Pellegrini fuq l-art li fiha qegħidna l-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

It-Tama tal-ħolqien fil-Ħallieq

U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien.”  [Ġen:3:8]

Kien l-ewwel darba li l-bniedem inqeda’ bil-ħolqien biex jinħeba mill-Ħallieq.  Jista’ jkun li llum aħna għadna qed nippruvaw nagħmlu l-istess?  Jew forsi fi żmienna tant qaċċatna siġar, tant qridna foresti u ħraqna boskijiet, li bilkemm fadlilna fejn nistgħu nistkennu mir-raġġi qawwija tax-xemx!

Minn kapitlu 25 tal-Levitiku nindunaw li sa mit-Testment il-Qadim, il-Ġublew kellu r-rabta speċjali saħansitra mal-art, tant li matul is-sena ġubilari lanqas biss kienet tiġi maħduma.

Fl-ittra tiegħu lil Monsinjur Fisichella u li fiha ħabbar it-tema, Pellegrini tat-Tama, il-Papa Franġisku kiteb li “d-dimensjoni spiritwali tal-Ġublew, li tistieden għall-konverżjoni, għandha titwaħħad mal-aspetti fundamentali tal-ħajja soċjali, biex nibnu għaqda koerenti. Sabiex inħossuna lkoll pellegrini fuq l-art li fiha l-Mulej qegħidna biex nieħdu ħsiebha u nħarsuha. Sabiex fil-mixja tagħna, ma nittraskurawx il-kontemplazzjoni tal-ġmiel tal-ħolqien u l-għożża tad-dar komuni tagħna.

Il-Papa Franġisku esprima diversi drabi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi ekoloġika ta’ żmienna.  Fl-aħħar Eżortazzjoni Appostolika, Laudate Deum, huwa għamlilna stedina diretta biex nissieħbu lkoll fil-mixja ta’ rikonċiljazzjoni mad-dinja li tilqagħna fiha (par 69)

Imma saħansitra tmien snin qabel, fl-Enċiklika Laudato Si’  kien kiteb li hija t-tama nfisha, li tistedinna nagħrfu li dejjem hemm triq ’il quddiem, li dejjem nistgħu naqilbu r-rotta, li dejjem nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex insewwu l-problemi (par 61)

Ma nistgħu qatt naqtgħu qalbna, għaliex kif turina l-ġrajja biblika ta’ Noè, biżżejjed bniedem wieħed tajjeb, biex ikun hemm it-tama! (par 71)

Il-Ġublew, huwa tifkira għażiża tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla Imma jeħtieġ li fil-mixja tagħna bħala Knisja, niftakru wkoll li dak Alla li salvana, huwa Alla li ħalaqna.  Li Alla salvatur huwa Alla kreatur.

Fil-mixja tagħna bħala Knisja, mhux biss lejn is-sena tal-ġublew, imma lil hinn minnha, ngħassu fuqna nfusna, li fil-ħeġġa tagħna biex nisħqu fuq id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem, ma nagħmlux l-iżball li nitraskuraw dik soċjali u dik ekoloġika.

Nawguraw, bi kliem il-Papa Franġisku nnifsu, li s-Sena Ġubilari li ġejja, niċċelebrawha u ngħixuha wkoll b’din l-istess intenzjoni. Fil-fatt, għadd dejjem jikber ta’ persuni, fosthom ħafna żgħażagħ u tfal, diġà qegħdin jagħrfu li l-għożża tal-ħolqien hija espressjoni essenzjali tal-fidi f’Alla u tal-ubbidjenza għar-rieda tiegħu.

Aktar fuq il-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama f’din il-paġna tal-Laikos … https://laikos.org/g2025/

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading