Diskors tal-Isqof Mario Grech fiċ-Ċelebrazzjoni Annwali tal-Iskejjel tal-Knisja


Diskors fiċ-Ċelebrazzjoni Annwali tal-Iskejjel tal-Knisja
Grand Hotel, l-Imġarr, Għawdex
It-Tlieta 6 ta’ Settembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SKEJJEL TAL-KNISJA AĠENTI TA’ UMANIŻMU ĠDID

Il-ħolma tiegħi għas-soċjetà tagħna hija l-istess ħolma li l-Papa Franġisku għandu għall-Ewropa kif fisser dakinhar li huwa rċieva l-Premju prestiġjuż Karlu Manju:

“Noħlom Ewropa żagħżugħa, li għadha kapaċi tkun omm: omm li għandha l-ħajja, għax tirrispetta l-ħajja u toffri tamiet ta’ ħajja.

Noħlom Ewropa li tieħu ħsieb tat-tarbija, li taqbeż biex tgħin lill-fqir qisha kienet oħtu u lil min jasal għandha jfittex min jilqgħu għax ma fadallu xejn u qed jitlob kenn.

Noħlom Ewropa li tisma’ u tagħti valur lill-morda u l-anzjani, biex ma jispiċċawx oġġetti għar-rimi għax mhux kapaċi jipproduċu.

Noħlom Ewropa, li fiha li tkun immigrant mhux xi delitt, imma stedina għal impenn akbar b’riżq id-dinjità tal-bnedmin kollha.

Noħlom Ewropa fejn iż-żgħażagħ jieħdu n-nifs fl-arja nadifa tal-onestà, iħobbu l-ġmiel tal-kultura u ta’ ħajja sempliċi, mhux imniġġsa mill-bżonnijiet infinit tal-konsumiżmu; fejn li tiżżewweġ u jkollok it-tfal hi responsabbiltà u ferħ kbir, mhux problema minħabba n-nuqqas ta’ xogħol stabbli biżżejjed.

Noħlom Ewropa tal-familji, b’politika tassew effettiva, iċċentrata fuq l-uċuħ iżjed milli fuq in-numri, fuq it-twelid tal-ulied iżjed milli fuq it-tkattir tal-ġid.

Noħlom Ewropa li ġġib ’il quddiem u tħares il-jeddijiet ta’ kull persuna, bla ma tinsa d-dmirijiet lejn kulħadd.

Noħlom Ewropa li għaliha ħadd ma jista’ jgħid li l-impenn tagħha b’riżq id-drittijiet umani kien l-aħħar utopja tagħha.

Noħlom Ewropa li kapaċi tagħti d-dawl lil umaniżmu ġdid imsejjes fuq tliet ħiliet: il-ħila li nintegraw, il-ħila li niddjalogaw u l-ħila li niġġeneraw. Aħna mistiedna nippromovu integrazzjoni li fis-solidarjetà ssib il-mod kif tagħmel l-affarijiet, il-mod kif tibni l-istorja”.

L-iskola hija fost id-diversi aġenti li għandhom qawwa jiġġeneraw dan l-umaniżmu ġdid mhux biss fl-istudenti imma fl-imsieħba kollha li jiltaqgħu fl-ambjent edukattiv. Fil-fatt, l-iskola toffri sistema strateġika li tgħin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tissawwar, u skont kif jissawru l-istudenti tieħu sura s-soċjetà. L-għan tal-iskola mhux biss li toffri edukazzjoni formali lill-istudenti, imma li toffrilhom dak l-ispazju fejn huma jistgħu jifhmu u jesperimentaw kif jistgħu jgħixu ħajja umana tassew dinjituża. L-iskola hija dak l-ambjent fejn wieħed jikber fl-għarfien u bil-mod il-mod jinfetaħ għar-realtajiet ma’ madwaru. Fil-fatt huwa fiż-żmien li ngħaddu fl-iskola li nibdew nintebħu bil-ġmiel tal-kultura għanja li l-umanità żviluppat mal-medda tas-sekli; huwa fl-iskola li nitgħallmu nesprimu lilna nfusna f’nisġa ta’ relazzjonijiet u hekk kull wieħed isir aġent li jkattar il-kultura.

Il-varjetà ta’ dixxiplini mgħallma fl-iskola tgħin lill-istudent biex jiftaħ it-twieqi fuq il-kumplessità tar-realtà ta’ madwaru. Tkun inġustizzja jekk il-ħsieb ma jitħalliex ħieles biex jimraħ. L-iskola tirnexxi meta bis-suġġetti li toffri hija tistimula l-istudent biex ikompli jistaqsi, anzi l-iskola tkun ħalliet marka fl-istudent jekk tqajjem fih/a l-passjoni għal dak li huwa veru, tajjeb u sabiħ.

It-tagħlim tar-reliġjon Kattolika għandu sehem importanti f’dan l-arjopagu kulturali kontemporanju. F’dinja globalizzata li għandha t-tendenza li xxejjen id-differenzi, it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika għandu jgħin biex tiġi rkuprata l-identità kemm personali u kemm kulturali. Jekk l-iskola hija arena fejn isir il-konfront kritiku ma’ identitajiet oħra, l-iskola ma tistax ma tgħinx biex l-istudent jikseb tagħrif dwar l-identità u l-kultura propja tiegħu. Fil-każ tagħna għandna skola tal-Knisja Kattolika b’mission statement magħruf u endorsed mill-kotra ta’ ġenituri u l-istudenti li jfittxu s-servizzi tal-iskola tal-Knisja.

Huwa fatt li hemm min anki f’isem l-onestà intellettwali huwa favur in-newtralità fit-tagħlim. Imma hawn xi bniedem li ma għandux nuċċali? Meta l-bniedem jaqra r-realtà ta’ madwaru, jaqraha bin-nuċċali li jkollu. L-ermenewtika kulturali kontemporanja (Charles Glenn u Louis Legrand) tixhdilna li n-newtralità ma teżistix. Dan tal-aħħar jikteb hekk dwar it-tagħlim newtrali: “Il suo unico contenuto è diventato la neutralità, che accetta come contenuto dell’istruzione solo ciò che non è basato su alcun valore, la pura conoscenza e la tecnica. […] Ma questa neutralità è impossibile, come hanno dimostrato molti fatti degli anni recenti, e specialmente la crescente e inquietante indifferenza dei giovani nei riguardi degli studi… Questa pseudo-neutralità è fondamentalmente una scuola di conformismo sociale – o di rivolta anarchica contro tale conformismo. Il vuoto ideologico conduce infatti alla sterilità dell’istruzione”.

Il-vojt ideoloġiku ser ikompli jkattar il-faqar uman! Il-komunità Nisranija għandha proposta x’tagħmel lis-soċjetà (u allura anki lis-sistema edukattiva): aħna nemmnu li f’Ġesù Kristu għandna l-veru wiċċ uman – bi Kristu kull aspett tal-ħajja tal-bniedem, individwalment u soċjalment, huwa mħares. Il-fidi fi Kristu tiġġenera umaniżmu “konkret” – umaniżmu tant ġdid li Karl Rahner issejjaħlu “umaniżmu mhux uman”, mhux għax huwa antiuman, imma għax għall-kuntrarju jmur ’l hinn mill-uman – huwa umaniżmu sopranaturali.

Din hija l-isfida li għandna bħala Knisja preżenti fis-soċjetà tagħna permezz tal-iskejjel tagħha: li nipproponu lil Ġesù Kristu biex nibnu soċjetà aktar umana. Hekk biss nara titwettaq il-ħolma li semmejt fil-bidu.