Sforzi kontra l-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess

Il-Gvern fir-Renju Unit qal li s-sena d-dieħla se jkun qed jintroduċi abbozz ta’ liġi biex jillegalizza dak li qed jissejjaħ żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
Dawk li huma kontra l-pjan qalu li d-deċiżjoni dwar dan saret mingħajr konsultazzjoni.

Kemm il-Knisja Kattolika u l-Knisja Anglikana ħabbru li huma kontra l-liġi proposta. B’reazzjoni għall-aħbar, iż-żewġ Arċisqfijiet kattoliċi f’Londra, Vincent Nichols ta’ Westminister u Peter Smith ta’ Southwark, ħarġu stqarrija  biex joppona bl-iktar mod qawwi l-proposta. “Għadu jimpurtana miż-żwieġ”, qalu. Żiedu li “t-tifsira tinsab fl-istess funzjoni taż-żwieġ bħala l-pedament tal-familja”. Waqt li innutaw li l-Gvern għażel li jinjora l-opinjoni ta’ iktar minn 600,000 persuna li ffirmaw petizzjoni b’appell sabiex tinżamm id-definizzjoni attwali taż-żwieġ, l-Arċisqfijiet komplew jikkritikaw il-proċess li għaddej biex il-liġi proposta eventwalment tidħol fis-seħħ. L-Arċisqfijiet Nichols u Smith ikkonkludew l-istqarrija tagħhom billi appellaw lil kull min jimpurtah mit-tifsira vera taż-żwieġ sabiex ma jiddejjaqx javviċina lill-membri parlamentari u jipprova jipperswadihom bil-kalma kollha. Fi kliemhom, “għadu mhux tard wisq biex inwaqqfu din il-liġi milli timmaterjalizza”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof