula skont il-fidi tiegħu. Minħabba dan għandu jgħid le għall-għaqda mhix imqaddsa taż-żwieġ u għad-divorzju, jgħid le għall-isterilizzazzjoni, bmod speċjali jekk hija mposta lill-kwalunkwè persuna jew grupp etniku għal skopijiet fallaċi; jgħid le għall-kontraċċezzjoni u jgħid le għad-delitt tal-abort li joqtol l-esseri innoċenti.

In-nisrani jemmen fil-ħajja u fl-imħabba. Minħabba dan jgħid iva għall-imħabba li ma tinħallx taż-żwieġ; iva għall-ħajja mqanqla b’mod responsabbli fiż-żwieġ leġittimu; iva għall-protezzjoni tal-ħajja; iva għall-istabiltà tal-familja; iva għall-konvivenza leġittma li tinkuraġġixxi l-komunjoni u tiffavorixxi l-edukazzjoni ekwilibrata tal-ulied, protetti minn imħabba paterna u materna li jikkumplimentaw lil xulxin u jitwettqu fil-formazzjoni ta’ bnedmin ġodda.

L-iva tal-Ħallieq, miksuba minn ulied Alla, hija iva għall-bniedem. Titwieled mill-fidi fil-proġett oriġinarju ta’ Alla. Hija kontribut awtentiku għall-bini ta’ soċjetà fejn tirbaħ iċ-ċiviltà tal-imħabba fuq il-konsumiżmu egoista, il-kultura tal-ħajja fuq iċ-ċediment quddiem il-mewt.

Lill-Verġni Sidtna, li intom issejħu b’sempliċità u żelu Santa Marija, nirrakkomanda l-persuni tagħkom, il-familji tagħkom; b’mod speċjali t-tfal u l-morda tagħkom. Jalla hija tagħmel mill-familji tagħkom santwarju ta’ Alla,  fuklar tal-imħabba nisranija, sur tad-difiża u tad-dinjità tal-ħajja. Hekk ikun bil-grazzja tal-Mulej u bil-barka kordjali tiegħi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading