Missierna li inti fis-Smewwie… u l-miraklu Ewkaristiku fl-Ukrajna!

Print Friendly, PDF & Email

Abwoon d’bwashmaya. Jeżistu  verżjonijiet oħra tal-istess frażi bħalma huma: Aboon Dbashmayo; Abwȗn d’bwaschmâja, Abun di bashmayya u oħrajn; minħabba l-pronunzja fonetika kemxejn differenti skont djaletti varji, imma bażikament kollha għandhom l-istess kunċett u tifsira li hu: Missierna li inti fis-Smewwiet. Dan hu l-mod/i ta’ kif jingħad il-bidu tat-Talba tal-Missierna bl-Aramajk, il-lingwa li biha kien jitkellem Kristu. (Nota: Il-biċċa l-kbira tal-istudjużi u l-istoriċi reliġjużi jsostnu li storikament Ġesù prinċipalment kien jitkellem b’djalett Galilejan tal-Aramajk).

It-Talba tal-Mulej tibda b’“Missierna,” traduzzjoni tal-kelma, “abba”,it-terminu li jiddefinixxi l-missier fil-lingwa Aramajka. Iżda t-traslitterazzjoni Aramajka attwali hija Abwoonli hija għaqda taż-żewġ kelmiet u kunċetti ta’ “aba” (missier)” u “woon” (ġuf). Dan juri l-għarfien  ta’ Ġesù tas-Sors maskili u femminili tal-ħolqien kollu li hu ALLA.F’dan il-kuntest nixtieq nikkwota xi siltiet mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK), kif ukoll minn messaġġi ta’ Papiet ta’ żmienna  dwar dal-kunċett tal-maternita’ ta’ Alla li jistgħu jgħinuna nifhmu xi ftit aktar l-Imħabba u l-Kobor ta’ Alla. 

“Kliem il-Fidi li bih insejħu lil Alla “Missier”, juri prinċipalment żewġ aspetti: Alla hu l-bidu ta’ kollox u awtorità ‘l fuq minn kollox,traxxendenti; Alla hu  fl-istess ħin ukoll tjieba u ħerqa kollha mħabba għal uliedu kollha. Din il-ħlewwa tal-missier li juri Alla tista’ tiġi mfissra wkoll  bi xbieha tal-omm (ara Isaija 66,13; Salm 131,20) li turi aktar l-immanenza ta’ Alla u, l-intimità li hemm bejn Alla u l-ħlejjaq  Tiegħu. B’hekk kliem il-fidi jinbena fuq l-esperjenza umana tal-ġenituri,li b’xi mod huma l-ewwel rappreżentanti ta’ Alla għall-bniedem.Imma din l-esperjenza tgħidilna wkoll kemm huma dgħajfa l-ġenituri tal-bniedem u għalhekk jistgħu jħassru d-dehra tal-paternità u l-maternità. Jaqbel għalhekk li niftakru li Alla hu ‘l fuq minn kull għażla bejn sess u ieħor. Alla  la hu raġel u lanqas mara, imma hu Alla.Hu wkoll ‘il fuq mill-missier u l-omm tal-bnedmin,mill-paternità u l-maternità tal-bnedmin (ara Salm 27,10), għalkemm hu l-bidu u l-qjies tagħhom (ara Efesin 3,14; Isaija 49,15);ebda persuna ma hi  missier  daqs kemm hu Alla.(KKK. Par.239)

Dak li qal il-Papa Ġwanni Pawlu I f’wieħed mill-ftit indirizzi tiegħu bħala Papa.B’referenza għall-idea tal-Maternità Divina:Aħna l-għan tal-Imħabba Eterna  ta’ Alla. Nafu: Alla dejjem għandu għajnejh miftuħin fuqna… Hu Missierna; aktar u aktar hu Ommna….(fl-Angelus, 10 ta’ Settembru 1978)

Dak li qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-Udjenza tiegħu tat-8 ta’ Settembru 1999:

Il-Missier ħanin li jħaddan lill-iben il-ħali huwa l-ikona  definittiva ta’ Alla rrivelata minn Kristu. L-ewwel u qabel kollox hu Missier. Huwa Alla l-Missier li jiftaħ dirgħajh fil-barka u l-maħfra….Idejh isostnu, jaqbdu, jagħtu s-saħħa u, fl-istess ħin, ifarrġu, jikkonslaw u jgħożżu.Huma idejn kemm ta’ missier kif ukoll ta’ omm….”

Dak li qal il-Papa Franġisku  : “L-Imħabba ta’ Alla hi bħall-imħabba ta’ omm. Hu qatt ma jinsa lilna. Qatt. Huwa fidil lejn il-patt tiegħu. Dan jagħtina siġurtà…”. (Omelija, 22ta’ Marzu 2018)

It-Talba tal-Missierna mhijiex xi talba mlissna jew imħabbra minn xi Arkanġlu tas-sema jew minn xi profeta tal-Antik Testmant,jew minn xi Appostlu ,Evanġelista tal-Ġdid Testment;lanqas hi talba ta’ xi Qaddis, teologu magħruf  jew Papa tas-sekli ta’ wara jew ta’ żminijietna, imma hija talba mlissna u mgħallma lill-bnedmin kollha  minn Ġesù Kristu nnifsu – l-Iben ta’ Alla, Veru Alla u Veru bniedem,it-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa.Minn dan naraw il-valur kbir u l-importanza massima u fuq kollox  qaddisa  ta’ din it-talba fil-ħajja tagħna bħala Insara u fil-mixja tagħna għall-qdusija u l-qrubija tagħna lejn Alla u l-ħajja ta’ dejjem.  Għaldaqstant, permezz ta’ din it-talba tal-Missierna huwa Alla stess li qed jgħallimna kif nitolbu. Hija  waħda mit-talbiet l-aktar komunament imlissna minn nies tad-denominazzjonijiet Kristjani kollha, kemm fil-qima pubblika kif ukoll dik privata.

Il-Missierna fil-Bibbja

Żewġ verżjonijiet tat-talba tal-Missierna jinsabu fil-Bibbja: fil-Vanġelji ta’ San Mattew 6.9-15 u ta’ San Luqa 11,1-4.

San Mattew u San Luqa jippreżentaw it-Talba tal-Missierna b’mod differenti fl-Evanġelji tagħhom. Il-verżjoni ta’ San Mattew hija parti mill-Prietka ta’ Ġesù fuq il-Muntanja,u jispjega kif  it- tjieba ta’ Alla hi bil-ferm aqwa minn dik tal-kittieba u l-Fariżej. Fil-verżjoni ta’ Luqa,Ġesù jgħallem it-talba tal-Missierna waqt il-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm.Hija bi tweġiba għat-talba ta’ dixxiplu  biex jgħallimhom jitolbu: “Mulej għallimna nitolbu, bħalma għallem  Ġwanni lid-dixxipli tiegħu” . Bħala rabbi tagħhom,id-dixxipli raw lil Ġesù bħala eżempju ta’ bniedem ta’ talb.

Il-verżjoni sħiħa u itwal tat-Talba tal-Missierna nsibuha fil-Vanġelju ta’ San Mattew.

Rigward il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ verżjonijiet, xi wħud issuġġerew li t-tnejn kienu oriġinali, il-verżjoni ta’ San Mattew mgħallma minn Ġesù kmieni fil-ministeru tiegħu fil-Galilija, u l-verżjoni ta’ San Luqa sena wara, probabbli ħafna, fil-Lhudija.

B’din it-Talba Sidna Ġesù Kristu tana l-aqwa mudell tat-talb.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Ukrajna

Huwa sinifikanti l-fatt li l-Miraklu ta’ Legnica seħħ fi knisja ddedikata lil San Ġjaċint (1185-1257), kif rajna fl-artiklu preċedenti f’dis-sensiela.

San Ġjaċint kien qaddis dumnikan Pollakk li kien devot ħafna tal-Ewkaristija. Huwa xerred din id-devozzjoni kbira tiegħu lejn l-Ewkaristija u wettaq ħidma kbira   ta’ Evanġelizzazzjoni tal-popli bil-predikazzjoni u l-appostolat tiegħu filwaqt li  waqqaf bosta kunventi u komunitajiet  dumnikani f’diversi pajjiżi,fosthom fir-Russja,l-Ukrajna, fil-Litwanja, fir-Repubblika Ċeka tal-lum u s-Slovakkja, fl-Awstrija, fil-Boemja,fil-Greċja, fit-Turkija u fit-Tramuntana taċ-Ċina. Wara li qasam il-Baħar Baltiku,ippriedka wkoll fid-Danimarka,fl-Isvezja, u fil-Norveġja u fl-Iskozja.

Eventwalment,f’wieħed minn dawn il-vjaġġi tiegħu esperjenza  Miraklu Ewkaristiku, marbut wkoll ma’ messaġġ li kellu mingħand il-Verġni Marija.

Waqt li Ġjaċint kien f’Ukrajna jwettaq din il-ħidma,madwar is-sena 1240,it-truppi ħarxa  tal-Mongolja kienu laħqu l-periferija ta’ Kiev. San Ġjaċint ħa l-pissidi  li kien fih l-Ewkaristija u ried jieħdu f’post sigur. Wasal fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja u sema’ leħen ġej mill-istatwa tal-Madonna ħdejn l-artal isejjaħlu u jgħidlu: Ġjaċint, Ġjaċint. Nara li qed issalva lil Ibni, imma inti ma tridx tħalli lil Ommu f’idejn il-barbari profananti, hux tassew?Skuża ruħu u qalilha  li kien impossibbli għalih li jerfa’ piż daqshekk kbir tal-istatwa,iżda l-Madonna weġbitu:“Kieku kellek ftit aktar Fidi u Imħabba għalija, ikun faċli għalik li ġġorr dan il-piż.”

“Ma rrid xejn ħlief li nħobbok u nafda fik!” weġibha San Ġjaċint. Minnufih l-istatwa saret ħafifa ħafna u San Ġjaċint, akkumpanjat minn sħabu l-patrijiet, qasam b’mod mirakoluż ix-xmara wiesgħa Dnieper, billi hu u sħabu l-patrijiet imxew fuq l-ilmijiet tagħha,mingħajr lanqas biss kienu    osservati u mwaqqfa mit-truppi Mongoljani.  

Din il-ġrajja hi kkonsidrata mill-poplu Pollakk bħala Miraklu Ewkaristiku,u fil-Polonja u f’bosta pajjiżi oħra  teżisti devozzjoni kbira lejn dal-qaddis u  lejn dal-Miraklu Ewkaristiku.

F’din is-sensiela jkollna wkoll l-okkażjoni li nsemmu   u nitkellmu wkoll fil-qosor dwar  Mirakli Ewkaristiċi li seħħew lil diversi qaddisin, jew persuni oħra, dejjem s’intendi approvati uffiċjalment mill-Knisja Kattolika,  matul l-Istorja tal-Kristjaneżmu.  

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading