Is-Saċerdozju Waħdieni ta’ Kristu… u mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel Sekli (2)

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

“Permezz tal-ministri ordnati, speċjalment tal-isqfijiet u tal-presbiteri, il-Preżenza ta’ Kristu bħala l-Kap tal-Knisja tidher f’nofs il-komunità ta’ dawk li jemmnu. Skont l-espressjoni tassew sabiħa bil-Grieg ta’ San Injazju ta’ Antijokja (c.35 – c.107 AD), l-isqof huwatypos tou Patros” – tradotta għall-Malti – “qisu x-xbieha ħajja ta’ Alla l-Missier” (Epistula ad Trallenses,3,1; Epistula ad Magnesios,6.1) (KKK 1549).

Fil-kuntest tat-tagħlim tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattoliku (KKK) dwar il-vokazzjoni tal-Ministri ordnati kollha nħoss li hu importanti li naqraw, nirriflettu  u nifhmu sew dal-paragrafu ta’ hawn taħt:   

“Din il-preżenza ta’ Kristu fil-ministru m’għandniex nifmuha bħallikieku dan jiġi meħlus  minn kulma hu dgħajjef fil-bniedem,mill-ispirtu tal-ħakma,mill-iżbalji,mid-dnub ukoll.Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ma tħarisx bl-istess mod l-għemejjel kollha tal-ministri.Waqt li  l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tażgura li jseħħ dak li jagħmlu s-Sagramenti,b’mod li d-dnub tal-ministru mhux se jfixkel l-għoti  tal-grazzja,hemm ħafna għemil ieħor li fih il-karattru tal-ministru bħala bniedem mhux dejjem iħalli sinjali  li juru fedeltà lejn l-Evanġelju u li jistgħu wkoll ikunu ta’ ħsara,b’mod li l-ħidma Appostolika tal-Knisja ma tagħtix il-frott tagħha”. (KKK 1550)

IsSaċerdożju Ministerjali. “Dan l-uffiċċju,mogħti mill-Mulej lir-ragħajja tal-poplu, hu veru servizz” Hu ministeru kollu kemm hu għal Kristu u all-bnedmin.Jiddependi għalkollox minn Kristu u mis-Saċerdozju Waħdieni Tiegħu,u twaqqaf favur il-bnedmin u favur il-komunità tal-Knisja.Is-Sagrament tal-Ordni Sagri jagħtisetgħa qaddisa” li mhijiex ħlief is-setgħa qaddisa ta’ Kristu.It-tħaddim ta’ din l-awtorità jrid għalhekk jitkejjel skont l-eżempju ta’ Kristu li għall-imħabba tagħna sar l-aħħar wieħed u l-qaddej ta’ kulħadd.(Mk 10,43-4;1 Piet 5,3).“Il-Mulej għamilha ċara li l-għajnuna mogħtija lill-merħla tiegħu hi prova ta imħabba għalih” (Ġw. 21,15-17) (KKK 1551)

Wara li rajna t-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar l-Ordni tal-Isqfijiet u s-Saċerdoti, naraw issa dak li tgħallem il-Knisja dwar l-Ordni tad-Djakni.

Kmieni fl-istorja tal-Knisja,xi rġiel ġew magħżula biex jiġu ordnati b’mod speċjali għas-servizz:id-djakni.L-Appostli stiednu  lid-dixxipli:“…agħżlu, l-aħwa,fostkom sebat irġiel,li għandhom isem tajjeb,mimlija bl-Ispirtu u bl-għerf,u nqegħduhom għal dax-xogħol…”(Atti 6:3).”Fi grad inqas tal-ġerarkija jinsabu d-djakni:it-tqegħid tal-idejn isirilhom mhux għas-saċerdozju,imma għall-qadi”.(KKK 1569)...li jagħmilhom xebħ ma’ Kristu,li ried ikun “djaknu”,jiġifieri qaddej ta’ kulħadd (Mk.10,45;Lq 22,27)… (KKK 1570). Hawnhekk, ta’ min igħid li San Stiefnu, kien wieħed mill-ewwel seba’ djakni tal-Knisja u sar l-ewwel martri Nisrani.Stiefnu ġie mħaġġar għall-mewt fis-sena 36 AD.

Il-Mirakli Ewkaristiċi fl-ewwel Sekli tal-Kristjaneżmu (2)

Il-Miraklu ta’ San Satyrus – Seklu 4, Ruma

Fix-xogħol tiegħu,De excessu fratris Satyri, Sant’ Ambroġ innifsu jiddeskrivi dal-Miraklu Ewkaristiku li fih ħuh Satyrus kellu rwol ewlieni.Fil-fatt,San Satyrus seta’ jsalva minn nawfraġju grazzi għall-Ewkaristija.

Dwar ħuh,Sant’Ambroġ jikteb: “X’għandi ngħid dwar il-qima tiegħu fil-qima ta’ Alla? Episodju wieħed ikun biżżejjed.Qabel ma nbeda bis-sħiħ fil-Misteri Sublimi(l-Ewwel Tqarbina), esperjenza nawfraġju. Meta l-vapur li kien qed jivvjaġġa nkalja fuq xi sikek u filwaqt li, madwaru,il-mewġ kien qed ifarrku,ma beżax li jmut imma li jkollu jmut mingħajr ma jkun mitmugħ mill-Misteri Sagri.Għalhekk talab l-Ewkaristija mingħand dawk li kien jaf li jinbdew fis-Sagrament Divin tal-Fidili u poġġa l-Ewkaristija Mqaddsa f’maktur,li hu dendel ma’ għonqu.

Imbagħad intefa’ fil-baħar u fittex tavla maħlula minn ġol-vapur biex jistrieħ magħha,imma ma pprovax jgħum biex isalva lilu nnifsu,għax kien poġġa l-fiduċja tiegħu biss fl-armi tal-fidi.Peress li kien konvint li hu mħares  biżżejjed minn din il-fidi,ma fittex ebda għajnuna oħra.

Imbagħad,hekk kif ġie salvat mill-mewġ u wasal l-art,ta ġieħ lill-Mexxej li lilu kien afda lilu nnifsu.Hekk kif ġie salvat u nduna li l-qaddejja kollha tiegħu kienu salvati mar fil-knisja ta’ Alla,mingħajr ma jilmenta dwar il-beni li kien tilef,biex jirringrazzjah talli salvah u biex isir jaf il-Misteri Eterni Tiegħu.Qal li ma kienx hemm dmir iktar importanti minn dak li jagħti ħajr…Min esperjenza l-għajnuna kbira tal-Misteri tas-Smewwiet imgeżwer f’maktur qiesha importanti li jikkunsma l-Ewkaristija Mqaddsa u jilqa’ lil Kristu Ewkaristiku fil-fond ta’ qalbu.”

Il- Miraklu Ewkaristiku  ta’ Santa Marija tal-Eġittu Seklu 6

Dal-Miraklu hu ddokumentat fil-Vita miktuba mill-Patrijarka ta’ Ġerusalemm Sophronius fis-6 seklu.Il-Miraklu jikkonċerna lil Santa Marija tal-Eġittu,li jingħad li mxiet fuq ix-xmara Ġordan biex tasal ix-xatt tan-naħa l-oħra biex tirċievi l-Ewkaristija.

Din it-tfajla,imwielda l-Eġittu (c 344 – c.421 AD),ta’ tnax-il sena ħalliet il-ġenituri tagħha u marret Lixandra u hemm għexet bħala prostituta. Il-ħajja bikrija ta’ Marija kienet waħda ta’ telqa spiritwali u reliġjuża. Minn età tenera, sabet ruħha miġbuda lejn il-vizzji tad-dinja, tfittex biss il-pjaċir u s-sodisfazzjon tad-dinja.

Sbatax-il sena wara,marret Ġerusalemm,fil-jum il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, u riedet tidħol fil-knisja bil-ħsieb li tfittex il-klijenti.Iżda forza misterjuża żammitha milli tagħmel dan.Fil-bieb tal-knisja,rat xbieha tal-Madonna.Dak il-ħin, it-tfajla inħakkmet mir-rimors għall-ħajja li kienet qed tgħix u talbet il-għajnuna tal-Madonna.Semgħet leħen jgħidilha:Jekk taqsam ix-Xmara Ġordan, issib il-paċi.

L-għada, wara li qerret u rċeviet l-Ewkaristja,għamlet kif kien qalilha l-leħen.Qasmet ix-xmara Ġordan u marret fid-deżert fejn għexet il-bqija ta’ ħajjitha bħala  eremita. Kif kienet wegħditha il-Madonna,hemm sabet il-paċi ta’ ruħha.Jum wieħed rat lill-patri Zosimus  tal-Palestina,li kien sejjer lejn il-monasterju tiegħu fid-deżert għar-Randan,u wara li qarbinha talbitu biex iqarbinha kull sena.

Sena wara,Zosimus reġa’ mar bl-Ewkaristija biex iqarbinha imma Marija kienet fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan.Ma kien hemm ebda mod għalih biex jaqsam lejha,u għalhekk Zosimus ħaseb li kien se jkun impossibbli li jqarbinha.Iżda hi għamlet is-sinjal tas-salib u b’fiduċja sħiħa daħlet fl-ilmijiet tax-xmara Ġordan. Hekk kif daħlet fl-ilma b’mod mirakoluż il-kurrenti tax-xmara waqfu, u dlonk imxiet  fuq l-ilma bħallikieku kienet art soda biex tiltaqa’ mal-patri u tirċievi l-Ewkaristija.Dal-miraklu kien xhieda tal-fidi soda tagħha u tal-qawwa divina li ggwidaha kull pass.

Is-sena ta’ wara,Zosimus reġa’ mar fl-istess post biex iqarbinha.Iżda,sabha mimduda mejta,u l-ġisem immunifikat tagħha fid-deżert.Skont skrizzjoni fir-ramel ħdejn rasha kien hemm miktub li hija mietet fil-lejl stess li kienet irċeviet l-Ewkaristija s-sena ta’ qabel.Zosimus,bl-għajnuna ta’ iljunħaffer qabar u difinha fih.Lura lejn il-monasteru tiegħu,Zosimus irrakkonta dil-ġrajja lill-patrijiet l-oħra u wara dil-ġrajja ġiet mgħoddija permezz ta’ tradizzjoni orali sakemm ġiet miktuba mill-Patrijarka Sophronius.

Santa Marija tal-Eġittu hi meqjuma ħafna fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant u fil-Knisja Kopta bħala Omm tad-deżert.Hekk kif għadda ż-żmien, Marija tal-Eġittu ġiet rikonoxxuta formalment bħala qaddisa wkoll mill-Knisja Kattolika, u l-festa tagħha tiġi ċċelebrata b’qima u devozzjoni kull l-ewwel jum ta’April.Il-Knisja tqimha bħala  Patruna tal-penitenti.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading